Il-PM Abela jinawgura sala ġdida f'Rainbow Ward għal adoloxxenti bil-kanċer

Il-Ministru Chris Fearne jgħid illi l-baġit allokat għall-ġlieda kontra l-kanċer żdiedet minn €3 miljuni fl-2017 għal €18-il miljun

Il-PM f'Rainbow Ward  - Ritratt: DOI
Il-PM f'Rainbow Ward - Ritratt: DOI

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura uffiċjalment sala tal-adoloxxenti f’Rainbow Ward li se sservi biex tfajliet u ġuvintur li jkunu qed jieħdu l-kura kontra l-kanċer ikollhom faċilità addattata fejn iqattgħu l-ħin u jkomplu bil-ħajja tagħhom.

Waqt l-inawgurazzjoni, żagħżugħa li ġġieldet b’suċċess kontra din il-marda kif ukoll omm ta’ tifla li tilfet il-battlja kontra l-kanċer irrakkontaw l-esperjenzi tagħhom li jixhdu l-importanza ta’ faċilitajiet bħal dawn għax-xogħol ta’ Puttinu.

 Abela qal li dejjem emmen li Puttinu għandu jaħdem f’sinerġija mal-isptar Mater Dei f’Rainbow Ward. “Hawnhekk għandek tfal għaddejjin minn mard serju u minn sitwazzjonijiet sensittivi li jiżviluppaw mil-lum għal għada. Is-sens ta’ dover minn Puttinu f’ċirkostanzi diffiċli ħafna u f’realtà ta’ tbatijiet kbar huwa ta’ ammirazzjoni”, saħaq il-Prim Ministru.

Qal li f’dawn il-każijiet toħroġ l-imħabba u l-kompassjoni tal-poplu Malti u Għawdxi li juri solidarjetà assoluta għal kawża tant tajba. Aela sostna li l-Gvern se jkompli jżid is-sostenn finanzjarju għal kura kontra l-kanċer, mhux biss mill-aspett mediċinali imma anke fuq ambjent tajjeb li jwassal lit-tfal jħossuhom iktar viċin tad-dar.

Temm jirringrazzja lil Dr Victor Calvagna, Rennie Zerafa, Angele Cuschieri u tant oħrajn li fl-għaqda Puttinu jwettqu mhux l-impjieg tagħhom imma l-missjoni ta’ ħajjithom.

Intant, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fil-kura tas-saħħa hemm lok kbir għal għaqdiet volontarji u s-soċjetà ċivili. Sostna li l-ħidma ta’ istituzzjonijiet bħal Puttinu tibqa’ essenzjali, mhux biss finanzjarjament imma iktar u iktar għal appoġġ li joffru lit-tfal u lill-familji tagħhom.

Farne, li ħadem għal diversi snin bħala kirurgu tat-tfal, qal li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-kura kontra l-kanċer. Minn baġit €3 miljuni fl-2017, din is-sena l-ispiża fuq mediċini kontra l-kanċer tela' għal €18-il miljun.

Temm jgħid li l-idea tal-Gvern hija li l-mediċini kollha tal-kanċer jibdew jaqgħu kollha fuq il-formolarju tal-Gvern mingħajr ħlas.

 

More in Socjali