Dsatax-il każ ġdid ta' coronavirus f'24 siegħa; L-ogħla ammont ta' każi ġodda sa issa

Fost il-pazjenti kollha hemm anzjan ta' 81 sena

Fl-aħħar 24 siegħa, 19-il persuna rriżultaw pożittiv għall-coronavirus biex hekk it-total tal-każi issa tela' għal 129 każ, fejn sa issa, kienu biss żewġ pazjenti li fiequ għal kollox.

Dan huwa l-ogħla ammont ta' każi ġodda sa issa u fosthom hemm anzjan ta' 81 sena li ddaħħal Mater Dei u l-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu hija waħda stabbli.

Mill-banda l-oħra, l-anzjan ta' 61 sena, li żviluppa kumplikazzjonijiet meta ħariġlu l-Covid-19, għadu rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU), fejn skont Gauci, il-qagħda tiegħu għadha "instabbli," iżda ma jinsabx f'qagħda kritika.

Fost dawn, għall-ewwel darba, il-maġġoranza tal-każi ma humiex relatati ma' safar. Apparti minn hekk, hemm żewġ ħaddiema oħra tas-saħħa li l-awtoritajiet tas-saħħa għadhom ma sabux minn fejn dawn ħadu l-Covid-19.

B'kollox, ilbieraħ, saru 488 test, li minnhom kien hemm 80 tal-ġurnata ta' qabel li nħadmu matul il-lejl li għadda.

Gauci tenniet li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jistennew li l-każi jitilgħu 'l fuq, iżda fakkret li l-istrateġija tal-awtoritajiet tas-saħħa tibqa' dik li l-pazjenti jkunu identifikati kemm jista' jkun kmieni, biex ikunu iżolati u għalhekk jonqos ir-riskju tat-trasmissjoni.

"Aħna wieħed mill-aktar pajjiżi li għamilna testijiet. B'kollox, sa issa, saru, 3,819 test," spjegat Gauci.

Din hija katina li qed tifrex il-mard minn persuna għall-oħra. Kull persuna li qed tismana llum tista' tkun hi li twaqqaf din il-katina. Importanti li naħdmu flimkien Charmaine Gauci

Każijiet ġodda relatati ma' safar

  • Maltija ta' 47 sena li kienet l-Ingilterra
  • Tfajla Maltija 23 sena li kienet l-Ingilterra
  • Ingliż li jgħix Malta ta' 54 sena u ibnu ta' 22 sena li kienu l-Ingilterra
  • Spanjola li tgħix Malta ta' 40 sena li ġiet minn Spanja
  • Raġel ta' 52 sena u żagħżugħ ta' 19-il sena li ġew mill-Awstrija
  • Maltija ta' 56 sena li kienet il-Polonja

Trasmissjoni lokali f'pazjenti li kienu identifikati mill-contact tracing

  • Żagħżugħ ta' 21 sena. Relatat ma' żewġ pazjenti oħra residenti fir-residenza tal-Aġenzija Sapport
  • Malti ta' 58 sena. Relatat ma' ħaddiem tas-saħħa ieħor li kien irriżulta pożittiv
  • Malti ta' 63 sena. Kellu kuntatt fil-gym ma' persuna oħra li rriżultat pożittiv
  • Maltija ta' 52 sena. Kienet tiġi minn persuna oħra li rriżultat pożittiv

Trasmissjoni lokali u li s-sors tal-virus għadu mhux magħruf

  • Malti ta' 27 sena
  • Taljan li jgħix Malta ta' 38 sena
  • Ħaddiema tas-Saħħa ta' 24 sena
  • Ħaddiem tas-Saħħa Ċiniż li jgħix Malta ta' 23 sena
  • Malti ta' 47 sena
  • Maltija ta' 60 sena
  • Anzjan Malti ta' 81 sena li jinsab rikoverat Mater Dei.

L-appelli tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, tenniet l-appell tagħha biex in-nies ma joħorġux għalxejn, partikolarment l-anzjani, fejn innotat li għalkemm it-toroq huma vojta, il-pjazez fl-irħula għadhom qed ikunu mimlija, inkluż bl-anzjani.

Appellat mill-ġdid lil min iħaddem, biex fejn possibbli, jippermetti lill-impjegati tiegħu biex jaħdmu mid-dar u biex min ikollu l-iċken sintomi ma joħroġx u jċempel 111 biex jingħata l-istruzzjonijiet dwar dak li għandu jagħmel.

"Din hija katina li qed tifrex il-mard minn persuna għall-oħra. Kull persuna li qed tismana llum tista' tkun hi li twaqqaf din il-katina. Importanti li naħdmu flimkien," saħqet Gauci.

More in Socjali