Diskors ta’ sagħtejn u nofs iżda inti fil-but x’se ddaħħal?

Fil-ġimgħa tal-Baġit, il-gazzetta ILLUM daħlet fid-djar ta’ individwi u familji, b’realtajiet u bżonnijiet differenti, biex tifhem aħjar kif se jkunu qed jintlaqtu mill-Baġit

Chris u Katya

Chris u Katya huma koppja li għandhom tifel għadu żgħir. Katya hija mara tad-dar u għalhekk l-uniku dħul li għandha din il-familja huwa minn dak li jaqla’ Chris.

Kull sena, Chris jaqla’ paga ta’ madwar €19,000. Mis-sena d-dieħla, il-paga ta’ Chris se tkun qed tiżdied b’madwar €181, liema żieda se tkun qed tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja.

Bħal kull familja oħra madwar Malta u Għawdex, Chris u Katya se jkunu qed jirċievu ċekk ta’ darba ta’ €35 u dan biex jagħmel tajjeb għal żieda f’xi prezzijiet ta’ prodotti essenzjali, bħalma huma l-ħobż u l-ħalib. Tgħidli x’se nagħmel b’€35? Vera mhux ħafna. Iżda kif jgħid il-Malti, kull qatra tgħodd.

Biex jgħixu komdi, Chris ikollu jagħmel xi siegħa jew tnejn sahra. Mis-sena d-dieħla, l-ewwel mitt siegħa sahra li se jagħmel Chris se jkunu ntaxxati bil-15% u għalhekk mis-sahra li se jagħmel, se jifdallu aktar flus fil-but.

Apparti minn hekk, bħal 200,000 impjegat u impjegata oħra, Chris se jkun qed jerġa’ jirċievi ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa. Hu se jmissu €68.

Bħall-ħaddiema l-oħra kollha, Chris se jkollu ġurnata oħra miżjuda mal-leave u din biex tagħmel tajjeb għal dawk il-festi pubbliċi li jaħtbu fi tmiem il-ġimgħa.

Bħall-familji l-oħra li għandhom it-tfal, Alan u Marthese se jibqgħu jibbenefikaw ukoll mit-trasport b’xejn għall-iskejjel.

Pawlu u Maria

Pawlu u Maria huma koppja anzjana. Pawlu għandu 80 u Maria 76 sena. Pawlu biss jirċievi l-pensjoni għax Maria qatt ma ħadmet, biex tkun tista’ tieħu ħsieb lill-familja.

Mis-sena d-dieħla l-pensjoni ta’ Pawlu se tkun qed tiżdied bi €3.51 fil-ġimgħa, jiġifieri b’kollox se jirċievi żieda ta’ €7 fil-ġimgħa, għax ma’ dawn wieħed irid iżid iż-żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ €3.49.

Mela b’kollox, f’sena, il-pensjoni ta’ Pawlu se tkun qed tiżdied bi €364.

Fil-Baġit tħabbar li l-qligħ mhux taxxabbli mill-pensjoni se jiżdied għal €13,798 oħra. Għal Pawlu u Maria, ġaladarba jirċievu pensjoni waħda, id-dħul eżentat mit-taxxa se jiżdied sa €15,798.

Apparti minn hekk, kemm Pawlu u anke Maria se jkunu qed jirċievu l-għotja li tingħata darba f’sena lill-anzjani ta’ 75 sena jew aktar li jibqgħu jgħixu fid-djar tagħhom. Pawlu, fl-aħħar snin ħa €300, iżda mis-sena d-dieħla, ġaladarba għalaq it-80 sena, se jirċievi €350.

Marija se tieħu t-€300, għax dan il-bonus mhuwiex marbut mal-pensjoni iżda jingħata lill-anzjani kollha, minn 75 sena ’l fuq, li jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom.

Għalhekk, jekk tieħu kollox globalment, kemm iż-żieda fil-pensjoni u anke l-bonus, id-dħul ta’ Pawlu u Maria se jiżdied b’€1,014.

Maria tħobb ukoll tidħol sal-Belt biex tagħmel xi qadjiet u tgħaddi siegħa żmien. Mis-sena d-dieħla, bħall-anzjani kollha li għandhom ’il fuq minn 75 sena, Maria se tivvjaġġa b’xejn fuq tal-linja.

Mikiel

Bħal Pawlu u Maria, Mikiel ukoll huwa anzjan. Għandu 83 sena. Għall-kuntrarju ta’ Pawlu u Maria ma setax jibqa’ jgħix id-dar, kemm għax ma għandux familja u anke għax saqajh ma tantx għadhom jifilħu.

Kien għalhekk li ftit tax-xhur ilu daħħal idu fil-but biex imur jgħix f’dar tal-anzjani privata.

Ngħiduha kif inhi. Pawlu ma qagħadx jistenna fil-lista ta’ stennija biex jidħol f’dar tal-anzjani. Ħallas minn butu u naqqas il-pressjoni minn fuq il-Gvern. Allura ma ħaqqu xejn lura?

Mis-sena d-dieħla, l-għotja ta’ €300 li jirċievu l-pensjonanti ta’ 75 sena jew aktar se tibda tingħata wkoll lil dawk l-anzjani li bħal Pawlu ħallsu biex marru jgħixu f’dar tal-anzjani privata.

Ġaladarba għandu 83 sena, huwa se jibbenefika wkoll miż-żieda ta’ €50 biex hekk se jieħu €350.

Michael u Carmen

Michael u Carmen huma kopja anzjana. It-tnejn li huma għandhom 70 sena. Ma għandhomx dħul kbir, aktar u aktar għax Michael biss jieħu l-pensjoni.

Michael u Carmen, bħal 16,000 anzjan u anzjana oħra, jibbenefikaw mill-għajnuna supplimentari li titħallas lil dawk, l-aktar anzjani, bi dħul baxx u li għandhom ’il fuq minn 65 sena.

L-għajnuna supplimentari għal Michael u Carmen u dawk bħalhom bi dħul baxx, se tiżdied b’€50 għal €150.

Għalhekk, mis-sena d-dieħla, kemm Michael u anke Carmen se jieħdu €150 kull wieħed.

Dan ifisser li jekk wieħed jgħodd iż-żieda ta’ €7 fil-ġimgħa u l-għajnuna supplimentari, fl-2020, id-dħul ta’ Michael u Carmen se jiżdied b’€664.

Johann u Christine

Johann u Christine huma koppja żagħżugħa li qed ifittxu post. It-tnejn li huma jaħdmu u s-sena d-dieħla se jkollhom tarbija.

Fl-aħħar xhur sabu post u qed iħejju biex jixtruh.

Johann u Christine se jibbenefikaw mill-iskema tal-first time buyers li b’effett immedjat ġiet emendata.

Fil-fatt, Johann u Christine se jkunu eżentata mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €175,000 minflok fuq l-ewwel €150,000 kif kienet fl-aħħar snin.

Dan ifisser li Johann u Christine se jiffrankaw €6,500.

Apparti minn hekk, meta Christine twelled se tirċievi bonus ta’ darba ta’ €300.

Fil-fatt, dan il-bonus se jingħata għal kull twelid jew inkella għal kull addozzjoni.

Joseph

Joseph għandu 30 sena. Minn dejjem jgħid li ż-żwieġ ma jgħoddx għalih. Sa issa dejjem għex għand ommu iżda issa jixtieq li jsib post għal rasu biex jibda jgħix ħajja indipendenti.

Fl-aħħar jiem sab post li għoġbu u għamel appuntament mal-bank biex jistaqsi dwar self. Joseph huwa eliġibbli għal home loan iżda meta kien qed jagħmel il-kalkoli tiegħu nduna li ma għandux biex iħallas €15,000 f’daqqa bħala 10% depożitu.

Ngħiduha kif inhi, għall-kuntrarju ta’ koppja, Joseph irid joħroġ kollox waħdu!

Joseph se jkun jista’ jibbenefika minn skema ġdida li se jdaħħal fis-seħħ il-Gvern wara ftehim mal-bank APS.

Fil-fatt, il-Gvern se jkun qed iselliflu d-depożitu tal-10% u Joseph se jkollu ċans 15-il sena biex iħallas bin-nifs dawn il-€15,000. L-imgħaxx, fuq dan is-self, se jkun qed iħallsu l-Gvern.

Minn din l-iskema se jkunu qed jibbenifikaw diversi żgħażagħ li bħal Joseph, flok joħorġu l-flus biex jikru, jixtiequ jixtru post biex ikun tagħhom.

Il-pagament massimu li l-Gvern se jkun qed joħroġ huwa ta’ €17,500.

Alan u Marthese

Alan u Marthese għandhom żewġt itfal. Ma għandhomx il-proprjetà tagħhom iżda dan l-aħħar krew post. Xi drabi bilkemm ilaħħqu mal-kirja meta tqis l-ispejjeż l-oħra li għandhom.

Is-sena li għaddiet il-Gvern daħħal sussidju għall-akkomodazzjoni affordabbli għal dawk li l-kera tagħhom taqbeż il-25% tad-dħul gross.

Alan u Marthese ma bbenifikawx minnha, għax id-dħul tagħhom kien jaqbeż it-€28,600.

Din is-sena, huma se jibbenifikaw hekk kif il-Gvern għolla d-dħul annwali li individwu jew familja taqla’ biex tkun eliġibbli għal din l-iskema.

Fil-fatt, għal koppja b’żewġt itfal, id-dħul annwali għall-eliġibilità se jitla’ għal €32,000.

Bħall-familji l-oħra li għandhom it-tfal, Alan u Marthese se jibqgħu jibbenifikaw ukoll mit-trasport b’xejn għall-iskejjel.

Josephine

Josephine hija għalliema. Ix-xogħol kien kollox għaliha għax l-hena tagħha taħdem mat-tfal.

Tliet snin ilu, Josephine kellha tieqaf mix-xogħol għax it-tifla tagħha, li għandha tmien snin, kellha kanċer u għadha sal-lum tirċievi l-kura.

Josephine se tkun qed tibbenefika minn miżura biex il-perjodu li se tagħmel wieqfa mix-xogħol ma jkunx rifless fil-pensjoni u b’hekk, meta tirtira jkollha pensjoni aħjar.

Fil-fatt, il-perjodu ta’ kontribuzzjoni akkreditati se jkun sa massimu ta’ 8 snin, l-istess ammont li japplika għall-persuni b’diżabilità.

Marco

Marco għadu kemm għamel operazzjoni kbira għax kellu kanċer. Se jkollu bżonn jagħmel il-kimoterapija u għalhekk se jkollu jieħu kważi l-leave kollu għal waqt il-mard u aktar minn hekk.

L-akbar ħsieb tiegħu huwa t-trattament, iżda ma ttihx tort jinkwieta wkoll li minħabba dan se jispiċċa ma jkollux dħul sħiħ mill-paga.

Madanakollu, il-Baġit ħaseb ukoll għal nies bħal Marco. Marco se jkun eliġibbli għall-ħlas tal-Benefiċċju Kontributorju għall-Mard mill-ewwel ġurnata (mit-tieni talba ’l quddiem) u mhux mir-raba’ ġurnata kif iseħħ f’każijiet oħra ta’ mard.

Dan se jkun japplika għal perjodu ta’ sena, iżda jiġi estiż ukoll fuq parir mediku.

Christine

Christine hija omm ta’ tifla b’diżabilità. Nadia, it-tifla ta’ Christine, tbati minn diżabilità severa u assolutament ma tistax taħdem, għalhekk, Nadia, hija dipendenti fuq ommha li allura ma tistax taħdem.

Is-sena li ġejja, Christine se tkun qed tibbenifika mill-aħħar riforma fl-Assistenza għal Diżabilità, li fost oħrajn, kienet tinkludi l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa.

Għalhekk, il-pagament fil-ġimgħa ta’ din l-għajnuna se jkun qed jitla’ minn €150 fil-ġimgħa għal €161.40, biex hekk, din l-assistenza se tkun ekwivalenti għall-Paga Minima Nazzjonali netta.

F’sena, se tingħata għajnuna ta’ madwar €8,392, jiġifieri madwar €800 iktar mis-sena li għaddiet.

More in Socjali