Il-Papa Franġisku jagħti l-aħħar tislima lill-Kardinal Grech

Il-funeral tal-Kardinal Grech sar dalgħodu fil-Vatikan biex aktar tard il-ġisem tiegħu jinġieb Malta

Dalgħodu, il-Papa Franġisku ta l-aħħar tislima lill-Kardinal Malti Prospero Grech.

Fil-jumejn li għaddew, il-ġisem tal-Kardinal Malti kien espost fil-Kulleġġ Internazzjonali ta’ Santa Monika fejn l-istess Kardinal għex il-parti l-kbira ta’ ħajtu. Hemmhekk huwa tqiegħed għar-rispett tal-Patrijiet Agostinjani u ta’ dawk kollha li marru jagħtuh l-aħħar tislima

Intant, dalgħodu, uffiċjal tal-Vatikan għamel dak li jissejjaħ ‘Rogito,’ ċerimonja li matulha jinnotifika u jirreġistra l-għeluq tat-tebut f’dokument uffiċjali bħalma jsir fil-każ ta’ kull kardinal li jmut.  

Imbagħad il-ġisem tiegħu ttieħed fil-Bażilika ta’ San Pietru fejn sar il-funeral fuq l-altar tal-Kattedra ta’ San Pietru. Iċ-ċerimonja tmexxiet mill-Kardinal Giovanni Battista Re li huwa Viċi Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali. Il-Papa Frangisku mexxa l-aħħar parti tar-rit funebri. 

Għaċ-ċelebrazzjoni, barra l-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan P. Alejandro Moral Anton, u l-Provinċjal tal-Provinċja Agostinjana Maltija P. Leslie Gatt, attenda wkoll l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Amministratur tad-Djoċesi ta’ Għawdex u Pro-Segretetarju tas-Sinodu l-Isqof Mario Grech.

L-Istat Malti kien irrappreżentat mill-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura tiegħu, il-Ministru għall-affarijiet barranin Carmelo Abela u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Istat tal-Vatikan Frank Zammit.

Sadanitant il-Provinċja Agostinjana Maltija għadha għaddejja bit-tħejjijiet biex fil-jiem li ġejjin l-ġisem tal-Kardinal Grech jinġieb hawn Malta. Il-ħsieb huwa li ssirlu quddiesa presente cadevere li tagħti ċ-ċans lil dawk li jixtiequ jagħtuh l-aħħar tislima Malta. 

Id-dettalji dwar dan se jitħabbru aktar il-quddiem.

Il-Kardinal Prosepro Grech miet nhar it-Tnejn li għadda fl-età ta’ 94 sena. Nhar il-Ħadd li ġej kellu jkun Malta biex jiftaħ il-festi speċjali f’belt twelidu, il-Birgu, li matul din is-sena qed tfakkar il-200 sena minn meta l-Parroċċa ta’ San Lawrenz saret Kolleġġjata.

More in Socjali