‘F’għaxart ijiem kellna telefonati daqskemm is-soltu jkollna fi tliet xhur ... Rajna żieda qawwija fl-ansjetà

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Fondazzjoni Richmond dwar l-effett tal-pandemija fuq is-saħħa mentali, ix-xogħol li qed twettaq u dak li hemm bżonn isir biex tonqos l-istigma u aktar nies ifittxu l-għajnuna

Matul ix-xhur tal-pandemija tkellimna ħafna fuq kemm persuni batew finanzjarjament, tkellimna fuq festi u attivitajiet li ma sarux u ilmentajna għax ma kellna mkien fejn immorru. Madanakollu, ftit li xejn tkellimna fuq persuni li batew u għadhom qed ibatu mentalment. Din hija realtà li messet b’idha l-Fondazzjoni Richmond.

Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma’ Svetlana Gatt, il-Koordinatur tal-Kommunikazzjoni tal-Fondazzjoni. Bdejna nitkellmu fuq ix-xogħol li l-Fondazzjoni ilha twettaq għal dawn l-aħħar 27 sena. Spjegat kif l-għan prinċipali tagħha huwa li toffri appoġġ u tqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali f’Malta.

Tiffoka ħafna fuq persuni li jkollhom problemi ta’ saħħa mentali kroniċi. Fil-fatt, il-Fondazzjoni għandha seba’ residenzi, inkluż ħames hostels li joffru akkomodazzjoni lil persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali kroniċi, b’mod partikolari nies li qabel kienu jgħixu fl-Isptar Mount Carmel iżda ma jkollhomx alternattiva oħra fejn imorru.

Il-Fondazzjoni għandha wkoll Villa Chelsea, f’Birkirkara, liema dar toffri servizz ta’ rijabilitazzjoni, għal dawk il-persuni li jkollhom bżonn isaħħu l-ħiliet tagħhom fl-affarijiet ta’ kuljum, fosthom kif wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, iqassam il-flus, jixtri jew ifittex xogħol.

Għandha wkoll servizz għat-tfal ta’ bejn seba’ u għaxar snin u li jkollhom problemi severi ta’ mġieba. Dawn apparti servizzi oħra.

X’inhi s-saħħa mentali?

L-ILLUM bdiet titkellem ma’ Svetlana Gatt fuq il-problemi ta’ saħħa mentali u kif wieħed jinduna bihom.

“Saħħa mentali kulħadd għandu bħalma kulħadd għandu saħħa fiżika. Li nagħmlu aħna huwa li ngħinu lil dak li jkun jifhem fejn qiegħda s-saħħa mentali tiegħu,” bdiet tispjega Gatt. “Jiena nista’ nqum filgħodu u nħossni tajba. Tiġi ġurnata u nħossni ħażin. Dik hija xi ħaġa fil-burdata tiegħi, fil-ħsibijiet tiegħi, anke kif qed inġib ruħi. Dik hija s-saħħa mentali.”

Kompliet tispjega kif anke jekk persuna ma tbatix minn problemi ta’ saħħa mentali, ġieli jiġu ġranet fejn ma tkunx qed tħossha tajba, forsi ma jkollix aptit tmur ix-xogħol jew inkella tagħmel l-affarijiet ta’ kuljum, b’mod partikolari jekk persuna tkun għaddejja minn żmien ta’ tranżizzjoni, bħal pereżempju meta persuna tbiddel ix-xogħol. Dik hija normali.

“Ikun hemm problema ta’ saħħa mentali meta naraw tibdil fl-imġieba ta’ persuna u li ddum naqra aktar. Jekk jiena se nbiddel ix-xogħol se ngħaddi minn żmien fejn se nħossni ftit aktar anzjuża imma meta dik l-ansjetà tibda żżommni milli nagħmel l-affarijiet li ssoltu kont nagħmel, pereżempju ma mmurx għax-xogħol jew ma nkunx niflaħ nagħmel affarijiet żgħar ta’ kuljum, hemmhekk fejn naraw jekk persuna jkunx hemm bżonn li tingħata aktar appoġġ,” spjegat Gatt.

‘Għad hawn mentalità li s-saħħa mentali hija xi ħaġa tal-mistħija’

L-ILLUM staqsiet lil Gatt xi jżomm persuni milli jfittxu l-għajnuna u jaċċettaw li jkollhom problema.

Spjegat li hemm ħafna fatturi, iżda semmiet il-fatt li f’Malta forsi għad hawn il-mentalità li s-saħħa mentali hija xi ħaġa li ma għandekx titkellem fuqha anke għax għadna nħarsu lejha bħala xi ħaġa tal-mistħija. Gatt qalet li jiltaqgħu wkoll ma’ persuni li jiddejqu jitkellmu għax jiddejqu jħossuhom fraġli. 

“Fil-verità l-persuna tkun għaddejja minn żmien vulnerabbli. Meta persuna għandha d-deni, mhux se tistenna minnha l-istess affarijiet. Mhux tort tagħha. Għalhekk aħna naħdmu ħafna ma’ dawn il-persuni biex nispjegawlhom li jkunu għaddejin minn żmien vulnerabbli, iżda ma jfissirx li mhumiex b’saħħithom. Sempliċiment ikollhom bżonn ftit aktar appoġġ biex ikomplu bil-ħajja ta’ kuljum,” saħqet Gatt.

Kien hawn li saħqet li l-Fondazzjoni taħdem ħafna biex iżżid il-kuxjenza u tinnormalizza l-idea li l-appoġġ għas-saħħa mentali huwa normali.

Gatt saħqet li jkun hemm persuni li jiddejqu għall-fatt li jħossu li ma kinux kapaċi jsolvu din il-problema waħedhom.

“Nerġa’ nqabbel mas-saħħa fiżika. Jekk inti għandek ftit sogħla u mort għand it-tabib se jgħidlek biex tieħu ħsieb u tieħu l-kura. Jekk ma tiħux ħsieb se tiżviluppa xi ħaġa aktar serja u jkollok bżonn aktar kura,” kompliet tispjega Gatt.

‘Ikunu draw jgħixu f’Mount Carmel u jkollhom bżonn l-appoġġ’

Tkellimna aktar fuq il-ħames hostels, bl-ILLUM tistaqsi lil Svetlana Gatt xi tkun l-akbar sfida li jiffaċċjaw dawk il-persuni li joħorġu mill-Isptar Mount Carmel, anke minħabba d-dellijiet u l-istigma li forsi għad hemm marbuta ma’ dan l-isptar.

Gatt spjegat kif il-kundizzjoni tan-nies li joħorġu mill-isptar għal hostels tkun ilha żmien twil stabbli. Saħqet li dawn il-persuni jkollhom bżonn sempliċiment għajnuna biex jerġgħu jidraw jagħmlu l-affarijiet ta’ kuljum u anke appoġġ emozzjonali jew psikoloġiku.

Gatt, li għamlet xi żmien taħdem ukoll f’dawn il-hostels, saħqet kif waħda mill-akbar sfidi li jiffaċċjaw, tkun ġejja mill-fatt li dawn il-persuni jkunu draw jgħixu f’istituzzjoni bħalma huwa l-isptar u allura jsibuha diffiċli biex jibdew jagħmlu l-affarijiet ta’ kuljum, bħal pereżempju jieklu waħedhom, jaħslu l-ħwejjeġ, iħallsu għat-trasport etċ.

“Għall-bidu mhux kulħadd ikun jista’ jifhem. Anke jekk ikollhom aktar libertà, meta tkun ilek żmien tgħix f’istituzzjoni tidra u tħossok sigur. Ikunu raw lill-professjonisti bħala studenti, rawhom jiggradwaw, jibdew jaħdmu, joħorġu bil-leave tal-maternità,” saħqet Gatt.

Kien hawn li l-ILLUM staqsietha għaliex ikun hemm persuni li jdumu daqshekk fl-Isptar, b’Gatt tisħaq li din kienet aktar ħaġa komuni fil-passat, anke għax dawn il-persuni ma kienx ikollhom fejn imorru u jispiċċaw bla dar.

Mistoqsija jekk ikunx hemm każi ta’ qraba li ma jkunux iridu jaċċettawhom lura, Gatt saħqet li mhijiex sitwazzjoni faċli, anke għax ikun hemm persuni li jkollhom bżonn l-appoġġ kontinwu u għall-qraba dan ma jkunx possibbli.

‘Aktar appoġġ fil-komunità u bżonn ta’ sptar viċin Mater Dei’

La tkellimna dwar Mount Carmel, l-ILLUM ma setgħetx ma tistaqsix lil Gatt dwar il-fatt li l-post fejn jingħataw kura persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jissejjaħ sptar u jekk dan ikomplix iżid mal-istigma li forsi jista’ jkun hemm.

“Naħseb il-fatt li huwa sptar, jgħin aktar u mhux itellef. Qabel konnha nirreferu għalih bħala ‘hemm fuq’ jew ‘frankuni.’ Dan huwa sptar, bħal kwalunkwe sptar ieħor. Irridu nifhmu li jkun hemm persuni li jkun hemm bżonn li jingħataw kura fi sptar,” saħqet Gatt. “Idealment, bħala sptar, issa nimxu lejn binja oħra li tkun parti mill-isptar Mater Dei, bħalma huma dipartimenti oħra. ” 

Madanakollu insistiet li l-Fondazzjoni Richmond taħdem biex ikun hemm aktar appoġġ fil-komunità, biex min ma jkollux bżonn jidħol Mount Carmel, ma jidħolx. Dwar l-istigma fuq l-isptar, Gatt saħqet li hija ħasra għax fi kliemha hemm professjonisti li jaħdmu ħafna u li huma ddedikati.

Minn problemi ta’ saħħa mentali tista’ tfiq?

Iżda minn problema ta’ saħħa mentali, tista’ tfiq? Jew inkella mal-ewwel intopp se jerġgħu jaqgħu koppi? “Kważi kulħadd jgħaddi minn problema ta’ saħħa mentali. Id-diffikultà meta din tiżviluppa f’marda u jkun hemm bżonn intervent akbar,” spjegat Gatt.

Saħqet kif ikun hemm persuni li jgħaddu minn episodju u jfiqu u ma jerġgħux jesperjenzawh, bħal pereżempju diffikultajiet li jgħaddu minnhom xi ommijiet wara li jweldu, iżda jista’ jkun hemm persuni li jiżviluppaw kundizzjoni. Fost dawn pereżempju hemm il-psikożi, fejn persuna tkun trid tibqa’ tieħu ħsiebha minn żmien għal żmien u tmur regolari għand psikjatra tagħha.

“Hemm varjetà. Aħna dejjem inħarsu lejn is-saħħa mentali bħala spettru u naraw il-persuna fejn qiegħda fuqu,” insista. 

‘L-ansjetà u d-dipressjoni l-aktar komuni’

Gatt spjegat aktar fid-dettall ix-xogħol li twettaq il-Fondazzjoni ma’ persuni li jitolbuha l-appoġġ. Spjegat kif x’aktarx, l-ewwel kuntatt mal-Fondazzjoni jagħmluh permezz tal-helpline 1770, li issa ilu jeżisti għal dawn l-aħħar għaxar snin u li fl-aħħar xhur sar parti mill-appoġġ li l-Gvern qed joffri fi żmien il-pandemija.

Spjegat kif meta persuna ċċempel, il-professjonisti tal-Fondazzjoni jagħmlu assessjar tas-sitwazzjoni biex min hemm jaraw x’servizzi jkun hemm bżonn, skont il-kundizzjoni.

L-ILLUM staqsiet liema hi l-aktar kundizzjoni ta’ saħħa mentali li hi komuni f’Malta, b’Gatt issemmi d-dipressjoni u l-ansjetà, anke jekk temmen li l-ansjetà qed tiżdied. 

‘Kien hemm żieda qawwija ta’ ansjetà u dan jagħmel sens’

Kien hawn li tkellimna fuq il-pandemija u l-impatt li din kellha fuq is-saħħa mentali tal-pajjiż. Gatt spjegat kif fl-ewwel għaxart ijiem minn meta l-1770 infetaħ 24 siegħa kuljum, irċevew telefonati daqskemm is-soltu jkollhom fi tliet xhur.

“Kien hemm żieda qawwija ta’ ansjetà,” qalet Gatt, waqt li spjegat kif l-ansjetà tiżviluppa meta persuna tesperjenza theddida kemm jekk hi reali u anke jekk mhijiex. “Dan kapaċi jkun eżami, interview jew kwalunkwe ħaġa oħra. Dak iż-żmien ħadd ma kien qed jifhem din il-marda x’inhi u x’se jiġri.”

Jekk hemm sitwazzjonijiet fejn persuna tħossha affettwata aktar mis-soltu, ma għandhiex għaliex tiddejjaq tfittex l-għajnuna. Bi ftit appoġġ, tasal

Interessanti kif mis-sondaġġi li qed jagħmlu minn żmien għal żmien, innutaw li ħafna mill-Maltin, aktar milli għalihom infushom, kienu qed jibżgħu li jiġri xi ħaġa lil qraba tagħhom. Dan il-fattur baqa’ konsistenti tul is-sondaġġi kollha li saru fl-aħħar xhur.

‘It-telefonati naqsu imma twalu ... aktar sintomi ta’ dipressjoni’

“Malli jkun hemm żieda fil-każi, nerġgħu naraw żieda fit-telefonati u malli jonqsu l-każi naraw tnaqqis fl-ansjetà,” kompliet tgħid Gatt. “Aktar ma għadda ż-żmien, aktar bdew jonqsu t-telefonati iżda kienu qed ikunu itwal u għalhekk l-intervent tagħna kien itwal.”

Dan ifisser, kompliet tispjega Gatt, li bdiet tonqos l-ansjetà iżda bdew jiżdiedu s-sintomi ta’ dipressjoni. “Meta jkollok problema ta’ saħħa mentali li titwal, il-persuna tibda titlef it-tama u jibdew ħerġin is-sintomi ta’ dipressjoni.”

Mistoqsija x’inhuma dawk l-affarijiet li jindikaw li persuna tkun qed tbati minn dipressjoni, Gatt qalet li persuna tibda tħossha qalbha maqtugħa, tibda ssibha diffiċli tagħmel affarijiet li kienet tagħmel, tnaqqas jew iżżid fl-ikel u fl-irqad. “Fi ftit kliem, dak li qabel kien normali għall-persuna, illum issibha diffiċli biex tagħmlu” 

‘Iż-żgħażagħ l-aktar b’qalbhom maqtugħa ... l-anzjani l-aktar b’tama’

Gatt spjegat kif mis-sondaġġi rriżulta li ż-żgħażagħ kienu l-aktar li qed iħossuhom qalbhom maqtugħa iżda mill-banda l-oħra ma kinux qed iċemplu għall-għajnuna. “Huwa ċar li din qed ikollha effett kbir fuq iż-żgħażagħ tagħna,” kompliet Gatt. 

Fejn jidħlu dawk li għandhom bejn 30 u 50 sena, innutaw żieda fit-telefonati mingħand nies li  kienu qed iħossu kollox jagħfas fuqhom anke għax issa kienu qed jaħdmu mid-dar u jridu jlaħħqu ma’ kollox, inkluż mal-lezzjonijiet onlajn tat-tfal.

Madanakollu, mis-sondaġġi jirriżulta li l-anzjani huma l-aktar li qed jirrapportaw tama għall-futur, forsi anke għax kienu minn tal-ewwel li ħadu l-vaċċin. “L-anzjani dejjem kellhom aktar tama mill-etajiet l-oħra. Kien punt interessanti ħafna,” saħqet Gatt.

‘Ikkontrolla kemm tesponi lilek innifsek għal aħbarijiet fuq il-Covid-19’

Tkellimna dwar l-impatt li r-rapurtaġġ kontinwu dwar il-Covid-19 jista’ jkollu fuq is-saħħa mentali ta’ persuna. Svetlana Gatt saħqet li llum huwa kważi impossibbli li tinqata’ mill-aħbarijiet. Għalhekk appellat biex persuna titgħallem tikkontrolla kemm tesponi lilha nnifisha għal dan ir-rapurtaġġ. 

“Tajjeb li persuna tagħmel ammont u żżomm miegħu, ta kemm se tara u taqra aħbarijiet fuq il-kwistjoni. Iva jista’ jkollu impatt. Qed nagħmlu ħafna enfasi fuq dan,” insistiet. Qalet li hemm affarijiet oħra li persuna tista’ tagħmel biex tgħin lilha nnifisha, anke jekk qed taħdem mid-dar. 

“L-ansjetà tiġi minħabba inċertezza. Importanti li persuna tiżviluppa dawn ‘il-pockets of certainty,’ pereżempju ssib ħin u żżomm miegħu u tmur timxi. Toħloq struttura, fejn tkun taf x’qed tistenna. Nikkontrollaw dak li nistgħu nikkontrollaw,” insistiet.

Dwar l-ammont ta’ nies li kellmuhom u li għenu, Gatt qalet li s-sena li għaddiet kellhom id-doppju tat-telefonati u għamlu erba’ darbiet aktar interventi ma’ dawk li jkollhom bżonn aktar appoġġ, anke immedjat, inkluż ma’ persuni li jkollhom ħsibijiet ta’ suwiċidju.

‘Ma kienx hemm żieda fl-attentati ta’ suwiċidju...’

Tkellimna aktar dwar is-suwiċidju, bl-ILLUM tistaqsi kemm huma komuni dawn il-każi. Spjegat kif sempliċiment għax persuna jiġiha ħsieb ta’ suwiċidju, ma jfissirx li għandha problema u se twettqu.

“Ħsibijiet ta’ mewt jew suwiċidju huma pjuttost komuni,” insistiet. Minkejja l-pandemija, ma jirriżultax li kien hemm xi żieda fir-rati ta’ attentati ta’ suwiċidju. Ta’ ħsibijiet iva.” 

Madanakollu saħqet li jekk persuna tesprimi ħsibijiet jew tgħid lil xi ħadd li trid tweġġa’ lilha nnifisha, jew ittemm ħajjitha, dik hija xi ħaġa li ma tistax tistenna u jkun hemm bżonn l-għajnuna. “Jekk ikun periklu importanti li persuna ċċempel 112 jew inkella lilna għall-gwida.” 

‘L-impatt fuq is-saħħa mentali kapaċi joħroġ aktar tard wara l-pandemija’

Svetlana Gatt x’taħseb li hemm bżonn isir biex nindirizzaw l-isfidi ta’ saħħa mentali? Appellat biex l-ewwel u qabel kollox tkompli l-ħidma fuq dak li kien beda qabel il-pandemija, jiġifieri dwar il-White Paper li kienet qed tħejji l-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa mentali għall-għaxar snin li ġejjin.

“Irridu nkomplu nsaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali, anke għax normlament l-impatt fuq is-saħħa mentali kapaċi joħroġ aktar tard wara l-pandemija. Dan issa jrid ikun parti mill-istrateġija,” insistiet.

Appellat ukoll biex ma ħadd ma jiddejjaq jitkellem fuq is-saħħa mentali. “Nenfasizza ħafna fuq il-konverżazzjoni. Tibda anke fuq il-post tax-xogħol, fejn ninnormalizzaw is-saħħa mentali. Ma hemm xejn ħażin imbilli persuna tkun għaddejja minn mument vulnerabbli,” kompliet tisħaq.

Temmet tisħaq li huwa normali li f’ċirkostanzi straordinarji ma nħossunix tajba daqskemm inħossuna s-soltu.

“Jekk hemm sitwazzjonijiet fejn persuna tħossha affettwata aktar mis-soltu, ma għandhiex għaliex tiddejjaq tfittex l-għajnuna. Bi ftit appoġġ, tasal.”

More in Socjali