Coronavirus | Il-BOV jagħlaq tmien fergħat b'mod temporanju u jnaqqas il-ħinijiet tal-ftuħ

Dawn fost miżuri oħra li tħabbru wara l-aħħar żviluppi relatati mal-COVID-19 u l-miżuri mħabbra biex tkun ikkontrollata l-imxija

Wara l-aħħar żviluppi relatati mal-COVID-19 u l-miżuri mħabbra biex tkun ikkontrollata l-imxija, il-Bank of Valletta se jkun qed qed jagħlaq b’mod temporanju l-fergħat / aġenziji tiegħu f'Bormla, il-Fgura, Fleur De Lys, Marsaxlokk, l-Imsida, Ħal Qormi, Skyparks u x-Xewkija Għawdex.

Fi stqarrija, il-BOV spjega kif l-ATMs u l-faċilitajiet ta' nightsafe deposits f'dawn il-fergħat se jibqgħu joperaw b'mod normali.

Klijenti li jkollhom bżonn aċċess għas-safe deposit lockers tagħhom f’dawn il-fergħat, f’dan iż-żmien li fih dawn il-fergħat se jkunu magħluqa, għandhom iċemplu l-Customer Service Centre tal-Bank biex jingħataw appuntament.

Klijenti oħra ta' dawn il-fergħat li jeħtieġu servizzi oħra li mhumiex relatati ma’ ġbid ta' flus u depożiti għandhom jibagħtu imejl lil [email protected] jew iċemplu fuq +356 2275 3500 (mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8 ta' filgħodu sal-4 ta' wara nofsinhar).

Sigħat ta' Ftuħ

Intant, is-sigħat tal-ftuħ inbidlu wkoll hekk kif il-Bank se jkompli joffri s-servizzi minn 33 fergħa / aġenzija tiegħu madwar Malta u Għawdex bejn id-9 ta’ filgħodu u nofsinhar, mit-Tnejn sas-Sibt.

Ġbid ta' flus mill-Fergħat

Il-klijenti jkunu jistgħu jiġbdu ammont ta’ mhux inqas minn €500 mill-fergħat tal-Bank of Valletta. Ammonti inqas minn €500 jridu jinġibdu mill-ATMs. 

Klijenti li m'għandhomx card tal-bank u li għandhom inqas minn €500 fil-kont tagħhom xorta se jkunu jistgħu jiġbdul-flus mingħand il-kaxxiera.

Klijenti li m'għandhomx cards tal-Bank huma mħeġġa japplikaw b’xejn għall-BOV Cashlink Card.

Servizzi mill-Fergħat

Il-fergħat tal-BOV se jkomplu joffru servizzi bankarji essenzjali bħal ġbid ta’ flus u depożiti. Klijenti li jeħtieġu servizzi oħra bħal investimenti, self għad-djar, self personali u tibdil fl-iskedi tal-pagamenti fuq is-self tagħhom għandhom jibagħtu imejl lil [email protected] jew iċemplu fuq +356 2275 3500 (mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8am sal-4pm).

Il-klijenti għandhom jipprovdu n-numru tal-mowbajl tagħhom, is-servizz meħtieġ u liema hi l-fergħa tagħhom. Dawn imbagħad jiġu kkuntattjati minn rappreżentant tal-fergħa.

Servizzi Oħra 

Sakemm ma jinħarġux notifiki oħra, il-Business Centres, Investment Centres, Wealth Management u l-International Corporate Centre mhux se jilqgħu klijenti fl-uffiċini tagħhom iżda se jipprovdulhom is-servizzi permezz tat-telefon, l-imejl u mezzi elettroniċi oħra. 

Klijenti li jeħtieġu servizzi minn dawn iċ-Ċentri huma ġentilment mitluba jikkuntattjaw lir-Relationship Managers u Financial Advisors permezz tal-imejl jew tat-telefon. Dettalji jinstabu fuq https://bov.com/content/assist.

Mezzi Diġitali

Il-Bank of Valletta ikompli jħeġġeġ lill-pubbliku biex inaqqas l-użu tal-flus u minflok juża mezzi diġitali bħal ħlas bil-contactless cards u l-BOV Pay u biex iwettaq tranżazzjonijiet bankarji permezz tal-BOV Internet Banking, il-BOV Mobile Banking u l-Customer Service Centre.

Il-Bank jappella lill-klijenti tiegħu biex imorru fil-fergħat tiegħu biss għal servizzi urġenti li ma jistgħux isiru minn mezzi diġitali.

Miżuri oħra

Il-Bank of Valletta qed jappella lill-pubbliku biex jieħu miżuri ħalli jipproteġi saħħtu u saħħet ħaddieħor bħal:

  • Żomm mill-inqas metru ‘l bogħod jekk tkun qed tistenna fil-kju
  • Uża mezzi sanitarji qabel u wara l-użu tal-ATMs, minkejja li l-Bank qiegħed inaddaf l-ATMs tiegħu b’mod regolari
  • Tarmix ingwanti u tissues fil-kontenituri fejn jintremew l-irċevuti tal-ATMs - irrispetta lilek innifsek u lil ta’ warajk. 
  • Uża l-pinna tiegħek jekk iżżur fergħa
  • Żur il-fergħat għal bżonnijiet urġenti biss
  • Oqgħod id-dar u fittex parir mediku jekk ma tħossokx tajjeb

More in Socjali