F'Malta qed iseħħu bejn żewġ u tliet suwiċidji fix-xahar

Is-suwiċidju huwa t-tieni l-ogħla kawża ta’ mwiet fost żgħażagħ li għandhom bejn il-15u d-29 sena

Is-suwiċidju huwa t-tieni l-ogħla kawża ta’ mwiet fost żgħażagħ li għandhom bejn il-15 u d-29 sena, b’ħafna jaslu għalih minħabba vjolenza, abbuż sesswali, bullying u cyberbullying.

Fi stqarrija, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali għamel referenza għal statistiċi tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, li tikkalkula kif kull 40 sekonda jseħħ suwiċidju, jiġifieri 800,000 mewt fis-sena madwar id-dinja

Statistika għal Malta turi li bejn l-2013 u l-2018 f’Malta seħħew bejn 2 u 3 suwiċidji fix-xahar. 

Żewġ terzi tal-imwiet fl-irġiel kienu fl-età ta’ bejn it-30u d-59 sena. 

Fost in-nisa, 20% tas-suwiċidju kien fl-etajiet bejn 14 u 17-il sena. 

Fost dawk li tilfu ħajjiethom minħabba suwiċidju kienu 25% biss li kienu fittxew l-għajnuna ta’ professjonisti fis-saħħa mentali għall-inqas darba qabel seħħ. 

“Imwiet b’suwiċidju ġraw bosta drabi fl-istorja tal-bniedem, iżda minħabba fatturi varji, ir-rata ta’ mwiet b’suwiċidju għoliet f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin biex illum qed niffaċċjaw sitwazzjoni Kritika,” saħaq il-Kummissarjat.

Fl-istqarrija, il-Kummissarju saħaq li għad hawn ħafna soċjetà li għandhom informazzjoni żbaljata, preġudizji u stigma dwar is-suwiċidju.

“Is-Suwiċidju mhux biss sfida għas-servizzi tas-saħħa mentali imma jeħtieġ l-attenzjoni ta’ bosta oqsma oħra, fosthom is-servizzi tas-saħħa, dawk socjali, tal- edukazzjoni, tal-ġustizzja, tar-riċerkaturi u l-akkademiċi, tal-organizzazjonijiet tal-professjonisti, u tal- għaqdiet tal-pazjenti u ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom inkluż il-familji,” kompliet tisħaq l-istqarrija.

Huwa appella biex ħadd ma jibża’ jfittex l-għajnuna u biex min hu viċinpersuna u jissuspetta li din qed tikkonsidra s-suwiċidju ma jibżax jistaqsi.

“Ħafna jarawh taboo sakemm is-suwiċidju jolqot lil xi ħadd qrib tagħhom. Li nifhmu li s-suwiċidju hu realtà jista’ jwassal biex nipprevjenu mewt fil-minuta li ġejja. Irridu nitkellmu dwar is-suwiċidju biex ngħinu s-soċjeta tagħraf il- fatturi li jgħollu r-riskju u kif nistgħu nindirizzawhom,” insista l-Kummissarju.

Matul ix-xhur li ġejjin, l-Uffiċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali se jkun qiegħed iwassal rapporti, dokumenti u għodda oħra utili kemm għall-professjonisti kif ukoll għall-pubbliku in generali biex kulħadd ikun infurmat u ppreparat biex jagħraf u jieħu l-azzjoni meħtieġa f’każ li jiltaqa’ ma’ aġir relatat mas-suwiċidju.

Jekk taħseb li għandek bżonn l-għajnuna, dawn huma s-servizzi li jistgħu jgħinuk: Supportline 179 (FSWS), 1770 (Richmond Foundation), kellimni.com jew is-servizz SPOT fuq 77068688 (Suicide Prevention, Outreach and Therapeutic services ta’ Victim Support Malta) jew billi wieħed jitkellem mat-tabib tiegħu jew taċ-Ċentru tas-Saħħa jew jiftah qalbu ma’ persuna ta’ fiduċja tiegħu. Dawk li huma impjegati taċ-Ċivil jistgħu jirrikorru għall-għajnuna għand l-Employee Support Programme (ESP).

More in Socjali