Min se jkun is-suċċessur tal-Isqof Grech? Ifeġġu l-ewwel ismijiet...

L-ILLUM tistaqsi u tagħti ħarsa lejn dawk li huma l-favoriti jew li qed jissemmew biex jieħdu f’idhom it-tmexxija tad-djoċesi Għawdxija

 

Malli ħarġet l-aħbar li l-Isqof Mario Grech, wara 13-il sena, se jħalli d-Djoċesi ta’ Għawdex, hekk kif il-Papa Franġisku għażlu biex eventwalment jieħu l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, bdew ħerġin l-ismijiet ta’ min jista’ jkun id-disa’ Isqof ta’ Għawdex.

Il-proċess għall-għażla tal-Isqof il-ġdid huwa wieħed sigriet. Madanakollu, meta l-kleru huwa wieħed żgħir, bħal dak f’Għawdex, dak li jibda jingħad jista’ jkun wieħed indikattiv.

Il-gazetta ILLUM tkellmet ma’ membri tal-kleru, kemm f’Għawdex u anke Malta u staqsiet min qiegħed jissemma bħala s-suċċessur prospettiv tal-Isqof Grech.

F’dan l-artiklu se tkun qed tagħti ftit informazzjoni dwar dawk li qed ikunu meqjusa l-favoriti.

Monsinjur Carmelo Refalo

Jekk hemm saċerdot Għawdxi maħbub, bla dubju ta’ xejn dan huwa Monsinjur Carmelo Refalo

Monsinjur Refalo, li għandu 58 sena, ilu għal dawn l-aħħar 14-il sena jservi bħala l-Arċipriet tal-Parroċċa tax-Xagħra u qabel serva wkoll bħala Arċipriet tal-Parroċċa tal-Qala.

Kien ukoll lettur tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù.

Monsinjur Refalo għandu fama ta’ saċerdot twajjeb u qaddis u li għandu għal qalbu ħafna l-pastorali.

Monsinjur Carmelo Refalo
Monsinjur Carmelo Refalo

Huwa magħruf għall-predikazzjoni tant li jiġi magħżul diversi drabi biex jipprietka fil-knejjes Maltin fil-ġranet tal-festi u fi żmien l-eżerċizzi.

Fl-2015, Monsinjur Carmelo Refalo nħatar bħala President tal-Kulleġġ tal-Kappillani Għawdxin.

Lura fl-2005, Monsinjur Carmelo Refalo diġà kien wieħed mill-favoriti biex jieħu post l-Isqof Nikol Cauchi, iżda l-għażla finali kienet dik favur Mario Grech li dak iż-żmien kien il-Kappillan ta’ Kerċem.

L-Isqof George Bugeja

Is-suċċessur ta’  Monsinjur Grech mhux neċessarjament ikun isqof ġdid. Jista’ jkun li jintgħażel xi ħadd li diġà huwa isqof.

Pereżempju meta Monsinjur Charles Scicluna sar l-Arċisqof ta’ Malta huwa kien diġà ordnat isqof tant li kien iservi bħala Isqof Awżiljarju tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Jekk ikun hekk, ma jkunx hemm bżonn li ssir Ordinazzjoni Episkopali, iżda f’dak il-każ l-isqof jieħu b’mod formali l-pussess tad-djoċesi waqt ċelebrazzjoni magħrufa bħala ingress, jiġifieri ċelebrazzjoni li ssir fil-Katidral fejn l-isqof ipoġġi għall-ewwel darba fuq il-Katedra (is-sedja tal-Isqof fil-Katidral).

L-Isqof George Bugeja
L-Isqof George Bugeja

Fil-fatt, wieħed minn dawk li qed jissemmew għal suċċessur ta’ Mario Grech, huwa l-Isqof Franġiskan George Bugeja.

L-Isqof Bugeja huwa l-Vigarju Appostoliku ta’ Tripli u l-Amministratur Appostoliku ta’ Benghazi.

Monsinjur George Bugeja għandu 56 sena u ġie ordnat Isqof f’Settembru tal-2015 meta kien inħatar Isqof Koadjutur ta’ Tripli.

Bħal Monsinjur Refalo, George Bugeja huwa mix-Xagħra u huwa magħruf għas-sempliċità tiegħu.

Patri Marcello Ghirlando

Patri Marcello Ghirlando żgur li ma għandu bżonn l-ebda introduzzjoni. Ħafna jafuh bħala wieħed mill-eżorċisti l-aktar magħrufa ta’ Malta u magħruf ukoll għall-predikazzjoni tiegħu.

Forsi jkun hemm min jistaqsi kif jista’ Patri Marcello jissemma għal Isqof ta’ Għawdex meta lanqas biss huwa Għawdxi. Ir-risposta hija sempliċi. Biex issir isqof ta’ djoċesi ma hemmx għalfejn tkun ġej minnha.

Ma mmorrux ’il bogħod. L-Arċisqof Ġużeppi Mercieca kien Għawdxi u sar Arċisqof ta’ Malta u l-Arċisqof Gonzi kien Isqof ta’ Għawdex qabel ġie Malta.

Anke jekk mhuwiex Għawdxi, Patri Marcello, li huwa Franġiskan Minuri, huwa midħla sew tad-Djoċesi Għawdxija u dan mhux għax jgħix fil-Kunvent tal-Franġiskani f’Għajnsielem.

L-Isqof Mario Grech kien ħatru bħala Delegat għall-Ħajja Kkonsagrata u fil-Ġublew tal-Ħniena kien maħtur ukoll Missjunarju tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Għawdex.

Patri Marcello Ghirlando
Patri Marcello Ghirlando

Patri Marcello serva wkoll bħala Vigarju Ġenerali tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripli.

Huwa għandu Dottorat fit-Teoloġija Bibblika mill-Università Pontifiċja Gregorjana ta’ Ruma u jgħallem l-Iskrittura fil-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta u fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.

Huwa serva wkoll bħala Kummissarju Malti għall-Art Imqaddsa, Kunsillier Provinċjali tal-Ordni tal-Franġiskani Minuri, Delegat Provinċjali tal-Missjoni fil-Libja kif ukoll rappreżentant tas-Santa Sede fil-Konferenza Internazzjonali dwar id-Djalogu bejn Iżrael u l-Palestina u fil-Konferenza ‘Libya for the Future’.

Monsinjur Hector Scerri

Saċerdot ieħor Malti li qed jissemma minn xi wħud, għalkemm forsi bl-inqas saħħa, huwa Monsinjur Hector Scerri, Professur tal-Università u d-Deputat Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija.

Monsinjur Scerri għandu 53 sena. Huwa magħruf bħala wieħed mill-akbar għorrief li għandha l-Knisja f’Malta fejn tidħol it-Teoloġija Dommatika. Huwa studja f’Malta u fl-Università Pontifiċja Gregorjana ta’ Ruma.

Huwa ppubblika artikli f’diversi pubblikazzjonijiet prestiġjużi u anke ppreżenta studji f’istituzzjonijiet akkademiċi f’Ruma, Oxford, Leuven, Helsinki, Durham u anke Strassburgu.

Monsinjur Hector Scerri
Monsinjur Hector Scerri

Monsinjur Scerri serva bħala Viċi Rettur tas-Seminarju Maġġuri u anke kien maħtur President tal-Kummissjoni Teoloġija u anke tal-Kummissjoni Ekumenika tal-Arċidjoċesi. Inħatar ukoll Chairman tal-Kunsill Ekumeniku Malti.

Fl-2014, il-Papa Franġisku għażlu Konsultur għall-Kunsill Pontifiċju li jippromovi l-għaqda fost l-Insara.

Imma l-Isqof il-ġdid kif jintgħażel?

Il-proċess għall-għażla ta’ isqof ġdid huwa wieħed stabbilit fil-liġi tal-Knisja u l-proċess huwa sigriet għalkollox.

Tista’ tgħid li huwa maqsum fit-tnejn. L-ewwel proċess jibda propju mid-djoċesi stess fejn ikun se jsir l-isqof il-ġdid.

In-Nunzju Appostoliku għal Malta, jiġifieri r-rappreżentant tal-Papa f’Malta, f’dan il-każ l-Arċisqof Mons. Alessandro d’Errico, jibda immedjatament konsultazzjoni fid-djoċesi mal-Isqfijiet, saċerdoti u anke lajċi.

Normalment, in-Nunzjatura tagħżel grupp żgħir ta’ persuni li jirċievu kwestjonarju li fih jipproponu lil min jaħsbu li għandu jkun l-Isqof il-ġdid. Min jirċievi dan il-kwestjonarju, jew inkluż fil-konsultazzjoni, huwa marbut bis-sigriet pontifiċju.

In-Nunzju Appostoliku jistħarreġ fuq l-ismijiet li jaslu għandu u minnhom jagħżel tlieta, bl-ewwel wieħed ikun l-aktar wieħed b’saħħtu.

Meta jtemm dan il-proċess, in-Nunzju jibgħat din il-lista, magħrufa bħala “ternus” lill-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet fil-Vatikan li tagħti l-parir tagħha lill-Papa.

Jekk il-Kongregazzjoni tkun kuntenta bl-ismijiet, tagħti l-parir tagħha lill-Papa.

F’każ li l-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet ma tkunx kuntenta bl-ismijiet li jaslu quddiemha, jidħol il-Prefett tal-Kongregazzjoni, f’dan il-każ il-Kardinal Mark Ouellet.

Dan jista’ jagħżel li jibda l-proċess mill-bidu u jagħmel hu stess il-konsultazzjoni biex jerġgħu jintgħażlu tliet kandidati oħra.

Kif spjegat, l-aħħar deċiżjoni hija fl-aħħar mill-aħħar tal-Papa Franġisku. Il-Papa jista’ jaċċetta l-ismijiet li jipproponulu u jista’ saħansitra jwaqqagħhom u jagħżel isqof hu.

Meta l-proċess ikun lest, in-Nunzju jkun infurmat bl-għażla tal-Papa u dan isejjaħ lill-magħżul biex jikkomunikalu d-deċiżjoni.

Il-Knisja tikkunsidra diversi kwalitajiet meta tagħżel isqof ġdid. Dan irid ikun stmat min-nies u eżemplari fejn tidħol il-fidi u l-morali. Biex saċerdot jintgħażel isqof irid ikollu 35 sena u jkun ilu ħames snin iqaddes.

Bħala kwalifiċi akkademiċi, isqof irid ikollu dottorat jew liċenzjat fil-morali, id-dritt kanoniku jew id-duttrina tal-knisja jew almenu jkun mgħarraf tajjeb f’dawn l-oqsma importanti.

Il-proċess jista’ jieħu diversi ġimgħat. Fil-fatt, anke jekk l-Isqof Grech kellu jħalli immedjatament lil Għawdex biex jattendi għas-Sinodu dwar ir-Reġjun tal-Amażonja, huwa nħatar Amministratur Appostoliku sakemm jintgħażel l-Isqof il-ġdid.

More in Socjali