Il-baħar qawwi jikkawża ħsara fil-main tal-ilma bejn Malta u Għawdex

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma saħqet li se tassigrua li l-provvista f’Għawdex tkun garantita

Il-baħar qawwi, matul il-lejl li għadda, ikkawża ħsara fil-main tal-ilma bejn Malta u Għawdex.

Fi stqarrija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, spjegat li skont l-ewwel indikazzjonijiet, jirriżulta li l-ħsara seħħet bejn Malta u Kemmuna.

Is-sena li għaddiet, l-istess main ukoll kellu ħsarat, iżda bejn Kemmuna u Għawdex.

Il-Korporazzjoni saħqet li sakemm isiru t-tiswijiet, se tkun qed tassigura li l-provvista f’Għawdex tkun garantita u dawn it-tiswijiet jibdew minnufih malli jikkalma l-baħar.

“Dan l-inċident ikompli jemfasizza l-bżonn li Għawdex ikun indipendenti fejn tidħol il-provista tal-ilma u turi b’mod konkret kemm hu bzonnjuż l-investimet ta’ €11 -il miljun li qed isir bħalissa biex timbena reverse osmosis f’Ħondoq ir-Rummien,” saħqet l-istqarrija. 

Il-Korporazzjoni qalet li dan il-proġett wasal fi stadju avvanzat, fejn ir-restawr fuq il-bini se jitlesta sal-aħħar tas-sena biex imbgħad jitwaħħal il-makkinarju.

More in Socjali