Intervista | 'Il-mina rridha ssir ... imma rridu nilqgħu għall-pressjoni kbira li se toħloq'

L-ikel li tiekol għandu storja u John Magro u l-familja tiegħu għandhom storja ta' iktar minn 100 sena x'jirrakkontaw. Mit-tadama sal-ħalib u mill-bidla fil-klima sal-mina. L-ILLUM tintervista lill-intraprenditur Għawdxi...

Mix-xellug: Michael Magro, John Magro u wlied John Magro, Christian u Nicholas
Mix-xellug: Michael Magro, John Magro u wlied John Magro, Christian u Nicholas

Ħafna mid-diskussjoni politika fl-aħħar snin, jekk mhux ukoll għall-aħħar diċenju kienet dwar l-ambjent, l-agrikolatura u l-art tagħna, b’dak kollu bnin u ġenwin li toffri. Fl-istess ħin u f’parallel irrankat ukoll id-diskussjoni dwar l-ekonomija, il-flus fil-but tan-nies u x-xogħol kif ukoll l-effetti detrimentali tal-iżvilupp ekonomiku fuq l-ambjent u l-art tagħna. 

Din il-ġimgħa l-ILLUM qasmet il-fliegu u ltaqgħet mar-raġel wara dik iz-zalza li tagħmel mal-għaġin, il-kunserva mal-ħobż biż-żejt, popolarment magħrufa bħala ‘tal-bott il-blu’, wara l-ġbejna tal-bżar u l-ġibna niexfa. Produttur u negozjant li qed jipproduċi varjetà ta’ ikel tradizzjonali Għawdxi bil-massa kif ukoll ikel artiġġjanali li għandu storja antika, fl-għeruq rurali ta’ ħajjet il-bdiewa Għawdxin matul iż-żmien. 

 L-ILLUM tiltaqa’ ma’ John Magro: wieħed minn klassi ta’ negozjanti mhux biss li għamlu suċċess f’termini ta’ profitt, imma li għandhom għeruqhom fi storja li llum taqbeż il-100 sena. 

Fil-fatt kemm hu, kif ukoll ħuh Michael għandhom ħeġġa liema bħalha biex jitkellmu wkoll dwar l-istorja ferm interessanti tal-kumpanija. Bilqiegħda, bejn gidma u oħra ta’ ġbejniet tan-nagħaġ u tal-mogħoż, friski,  togħma ta’ ħalib - irkotta (mhux rikotta, irkotta - hemm differenza bejn it-tnejn) u xi żebbuġa miksija b’żejt li jsir minnha, immorru lura għall-1916. 

Kollox beda bit-tpartit ...

Kienet f’din is-sena -  104 snin ilu -  li din il-kumpanija Maltija fetħet flimkien ma’ diversi oħrajn. Li hu interssanti huwa l-kif. 

“In-nannu tiegħi kien jismu Ġanni, jiena għalih imsemmi. Il-bużnannu kien raħħal, imma Ġanni ddeċieda li jiftaħ negozju u sar kumpratur.”

Kelma li għandha wirt Taljan, kumpratur kienet tintuża biex tiddeskrivi lil dik il-persuna li minħabba li dak iż-żmien ma kinux jintużaw flus (qed nitkellmu fuq l-1886), kien ipartat oġġett ma’ ieħor. Dak li bl-Ingliż jissejjaħ bartering.

“Huwa kien beda jpartat l-frott u l-ħaxix tal-bdiewa kemm f’Għawdex imma wkoll f’Malta,” jispjega Magro li mbagħad iżid illi f’Malta kien iġib prezz aħjar. 

Il-kapillanija tax-Xewkija li daħlithom fin-negozju

Jgħaddi lill-gazzetta ktieb ta’ 272 paġna b’faċċata kkulurita ta’ munzell tadam Għawdxi u ċ-Ċittadella fl-isfond: ‘A century of Enterprise on the Mediterraean Island of Gozo’, miktub minn Joseph Bezzina b’ritratti tal-fotografu Daniel Cilia. Jislet fatt storiku minnu, imsejjaħ il-Kapillanija.

 Jispjega illi dak iż-żmien, mill-ġdid minħabba sistema li ma kinitx tuża l-flus, lill-Kapillan jew Arċipriet, naturalment dak iż-żmien figura ċentrali fl-irħula u bliet, kien jingħatalu xi gidi jew prodotti tal-ikel. In-nies, speċjalment familji raħħala kienu jagħtu xi tiġieġa jew serduk, jew inkella patata, żerriegħa tal-kemmun u qoton. 

Il-Kapillan tax-Xewkija, dak iż-żmien Dun Pietru Pawl Ciantar, kien qabbad lil Ġanni Magro, wara li ħareġ sejħa biex ibigħ l-affarijiet li kien qed jaqla’ jew dawk li ma kellux bżonn, għal profitt.

Il-kelma malajr inxterdet u Kapillani ta’ lokalitajiet oħrajn bdew jagħmlu l-istess, b’Ġanni saħasnitra jirbaħ l-offerta ta’ Dun Ġużepp Farrugia, Kapillan tas-Sannat bejn l-1916 u l-1925, kif ukoll ta’ Dun Martin Camilleri, Kapillan tan-Nadur bejn l-1910 u l-1921. 

‘Fl-Ewwel Gwerra Dinjija kien hawn ħafna ġid f’pajjiżna’

“Fl-Ewwel Gwerra Dinjija f’Malta kien hawn ħafna ġid, kuntrarjament għat-Tieni Gwerra Dinjija meta kien hawn ħafna faqar. Dak iż-żmien Malta u wara anke Għawdex saru l-infermiera tal-Meditrerran u allura f’pajjiżna ġew ħafna pazjenti mill-Militar Ingliż, tobba u infermiera. Id-dokumentazzjoni li għandna turi illi f’Għawdex dawn qagħdu fil-Forti Chambray,” spjega Magro mal-ILLUM.

Qal illi dan l-influss għen biex jinħoloq il-ġid u biex jiftħu diversi kumpaniji, li għadhom miftuħin sal-lum.

Magro jgħid illi l-Militar kien jippreferi illi jkollu lista stabbilita ta’ mingħand min jista’ jixtri, milli jixtri mingħand nies mhux magħrufa. 

U hekk twieldet il-kumpanija Għawdxija Magro Brothers li tqabbdet mill-Militar biex tkun il-fornitur tal-ikel li kellhom bżonn dawk kollha li kienu qed jaħdmu Chambray. 

U minn dakinhar għaddew 104 snin, ġenerazzjonijiet u ħafna bidliet.

 Fil-fatt Ġanni għandu tlett itfal, li komplew fejn ħalla hu. Tliet subien, Wiġi, Ġużeppi u Manwel. Tal-aħħar huwa l-iżgħar u missier John Magro.

L-ewwel ħolma kienet il-manifattura tal-ħalib ... imma ma kellux ikun

L-ILLUM tistaqsi kif minn fornitur tal-ikel għall-militar, din il-kumpanija nbidlet f’waħda li tispeċjalizza l-aktar fil-prodotti li huma dderivati mit-tadam. 

U l-istorja hija verament interessanti 

L-aħwa kienu ilhom jixtiequ jidħlu fil-manifattura fi żmien meta f’Għawdex kien hemm biss ftit kumpaniji. Il-ktieb li għamilna referenza għalih diġà fil-fatt isemmi l-Pax Flour Mills u lil Anthony Farrugia Ellis li kien fetaħ fabbrika tal-madum. 

Magro jispjega kif l-aħwa xtaqu li jidħlu fil-manifattura tal-ħalib. “Dak iż-żmien il-ħalib kont tixtrih meta tgħaddi merħla mogħoż u jeħliblek dak il-ħin ... iżda mbagħad kien hawn problema kbira ħafna, bid-deni rqiq,” jispjega Magro li jkompli jgħid illi Sir Temi Zammit kien skopra illi d-deni rqiq kien ġej mill-ħalib.

“L-Imperu Ingliż ried juri illi hu jimpurtah u ħoloq, biex tippasturizza hi, il-Milk Marketing Undertaking (MMA - illum Malta Dairy Products) mill-Milk Centre li kien miftuħ mill-Gvernatur Charles Bonham Carter.”

Magro jkompli jgħid kif il-Gvern Ingliż kien għamel liġi li permezz tagħha għamilha illegali li persuna tbigħ il-ħalib mhux ippasturizzat mit-toroq.

B’konsegwenza, il-Gvern ma ħariġx il-permess għal Magro biex jippasturizza f’Għawdex hu, biex ikun hu stess li jipproduċi waħdu. Għal dan u minkejja li fabbrika kienet lesta, l-aħwa kkonfondew u marru jistaqsu lil dawk li bigħulhom il-magni x’se jagħmlu bihom issa. 

Qalulhom li minflok jipproduċu l-ħalib evaporat, jistgħu minflok jipproduċu t-tadam evaporat, biex tkun prodotta l-kunserva. Minn hemmhekk allura nħolqot industrija sħiħa tat-tuffieħ ta’ Adam, frotta mill-Amerika t’Isfel. “Aħna kollox nixtru mill-bdiewa lokali. Bħala kumpanija llum inħaddmu 180 impjegat u magħhom, 50 persuna jagħtuna l-ħalib u 200 bidwi jagħtuna tadam u ħaxix ieħor.”

‘Brexit: għad m’hemmx biżżejjed informazzjoni’

Waqt li qed idawwar lil din il-gazzetta mal-fabbrika Magro jispjega kif bħalissa din ma tkunx qed taħdem kollha kemm hi, hekk kif l-istaġun tat-tadam huwa bejn Lulju u Awwissu. Jgħid iżda li bħalissa għaddej xogħol fuq produzzjoni ta’ piżelli, baked beans u ketchup għal barra. 

F’liema punt hu jfakkar illi 50% ta’ dak kollu li jkun prodott fil-kumpanija jiġi esportat, bl-akbar suq ikun ir-Renju Unit. U la semma dan il-pajjiż il-gazzetta staqsiet jekk hemmx tħassib minħabba Brexit. Mingħajr ma qalha ċara, Magro fakkar li għalissa għad m’hemmx biżżejjed informazzjoni dwar dan il-proċess. 

Il-bidla fil-klima u l-produzzjoni

Bil-kuntatt li għandu mal-bdiewa Magro huwa konxju tal-isfidi naturali li jiffaċċja suq bħal dan u hu jaqbel u jgħid illi fil-fatt studji li għamlu qed jinnotaw bidla fil-klima ta’ Malta u allura l-bżonn li anke l-bdiewa, fejn jistgħu jinbildu huma wkoll. 

“Qed ngħinu lill-bidwi jibda jaħdem minn qabel, minħabba din il-bidla fil-klima,” jgħid hekk kif jinnota kif anke f’din ix-xitwa -  Jannar u Frar kienu partikolarment nexfin. 

“Pereżempju qabel konna nużaw l-ilma baħar fil-produzzjoni tal-irkotta, illum ma tistax,” irrimarka Magro. 

Mill-Ħanini sal-mina bejn il-gżejjer

Resqin lejn it-tmiem u għal dawk il-ħafna li ma jafux, il-familja ta’ Magro għandhom storja ta’ negozju fit-trasport ukoll, mhux biss tal-karozzi imma wkoll ta’ trasport bejn il-gżejjer Maltin. Fil-kamra fejn jiltaqgħu d-Diretturi tal-kumpanija hemm ir-ritratti tad-dgħajjes u l-vapuri kollha li kellha l-familja Magro u li kienu użati għall-ġarr tal-merkanzija u tan-nies. L-Imperial Eagle, kien iġorr lin-nies miċ-Ċirkewwa sal-Belt Valletta, il-Queen of Peace u l-Ħanini, li kienu jġorru il-merkanzija sal-Belt Valletta. U allura ma nistgħux ma nistaqsux dwar il-mina bejn il-gżejjer. Jaqbel jew le Magro? 

“Jiena naqbel mija fil-mija, imma daqs kemm naqbel daqstant ukoll nixtieq nara li nkunu ppreparati, jew aħjar l-istituzzjonijiet jippreparaw għal kull pressjoni li żgur se jkun hemm, biex jiżdied l-iżvilupp f’Għawdex.”

Hu kompla jgħid li “apparti minn kollox wieħed irid jistaqsi jekk ma ssirx x’se jiġri. Mhux sempliċiment nieqfu f’li naqbel jew ma naqbilx. Jiena nemmen li jekk ma ssirx f’żewġ ġenerazzjonijiet lanqas jibqa’ sostenibbli li tgħix Għawdex,” jisħaq mal-ILLUM Magro. 

“Xogħol hawn, mela. Imma mhux sostenibbli. Dak li jkun irid jiddeverti, Malta jrid imur, jekk wieħed irid juża sptar, Malta jrid imur għax ta’ Għawdex kważi klinika, jekk wieħed irid jispeċjalizza aktar fil-karriera, ħafna drabi Malta jrid imur.”

‘Wara kull elezzjoni nitilfu n-nies ...’

U finalment. Ħafna Maltin jgħidu li Għawdex iktar minn kull distrett ieħor huwa d-distrett tan-nepotiżmu, fejn biex politiku jkun suċċess bilfors irid jaqdi lin-nies. Din iħoss li hija vera John Magro? 

“Li nista’ ngħidlek huwa illi f’kull elezzjoni, jitla’ PN jew PL, nitilfu numru ta’ nies u 90% minnhom imorru mal-Gvern jew f’kumpaniji marbutin miegħu.” Hu jkompli jgħid li din hija problema kbira. 

“Aħna ħaddiema ta’ għarfien kbir irid ikollna u hekk qed inħarrġu, biex imbagħad dak it-taħriġ kollu, isiru ħaddiema mill-aktar kapaċi u jispiċċaw under employed. Wieħed ikun imħarreġ sew, paga tajba u jmur watchman. Dawn mhux xi ħaġa ilu, dawn issa qed jiġru mhux fil-passat biss, ix-xahar li għadda dax-xahar ...”

“Jiġifieri ġejt qisek qed tikkompeti mal-Gvern?” tistaqsi l-gazzetta.

“Iva u ilha għaddejja din u qed inweġġa’ ħafna. Nasal ngħid illi din hija waħda mill-aktar affarijiet li qed jippreokupawna, għax qed iżżommna lura.  Qed nisparaw f’saqajna,” jisħaq Magro.  Huwa qal li mhux talli ma jara xejn ħażin talli jkun kuntent li persuna tipprogressa f’ħajjitha, “imma mhux jitilqu minn hawn biex imorru f’xogħol ħafna inqas.”

“Hemm bżonn insibu bilanċ għax bħalissa hemm żbilanċ kontra min iħaddem, b’din is-sitwazzjoni,” itemm l-intervista John Magro. 

More in Socjali