Intervista | Telaq kollox minn idu biex jgħin persuni b’diżabilità fid-dar t’ommu u ta’ missieru

24 sena ilu, Dun Anġ fetaħ l-ewwel dar tiegħu u beda jieħu ħsieb persuna b’diżabilità. Fl-età ta’ 86 sena Seychell jitkellem mal-ILLUM dwar l-istorja tiegħu...

Kull persuna għandha missjoni marbuta ma’ ħajjitha. Xi drabi din tkun relatata mal-professjoni jew vokazzjoni, oħrajn ikollhom missjoni aktar speċifika li tinbet mill-esiġenzi soċjopolitiċi. 

Din il-ġimgħa, l-ILLUM iltaqgħet ma’ persuna li ċertament attwat il-missjoni ta’ ħajjitha, Dun Anġ Seychell, is-saċerdot li 24 sena ilu waqqaf il-Fondazzjoni Nazareth u bla ebda daqq ta’ trombi beda jieħu ħsieb uħud mill-aktar persuni speċjali fis-soċjetà tagħna, il-persuni b’diżabilità. 

F’waħda mid-djar antiki tiegħu fil-qalba taż-Żejtun tkellimna ma’ Seychell, illum fl-età ta’ 86, sena dwar kif twaqqfet din il-fondazzjoni Nazareth, l-akbar sfidi fl-operat kif ukoll dwar kwistjonijiet politiċi u oħrajn relatati mal-fidi Kristjana.

Nibda din l-intervista billi nistaqsih dwar x’wasslu biex iwaqqaf din il-fondazzjoni. Dun Anġ jibda jirrakkonta, “xi darba din id-dar kienet t’ommi u ta’ missieri. Meta dawn ġew neqsin konna ltqajna l-aħwa sabiex niddiskutu l-wirt. Għidtilhom ħudu kollox basta nżomm din id-dar,” beda biex jgħid Seychell.

Dun Anġ kompla jispjega kif l-imħabba tiegħu lejn il-persuni fqar u l-ispirazzjoni mill-ħajja ta’ Charles De Foucald kienu wħud mill-fatturi li wassluh sabiex jibda dan il-vjaġġ filantropiku.

Charles de Foucauld kien eks-suldat li tilef il-fidi tiegħu iżda li aktar tard reġa' ltaqa’ m’Alla permezz tal-kuġina tiegħu. Aktar tard Foucauld daħal patri u mar fid-deżert tas-Saħara fejn hemmhekk bena monasteru u beda jieħu ħsieb il-foqra u jagħtihom dinjità.

“Bħala qassis dejjem kont nieħu interess fil-fqir u l-ispiritwalità ta’ Charles de Foucauld dejjem ispiratni,” qal Seychell. 

‘Ipprostestaw għax ħadna nies b’diżabbilità joqogħdu ħdejhom’

Apparti minn dan, Dun Anġ kompla jispjega kif fl-istess żmien huwa kien qed imexxi Kummissjoni fil-Parroċċa taż-Żejtun responsabbli mill-qadi tal-Parroċċa.

“Il-kummissjoni kienet f’idejja u konna għamilna riċerka dwar kemm kien hemm persuni b’diżabilità jgħixu fiż-Żejtun. Dort il-familji kollha, apprezzawni ħafna però waqt din ir-riċerka nnotajt xi ħaġa komuni; kollha kienu mdejqin u mħassba dwar x’se jiġri minn uliedhom wara li huma bħala ġenituri jixjieħu jew imorru d-dinja l-oħra,” spjega s-saċerdot.

Apparti minn dan huwa jisħaq li dak iż-żmien persuni b’diżabilità kienu tista’ tgħid moħbija mis-soċjetà.

“Niftakar meta kont tifel, ħdejna kien hawn persuna b’diżabilità li dejjem kienet maqfula ġewwa fil-gallarija. Kont nistaqsi kif dan kien dejjem maqful hemm ġew. Kienu jinsabu lura fis-soċjetà u ħassejt li dawn in-nies jixirqilhom aktar rispett,” stqarr Seychell.

“Għalhekk,” kompla jgħid Dun Anġ, “kont konvint li din hi waħda mill-bżonnijiet il-kbar tar-raħal u allura ridt nagħmel xi ħaġa. Bdejna b’ħames persuni miż-Żejtun, illum għandna tlitt  idjar imqassmin mar-raħal u fihom jgħixu 28 persuna. Iż-Żwieten dejjem għenuni, postijiet oħra pprotestaw għaliex ħadna nies b’diżabilità joqogħdu f’lokalità ħdejhom,” qal il-qassis.

Fuq nota simili huwa żied jgħid li fil-bidu tal-operazzjoni ta’ Dar Nazareth kellhom kuntatt ukoll mal-organizzazzjoni L’Arche li twaqqfet fis-60ijiet mill-filosfu Kanadiż Jean Vanier, bl-għan li tieħu ħsieb persuni b’diżabilità.

“Beda l-kuntatt magħhom u saħansitra kienu ġew hawnhekk u għamlu 20 ġurnata. Tgħidx kemm tgħallimt mingħandhom, il-ħin kollu nieħu n-noti” qal Dun Anġ.

Dun Anġ huwa qassis soċjalist?

Naqilbu daqsxejn id-diskors u nistaqsih dwar deskrizzjoni li sikwit tiġi assoċjata miegħu, dik tal-‘Qassis Soċjalist’. X’jaħseb fuq dan it-titlu Seychell? Mal-ILLUM huwa jirrispondi hekk: “naħseb kien hemm evoluzzjoni politika fiha. Ma sirtx Nazzjonalist, iżda bħalma kien qal Alfred Sant, illum in-nies tax-xellug taf min huma? Il-Papa Franġisku, għaliex huwa jitkellem dwar il-faqar.” 

Mal-ILLUM huwa kompla jgħid kif fid-dawl tal-politika aktar ċentrista t-tagħlim tal-Knisja llum sar jgħodd aktar minn qabel. 

Iż-Żwieten dejjem għenuni, postijiet oħra pprotestaw għaliex ħadna nies b’diżabilità joqogħdu f’lokalità ħdejhom

Iżda dlonk nistaqsih ġaladarba t-tagħlim tal-Knisja sar aktar validu, għalfejn l-attendenza qed tonqos?

Huwa jirrispondi u jgħid, “l-iskandli hi waħda mill-konsegwenzi ta’ dan kollu. Apparti minn hekk hawn ħafna affarijiet li qed ibiegħdu lin-nies minn Alla.”

Nistaqsih sabiex jelenka ftit eżempji ta’ dawn. Hu jgħid li fost l-oħrajn ir-rgħiba qed twassal għal nuqqas ta’ konkorrenza Ekleżjastika. 

“Ir-rgħiba tbiegħed in-nies minn Alla għaliex jaħsbu li b’ħafna flus se jsibu l-hena, jixtru l-ħwejjeġ, isiefru, joħorġu u jagħmlu bħal ħaddieħor. Apparti li hawn ħafna ġenituri li ma jipprattikawx ir-reliġjon,” saħaq Dun Anġ.

‘L-Isqof għandu jitkellem dwar kwistjonijiet politiċi’

Naqilbu daqsxejn id-diskors u nistaqsih fuq kritika voċifera li jirċievi l-Isqof Charles Scicluna meta jiddeċiedi

li jitkellem dwar kwistjonijiet politiċi. X’jaħseb Dun Anġ, l-Isqof għandu joqgħod pass lura mill-kummentarju politiku?

L-iskandli ma għoġbux lili daqs kemm m’għoġbux lilek, però jiena ma niġborx lill-qassisin kollha f’keffa waħda. Għandna qassisin li huma qaddisin

“Bħala l-kap tal-Knisja, għandu jitkellem f’kull problema li jkollu l-poplu, m’għandhomx jibqgħu jitkellmu biss il-politiċi u l-partiti. Però, il-mod kif twassal il-messaġġ huwa importanti u jidher li issa qed joqgħod attent xi jgħid.”

U dwar il-kritika li tiġi ġġenerata minħabba l-iskandli ta’ abbuż sesswali mill-kleru x’jaħseb Dun Anġ? Huwa jirrispondiu jgħid, “l-iskandli ma għoġbux lili daqs kemm  m’għoġbux lilek, però jiena ma niġborx lill-qassisin kollha f’keffa waħda. Għandna qassisin li huma qaddisin.”

‘L-ideali ta’ servizzi soċjali għadhom hemm, iżda moħħna wisq fl-ekonomija’

Fid-dawl tal-ħidma tiegħu mal-fqar, nistaqsih jekk preżentement lil hinn mill-istatistiċi u l-istqarrijiet politiċi teżistix problema ta’ faqar f’Malta. Dun Anġ jirrispondi l-mistoqsija tal-ILLUM billi jgħid: 

“Il-partiti stess qed jammettu li hawn il-problemi. Qabel fi żmien il-Labour allaħares issemmi li hawn il-faqar għaliex kienu jieħdu għalihom peress li kien il-Partit Laburista li pprovda s-servizzi soċjali. Minkejja dan baqa’ rqajja' ta’ nies li jbatu, iżda s-servizzi soċjali taw opportunità sabiex il-ħaddiem joħroġ mill-klassi soċjali tiegħu.”

Huwa kompla jgħid li l-ideali tas-servizzi soċjali għadhom fis-seħħ iżda li skontu, “sirna wisq moħħna fl-ekonomija u m’aħniex nagħtu kas ta’ kif is-soċjetà qed nikkorrompuha u kemm familji qegħdin jiġu mkissra.”

“X’jiswa billi jkollhom il-flus jekk ma jkunx hemm imħabba u jekk it-tfal ma jsibux l-imħabba tal-ġenituri? Il-familja qiegħed jgħinha ma mmerrix dan, iżda bil-flus biss ma tagħmel xejn,” sostna s-saċerdot.

Inkompli billi nistaqsih għalfejn il-Gvern huwa responsabbli għall-problemi ta’ relazzjoni u mħabba fil-familji. Huwa jgħid li d-dħul tad-divorzju flimkien ma’ miżuri li jaġevolaw koppji mhux miżżewġa huma fatturi li jkissru l-familja. 

Il-futur ta’ Dar Nazareth … ‘Nittamma' f’Alla’

Fi tmiem din l-intervista nistaqsi lil Dun Anġ dwar il-futur ta’ Dar Nazareth. Għandu pjanijiet futuri għall-fondazzjoni? U għażel xi suċċessur sabiex jibqa’ jmexxi din il-fondazzjoni fid-direzzjoni t-tajba? Mal-ILLUM huwa jgħid li, “ninkwieta jekk warajja jiġi xi ħadd li ma jkollux l-ideali li għandi jiena, jien naf li l-illum jew għada ma nibqax hawn.” 

Hu qal ukoll li malli spiċċat Marie Louise Coleiro Preca mill-kariga tagħha ta’ President talabha sabiex isir President tal-Fondazzjoni. Rikjesta li hi aċċettat.

Fl-aħħar nett huwa jgħid li jinsab kunfidenti f’Alla u li għandu tama kbira li l-fondazzjoni li bena hu tibqa’ tgħin persuni b’diżabilità anke wara mewtu.

“Qatt ma kellna dejn, in-nies taż-Żejtun iħobbuna ħafna, ħafna jagħtu għotjiet differenti wħud eluf oħrajn donazzjonijiet żgħar. Hemm min jagħti anke jekk kulm’għandu hi l-pensjoni,” temm jgħid Dun Anġ Seychell.

More in Socjali