‘Agħlqu l-istrip clubs u arrestaw lil min jixtri s-sess’ ... X’qed jipproponu 40 għaqda?

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn id-dokument li koalizzjoni ta’ għaqdiet nazzjonali u internazzjonali ppreżentaw lill-Gvern bħala parti mill-konsultazzjoni għar-Riforma dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni

Din il-ġimgħa, 35 organizzazzjoni lokali u ħames organizzazzjonijiet internazzjonali, ingħaqdu f’dokument bi proposti għar-Riforma dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni li qed jipproponi l-Gvern u li bħalissa għaddejja l-konsultazzjoni pubblika dwarha.

Il-proposti jvarjaw minn aktar għajnuna għal dawk il-persuni vulnerabbli li jinqabdu fiċ-ċirku tal-prostituzzjoni għal aktar regolarizzazzjoni fuq l-istabbilimenti tal-massaġġi u l-għeluq ta’ dawk imsejħa gentlemen’s clubs.

Li kieku wieħed kellu jagħsar dan id-dokument, il-ġist tiegħu jista’ jkun spjegat fi tliet punti li l-għaqdiet qed jipproponu li jkunu inklużi fil-leġislazzjoni u implimentati bħala pakkett wieħed.

It-tliet punti ewlenin huma dawn:

  • persuni li jinqabdu fil-prostituzzjoni ma għandhomx ikunu kkriminalizzati għax huma l-vittmi,
  • huwa x-xiri ta’ sess li għandu jkun meqjus illegali u kkriminalizzat għax dan mhuwa xejn għajr sfruttament,
  • servizzi wiesgħa ta’ appoġġ għal dawk fil-prostituzzjoni li jridu jegħlbu l-abbuż u jibnu ħajja ġdida.

F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tagħti ħarsa lejn dan id-dokument, uħud mill-proposti li l-koalizzjoni qed timbotta ’l quddiem u dak li ġara f’pajjiżi oħra Ewropej.

‘Fejn il-prostituzzjoni ġiet iddikriminalizzata, id-domanda splodiet u t-traffikar żdied’

L-aċċettazzjoni ta’ strip clubs ta’ sfruttament f’post daqshekk ikkonċentrat u ffrekwentat minn ħafna adoloxxenti u żgħażagħ jibgħat messaġġ dijametrikament l-oppost tal-politika tal-Gvern li tipproteġi lill-persuni vulnerabbli u tippromovi l-ugwaljanza tal-ġeneru

Ħafna jħarsu lejn il-prostituzzjoni sempliċiment bħala negozju. Xi ħadd iħallas biex ikollu x’jaqsam sesswalment ma’ xi ħadd ieħor u għalhekk is-sess ikun kunsenswali. Iżda l-koalizzjoni qed tisħaq li r-realtà hija differenti ħafna u tiddeskrivi l-prostituzzjoni bħala forma ta’ vjolenza li taffettwa l-aktar lin-nisa u l-bniet.

“Il-vjolenza ma tista’ qatt tkun regolarizzata jew legalizzata,” jisħqu waqt li jispjegaw kif ħafna mill-prostituti ġew ittraffikati u huma kkontrollati minn pimps u traffikanti.

Fil-fatt huwa stmat li madwar 42 miljun persuna huma maqbuda fil-prostituzzjoni bi studji juru kif il-maġġoranza assoluta tal-prostituti jispiċċaw f’dan iċ-ċirku meta jkollhom inqas minn 18-il sena, b’uħud saħansitra jispiċċaw vittmi minn meta jkollhom 12-il sena.

“Il-kunsens mill-persuna li qed tbigħ huwa ħafna drabi frott il-faqar, l-abbuż, is-saħħa mentali, il-vizzju u l-iskjavitù,” tisħaq il-koalizzjoni waqt li titfa’ dubju fuq kemm dan jista’ verament jissejjaħ kunsens. “Persuni vulnerabbli u t-tfal faċilment jaqgħu f’din in-nassa u jiġu sfurzati fil-prostituzzjoni.”

Huwa propju għalhekk li l-għaqdiet qed jinsistu li l-prostituzzjoni m’għandhiex tiġi ddikriminalizzata. Jinsistu li x-xiri tas-sess għandu jsir illegali u ddikjarat bħala sfruttament waqt li prostituti, għandhom jingħataw l-għajnuna kollha neċessarja.

Mill-Ġermanja sal-Isvezja; x’ġara?

Space International, waħda mill-organizzazzjonijiet internazzjonali li qiegħda tappoġġja dan id-dokument, tagħti diversi eżempji ta’ kif, fi kliemha, id-dikriminalizzazzjoni tal-prostituzzjoni mhux talli ma ssolvix il-problemi talli żżid l-isfruttament.

  • Fi Spanja, il-prostituzzjoni ġiet iddikriminalizzata fl-1995. Illum Spanja hija meqjusa bħala t-tielet l-akbar ċentru tal-prostituzzjoni fid-dinja wara t-Tajlandja u Puerto Rico. 90% tal-prostituti huma immigranti. Bħalissa, Spanja tinsab fil-proċess biex tikkriminalizza x-xiri tas-sess.
  • Fil-Ġermanja, madwar 400,000 mara tinsab fil-prostituzzjoni. Skont il-mudell addotatt fil-Ġermanja, il-prostituzzjoni hija meqjusa bħala impjieg u biex il-prostituti jkunu protetti hemm ħlas u kundizzjonijiet stabbiliti u legali. Minkejja l-liġi tal-2002, 44 prostituta biss irreġistraw mal-aġenziji tal-ħarsien soċjali, bi prosekuturi jisħqu li saret aktar diffiċli għalihom biex jieħdu passi kontra traffikanti tal-bnedmin u persuni li jħaddmu n-nisa għas-sess.
  • Fi New Zealand, id-dikriminalizzazzjoni tal-prostituzzjoni ttieħdet fuq livell ieħor. Gruppi li jipprostittwixxu lin-nisa huma legali sakemm iħallsu t-taxxa. Id-dikriminalizzazzjoni wasslet biex żdiedet ħafna d-domanda u l-kompetizzjoni. Il-prezzijiet tbaxxew u żdiedu t-talbiet għal prattiċi sesswali perikolużi u sess bla protezzjoni (anke jekk dan huwa illegali).
  • Mill-banda l-oħra hemm il-mudell Nordiku li huwa l-favorit anke jekk ilaqqat kritika wkoll. Dan jikkriminalizza kull tip ta’ xiri ta’ servizz sesswali iżda mhux l-att li persuna tipprostitwixxi lilha nnifisha.

L-Isvezja, l-Irlanda, Franza, in-Norveġja, il-Kanada u pajjiżi oħra, jiddikjaraw ix-xiri tas-sess bħala reat kriminali u jqisu l-prostituzzjoni bħala forma ta’ skjavitù li tikser id-drittijiet umani u fundamentali tal-bniedem.

Fl-Isvezja, dan il-mudell kien addottat 20 sena ilu u l-istatistika turi tnaqqis drastiku fin-numru ta’ nisa ttraffikati u li esperjenzaw vjolenza sesswali jew fiżika.

‘Għalqu l-gentlemen’s clubs u irregolarizzaw l-istabbilimenti tal-massaġġi’

Anke jekk il-proposti li qed tipproponi l-koalizzjoni joqorbu lejn il-mudell Nordiku, Dr Anna Borg, waħda mill-uċuħ ta’ din il-koalizzjoni, spjegat mal-ILLUM kif id-dokument imur lil hinn għax iħares aktar lejn ir-realtajiet lokali, fosthom il-kwistjoni tal-istrip clubs u l-istabbilimenti tal-massaġġi.

Fil-fatt, parti sostanzjali mid-dokument jiffoka fuq il-gentlemen’s clubs u l-istabbilimenti tal-massaġġi.

Anke jekk is-sidien jgħidu xorta oħra, il-koalizzjoni qed tinsisti li qed tiżdied ir-rabta bejn il-prostituzzjoni u attivitajiet oħra “ta’ sfruttament sesswali” bħall-istripping f’dawn l-istabbilimenti.

Ifakkru kif f’Paceville biss hemm xejn inqas minn disa’ strip clubs. Minkejja li r-regolarizzazzjoni ta’ dawn l-istabbilimenti ilha tissemma u minkejja l-appelli saħansitra tal-Qrati Maltin, din baqgħet fuq l-ixkaffa, kif irrapportat din il-gazzetta diversi drabi.

“L-aċċettazzjoni ta’ strip clubs ta’ sfruttament f’post daqshekk ikkonċentrat u ffrekwentat minn ħafna adoloxxenti u żgħażagħ jibgħat messaġġ dijametrikament l-oppost tal-politika tal-Gvern li tipproteġi lill-persuni vulnerabbli u tippromovi l-ugwaljanza tal-ġeneru,” saħqu l-għaqdiet.

L-ILLUM kienet żvelat kif kull mara li taħdem f’gentlemen’s club u li “tinxtara” mingħand aġenti, tiswa lis-sidien tal-istabbilimenti €20 kuljum, jew inkella madwar €280 fl-ewwel ġimagħtejn biss. Apparti hekk, il-ħlas ta’ dawn it-tfajliet ivarja skont kemm jinżgħu.

Minħabba f’hekk, l-appell tal-koalizzjoni huwa wieħed: “Agħlqu dawn l-istabbilimenti.”

Iżda sakemm jingħalqu, huma qed jissuġġerixxu li jiżdiedu r-regolamenti u fost oħrajn qed jipproponu:

  • pulizija speċjalizzati li jkunu kapaċi jsegwu din l-industrija biex jassiguraw li ma jkunx hemm xiri ta’ servizzi sesswali fl-istabbilimenti u l-madwar,
  • l-istess pulizija u professjonisti jkollhom aċċess privat għall-impjegati biex jassiguraw li huma siguri u mhux abbużati,
  • it-tfajliet ma għandhomx jitħallew fuq barra biex iħeġġu rġiel jidħlu,
  • l-istabbilimenti m’għandhomx jitħallew jagħmlu riklami fuq pubblikazzjonijiet bħal rivisti tal-Air Malta,
  • m’għandux ikollhom kmamar privati u
  • persuni li jidħlu ma għandhomx ikollhom inqas minn 21 sena.

Dwar l-istabbilimenti tal-massaġġi, li mhux l-ewwel darba nstab li nbiddlu fi briedel, qed jipproponu:

  • distinzjoni ċara bejn stabbilimenti professjonali u dawk li qed jintużaw għal raġunijiet sesswali, b’dawn tal-aħħar jingħalqu u jkunu meqjusa kriminali u
  • awtorità kompetenti li toħroġ liċenzji għall-istabbilimenti professjonali u ssegwi dak li jiġri fl-istabbilimenti tal-massaġġi.

Għajnuna għal min irid joħroġ mill-prostituzzjoni... partikolarment immigranti u persuni LGBTIQ

Il-koalizzjoni qed tappella lill-Gvern biex jagħti l-għajnuna kollha neċessarja lil dawk il-programmi li jistgħu jgħinu persuni fil-prostituzzjoni biex joħorġu minn dan iċ-ċirku u jsibu impjieg alternattiv u dinjituż.

Saħqu li dan l-appoġġ għandu jinkludi proviżjonijiet speċjali għal immigranti li nqabdu fil-prostituzzjoni u li jsibuha ħafna aktar diffiċli biex isibu xogħol jew akkomodazzjoni.

L-istess fejn jidħlu persuni LGBTIQ. Waqt li fakkru li Malta għandha l-aqwa liġijiet LGBTIQ fl-Ewropa, l-għaqdiet jappellaw lill-Gvern biex jassigura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni meta dawn il-persuni jiġu biex jaħdmu.

Jappellaw ukoll biex jitħassar kull rekord kriminali relatat mal-prostituzzjoni għal dawk identifikati bħala vittmi ta’ traffikar jew prostituzzjoni.

Penali akbar għal min jittraffika jew jipprostitwixxi minuri

Skont Kapitlu 9 tal-Kodiċi Kriminali, it-traffikar uman huwa ppenalizzat b’piena ta’ ħabs li tvarja bejn 6 u 12-il sena.

L-għaqdiet qed jappellaw li din għandha tiżdied għal dawk li jittraffikaw tfal u anke jkun hemm pieni eħrex għal dawk li jkunu jafu li qed “jużaw” persuni taħt l-età li ġew ittraffikati.

Pieni b’biżżejjed deterrent għal min jinqabad iħallas għal servizzi ta’ sess

Bħalissa f’Malta l-itlajjar, l-għajxien minn fuq il-prostituzzjoni u l-burdelli huma illegali. Ġaladarba qed ikun propost li anke x-xiri tas-servizzi tas-sess ikun meqjus illegali u kriminali, jeħtieġ li jkun hemm penali li jservu ta’ detterent.

Il-koalizzjoni qed tipproponi li l-penali relatati mal-prostituzzjoni jkunu hekk:

  • l-ewwel offiża: multa u kors obbligatorju ta’ kuxjenza jew terapewtiku
  • it-tieni offiża: żieda sostanzjali fil-multa
  • it-tielet offiża: multa akbar u sentenza ta’ ħabs mandatorja
  • dawn ikunu riveduti kull tliet u ħames snin biex ikun assigurat li qed iservu biżżejjed ta’ detterent għal dawk li lesti jixtru servizzi ta’ sess.

‘Il-vittmi tat-traffikar ma għandhomx jibqgħu trattati daqslikieku kriminali’

Il-koalizzjoni qed tisħaq li l-investigazzjonijiet preżenti dwar it-traffikar uman huma kkaratterizzati minn nuqqas ta’ għarfien fost l-awtoritajiet dwar kif it-traffikar jimmanifesta ruħu.

“Il-vittmi huma ttrattati bħala kriminali u t-traffikanti jingħataw sentenzi ħfief,” saħqu l-għaqdiet u għalhekk qed jappellaw biex l-attenzjoni tinbidel biex it-traffikanti jinżammu responsabbli filwaqt li l-vittmi jingħataw il-protezzjoni kif ukoll ikun hemm koperazzjoni sħiħa bejn dawk kompetenti biex jidentifikaw il-vittmi u awtoritajiet reġjonali u internazzjonali li jiġbru informazzjoni dwar it-traffikar uman.

Fil-fatt, għal aktar minn darba, id-dokument jagħmel enfasi b’mod partikolari għall-fatt li l-persuni ttraffikati ħafna drabi jsibuha diffiċli biex jitkellmu quddiem l-awtoritajiet u ma jingħatawx biżżejjed spazju biex jirrakkontaw l-esperjenza tagħhom.

“Is-silenzju tagħhom m’għandu qatt ikun miżinterpretat bħala l-kunsens tagħhom għall-prostituzzjoni jew it-traffikar,” saħqu l-għaqdiet u għalhekk jappellaw għal darba, darbtejn biex ikunu persuni speċjalizzati li jitkellmu ma’ dawn il-persuni u jħarsu lejhom mhux bħala kompliċi iżda bħala vittmi.

Pieni aktar ħorox għall-akkużati, permessi ta’ residenza u akkomodazzjoni għall-vittmi

L-għaqdiet qed jappellaw għat-tisħiħ tal-liġijiet u anke r-regolarizzazzjoni relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol biex ikunu eliminati toroq, li fi kliemhom għadhom jeżistu u li jwasslu għat-traffikar u l-isfruttament tal-persuni.

Għalhekk qed jappellaw għal riforma totali waqt li tennew il-ħtieġa li l-pulizija u anke l-ġudikatura jkunu mħarrġa biex jassiguraw trattament ġust u adegwat lill-vittmi.

Qed jappellaw li l-liġi aġġornata dwar it-traffikar uman tkun tinkludi:

  • protezzjoni adegwata għall-vittmi mit-traffikanti,
  • pulizija u esperti mħarrġa biex jagħtu l-appoġġ lill-vittmi,
  • penali aktar b’saħħithom għal dawk misjuba ħatja ta’ traffikar,
  • ripatriazzjoni volontarja tal-vittmi wara li tkun assigurata s-sigurtà tagħhom,
  • permessi ta’ residenza għall-vittmi li ma jkunux iridu jew ma jkunux jistgħu jirritornaw pajjiżhom minħabba raġunijiet ta’ sigurtà u akkomodazzjoni adewgata u appoġġ bil-għan li l-vittmi salvati mit-traffikar ikunu jistgħu jibdew ħajja ġdida.

Aċċess għal kumpens u għajnuna legali għall-vittmi

L-għaqdiet qed jisħqu li għajnuna u pariri legali b’xejn huma importanti għall-vittmi ta’ traffikar uman li flus f’buthom ma jkollhomx, filwaqt li appellaw biex il-vittmi jingħataw kumpens denju għad-danni li jkunu ġarrbu.

Jipproponu li parti mill-fondi għall-għajnuna legali u l-kumpens għandhom jiġu mill-multi mħallsa minn dawk ħatja ta’ traffikar.

Bil-għan jkun assigurat aċċess effettiv għall-għajnuna legali u kumpens, id-dokument jipproponi:

  • tnaqqis sostanzjali fl-ispejjeż li vittma jkollha tgħaddi minnhom biex titlob pariri jew għajnuna legali biex tfittex bil-Qorti lil dawk li ttraffikawha u
  • żieda fil-capping ta’ €10,000 fuq il-kumpens għad-danni biex jirrifletti aħjar il-ħsara, kważi kważi rreparabbli, ikkawżata mit-traffikar.

Mekkaniżmi aktar b’saħħithom ta’ protezzjoni

L-għaqdiet fakkru li l-Gvern Malti li huwa obbligat skont il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll tagħha kontra t-Traffikar tal-Bniedem (2000), biex jassigura protezzjoni effettiva lill-vittmi.

Għalhekk qed jipproponu:

  • servizzi għall-għajnuna fiżika, psikoloġika, finanzjarja u servizzi oħra dwar impjiegi u r-ripatriazzjoni volontarja, liema servizzi jkunu disponibbli u aċċessibbli għall-vittmi ta’ traffikar uman
  • dawn is-servizzi għandhom ikunu ffinanzjati mill-Gvern iżda jistgħu jkunu mmexxija mis-soċjetà ċivili.

Fatti dwar il-prostituzzjoni

  • Madwar 42 miljun mara huma involuti fil-prostituzzjoni
  • 400,000 persuna jaħdmu bħala prostituti fil-Ġermanja
  • 90% tal-prostituti fi Spanja huma immigranti
  • Il-maġġoranza tal-prostituti bdew meta kellhom inqas minn 18-il sena
  • 62% huma sfruttati sesswalment
  • 96% tal-vittmi madwar id-dinja huma nisa
  • Il-prostituzzjoni tiġġenera qligħ ta’ madwar $186 biljun fis-sena
  • 80-95% mill-prostituti jkunu batew minn xi forma ta’ vjolenza qabel ma saru prostituti
  • 62% jirrapportaw li kienu stuprati
  • 68% jsofru minn ‘post-traumatic stress disorder’

More in Socjali