Il-Gvern jixtri 181 sodda fid-djar tal-Knisja għall-anzjani

 167 sodda ser jintużaw għall-kura residenzjali fit-tul, filwaqt li 14-il sodda ser jintużaw għal servizzi ta’ respite

Il-Gvern u l-Knisja ġeddew il-ftehim bejniethom biex jiġu pprovduti servizzi residenzjali għall-anzjani fid-Djar tal-Knisja.

Dan il-ftehim, għall-perjodu ta’ tliet snin, jistabillixxi x-xiri ta’ 181 sodda, li minnhom 167 sodda ser jintużaw għall-kura residenzjali fit-tul, filwaqt li 14-il sodda ser jintużaw għal servizzi ta’ respite għal anzjani b’dipendenza għolja u medja.

Ilbieraħ, il-gazzetta ILLUM irrapportat kif minkejja skemi biex jgħinu lill-anzjani jibqgħu fil-komunità u minkejja li l-Gvern għandu arranġamenti ma’ 17-il dar residenzjali tal-privat u tal-Knisja biex jixtri servizzi għall-anzjani, il-lista ta’ stennija żdiedet biex illum tlaħħaq madwar 3,000 persuna

Il-ftehim gie ffirmat mill-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Monsinjur Charles Cordina, u mid-Direttur tad-Djar tal-Knisja ghall-Anzjani, André Vassallo Grant, u mill-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva, Dr Renzo De Gabriele, fil-preżenza tas-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjocesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, u s-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis. 

More in Socjali