Filmat | ‘Tkun miexi fit-triq u jgħidulek, int omosesswali m’għandekx dritt tgħix’

L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Chakib, immigrant Tuneżin, li daħlulu d-dar, kissrulu u serqulu kollox għax huwa raġel omosesswali

Chakib | Ritratt ta' Zak Farugia
Chakib | Ritratt ta' Zak Farugia

Ilbieraħ kien iċċelebrat il-Gay Pride u ġimgħa ta’ attivitajiet diversi ġiet fi tmiemha. Ħafna ftakru fis-suċċessi, semgħu, ċapċpu, żifnu, kantaw u ċċelebraw, uħud jaf sal-ħinijiet ta’ dalgħodu. U minkejja li dalgħodu sebaħ jum ġdid, ftit huma dawk li qamu mis-sodda jinkwetaw u jaħsbu kif se jaħbu dak li vera huma, ma jmurx ilaqqtu xi xebgħa jew vendikazzjoni. 

Ftit qamu mħassba li llum tista’ tkun il-ġurnata li jispiċċaw fl-infern tal-ħabs għax huma omosesswali. Ftit jew ħadd ma qam, moħħu tqil bil-mistoqsijiet u xewqat ta’ meta forsi jista’ jaħrab minn Malta biex forsi jsib ħajja aħjar u l-libertà f’pajjiż ieħor. 

U għall-grazzja ta’ Alla! 

Anke jekk għad fadal xi jsir, għax imxejna ’l quddiem u għax illum pajjiżna sar tolleranti u progressiv daqs qatt qabel, ma jfissirx li kulħadd kuntent u għal kulħadd il-ħajja hija ward u żahar. 

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Chakib, Tuneżin li llum jgħix Malta u li ilu jgħix hawnhekk sentejn. 

Tilmħu mill-bogħod, stil għalih, partikolari, ikkulurit, xagħar miġbur toppu, lewn kannella nnukklat, l-għira ta’ min m’għandux xagħar. Running shoes abjad, kalzetti oranġjo u qmis iffjorita  -  jiltaqa’ ma’ din il-gazzetta darbtejn, darba f’bar il-belt u darb’oħra f’daru fil-Fgura fejn jgħix mal-għarus tiegħu, Tuneżin ukoll, Dali. 

Chakib mhuwiex biss immigrant f’pajjiżna imma huwa żeffien, artist u korjografu. Jispjega kif fil-fatt huwa jgħallem iż-żfin u kien jagħmel dan fl-Università tal-kapitali Tuneżina, Tunis. 

Filmat ta' Zak Farrugia

‘In-nies huma konservattivi, imma mhux xogħolhom li jaċċettawni jew le. Jiena, jien’ 

Ipinġi stampa differenti tat-Tuneżija. 

Sa ftit żmien ilu, qabel is-safar raħas grazzi għal-Low Cost, il-Maltin kienu jitilgħu t-Tuneżija bil-gzuz, ajruplan fuq ajruplan kollha mimlijin, kollha fl-aqwa lukandi. It-Tuneżija kienet magħrufa għall-baħar, bajjiet, xiri ta’ ħwejjeġ bl-irħis u ikel  b’abbundanza. 

It-Tuneżija għadha hekk sal-lum fil-fatt. 

L-eżotiku tliet kwarti ’l bogħod biss minn pajjiżna, mimlija rkejjen mill-isbaħ, ikel bnin u bajjiet imrammlin ma jieqfu qatt. 

Minkejja l-attakki terroristiċi tal-2015, it-Tuneżija baqgħet ġojjel li għad irid jerġa’ jiskopri l-potezjal veru tiegħu. 

U Chakib seta’ kellu ħajja mill-aqwa f’dan il-pajjiż, b’xogħol tajjeb u dar tiegħu. Ma kellux, għax huwa raġel omosesswali, b’dehra lelliexa li fi kliemu stess, mhux lest li jinnegozja u jikkomprometti minn dak li hu, l-istil tiegħu u kif jixtieq jipproġetta lilu nnifsu. 

“Jiena nilbes l-imsielet,” jgħid. “It-Tuneżija mhux suppost, mara biss tilbes l-imsielet, ġiżirajjen u hekk,” jgħid. Jaqbad il-qmis li kien liebes u donnu jrid jgħid li l-istil tiegħu jwassal biex iktar nies jidentifikawh. 

“Iva, in-nies huma konservattivi, imma mhux xogħolhom li jaċċettawni jew le. Jiena, jien. Għandi żewġ għażliet, ngħix ħajti jew inkella nipprova nintgħoġob mas-soċjetà u nitlef lil Chakib.” 

Huwa kompla jispjega illi meta tagħżel lilek innifsek hemm is-sagrifiċċji u hemm r-reazzjonijiet.

Chakib u Dali waqt il-gay pride tas-Sibt li għaddiet | Ritratt ta' Zak Farrugia
Chakib u Dali waqt il-gay pride tas-Sibt li għaddiet | Ritratt ta' Zak Farrugia

“Staħba, aħseb u ġġieled”

“Kont riġettat, imma kont qed niġġieled. Kuljum trid taħseb kif issalva, taħseb darbtejn dwar is-sigurezza tiegħek, taħseb dwar kif se teżisti, kif se tgħid lin-nies li ‘jiena hawn qiegħed, neżisti, imma differenti minnkom’,” sostna determinat Chakib.

“Kienet diffiċli ħafna. Irid ikollok ħafna kuraġġ. Dan qed ngħidu li għaddejt minnu meta kelli 16-il sena, żmien illi fih suppost ikollok l-appoġġ tal-familja u tal-ħbieb,” jgħid Chakib xi ftit emozzjonat issa. Imma Chakib ma jridx jaħli enerġija jiġi mitħassar. “Jiena dan l-appoġġ ma kellix, allura ma kellix x’nitlef. Ħadt ir-riskji.”

Tmur tirrapporta abbuż u tispiċċa int fl-inkwiet

Semma l-infern u nistaqsih jispjega aħjar x’jiġifieri u xi tfisser fil-ħajja ta’ kuljum. 

“L-ewwel nett ir-reazzjoni ta’ bosta kienet minħabba l-mod kif nilbes, inizjalment,” jgħid Chakib li ta’ min ngħidu li għandu stil pjuttost metropolitan. 

Huwa jgħid li l-agħar ħaġa hija li persuna omosesswali lanqas biss tista’ tirrapporta abbuż li jsir kontriha. “F’pajjiżi jekk jissuspettaw li int omosesswali jarrestawk, jekk tmur tirrapporta lill-Pulizija jdawruha fuqek, sa jagħmlulek test anali biex jippruvaw li inti omosesswali,” spjega. 

Imma kif? U din xi ħaġa li tiġri ħafna? 

“Iva tiġri, ħafna. Ħabib tiegħi kien f’relazzjoni ma’ raġel ieħor bisesswali, jgħid li huwa ‘straight’. Meta ġġieldu u ma baqgħux flimkien, dan beda jhedded lil sieħbi. Meta sieħbi mar għand il-Pulizija jagħmel rapport, minflok għenuh, staqsewh ‘imma lil dan ir-raġel fejn tafu?’ ‘kif għandek kuntatt tiegħu?’ ‘u għalfejn raġel kellu jabbuża lilek?’ Sfurzawh jieħu test anali u bagħtuh sitt xhur ħabs,” spjega għad-diżappunt ta’ din il-gazzetta. 

Wara li jispjega kif persuni omosesswali huma mpoġġija mal-agħar kirminali fil-ħabs, anke jekk huma mhumiex kriminali jgħid li hu dejjem ħassu riġettat. 

“U jekk turi li int ma tibżax tgħix b’libertà, jibżgħu minnek, jippruvaw ikissruk,” spjega ż-żagħżugħ mal-ILLUM. 

Kont riġettat, imma kont qed niġġieled. Kuljum trid taħseb kif issalva, taħseb darbtejn dwar is-sigurtà tiegħek, taħseb dwar kif se teżisti, kif se tgħid lin-nies li ‘jiena hawn qiegħed’

Huwa jkompli jgħid li issa tgħallem li “meta nkun f’sitwazzjoni ħażina nistaħba, naħseb u mbagħad niġġieled.”

Huwa jispjega kif kellu jitlaq minn Tunis, wara li daħlulu d-dar kissrulu kollox, ħadulu kollox u sawtulu l-klieb. Sakemm telaq minn pajjiżu, ħalla kollox warajh u ma ħarisx lura.

‘Mhux darba heddewni b’ħajti’ 

Imma qed ipinġi stampa pjuttost ħażina. Ġieli kien hemm min heddu b’ħajtu? 

“Ħafna drabi heddewni, ħafna drabi ħajti kienet fil-periklu. Meta nkun fit-triq jgħajruni, ‘inti omosesswali, ma ħaqqekx tgħix.’ U meta xi ħadd jheddek li joqtlok ma jkunx qed jiċċajta. Jekk tindaga sew issib li fit-Tuneżija saru ħafna atti kriminali kontra persuni LGBTIQ.”

Jekk tkun barrani u speċjalment jekk għandek il-flus ... ir-regoli ma jgħoddux għalik

Minkejja dan kollu li qed jgħid Chakib, fit-Tuneżija, bħall-Marokk hemm industrija mhux żgħira tas-sess. Huwa fatt, forsi mhux daqstant magħruf, illi numru ta’ persuni LGBTIQ imorru u ilhom imorru għal snin f’dawn il-pajjiżi minħabba din l-industrija. 

Allura mhux ipokrezija grassa li filwaqt li qed iseħħ dan kollu li qed isemmi Chakib, hemm industrija jew ċirku tas-sess għaddejja li tinvolvi persuni omosesswali?

Chakib jgħid li meta tkun barrani u jekk tkun tal-flus jew ta’ pożizzjoni, kollox huwa tollerat. “Kieku jitla’ Malti t-Tuneżija, pereżempju, u jkollu xi problema tinħoloq tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. U dik ma jriduhiex. Allura l-frustrazzjoni joħorġuha kontra n-nies tal-pajjiż,” jisħaq Chakib. 

Chakib u s-sieħeb tiegħu Dali
Chakib u s-sieħeb tiegħu Dali

“B’xi mod hija tollerata mbagħad jekk tkun xi diplomatiku jew negozjant,” jgħid Chakib qabel imbagħad isemmi kultura jew użanza partikolari. Ifakkar illi kuntrarjament għall-kulturi Ewropej, fil-kultura Għarbija raġel ma jistax ikollu x’jaqsam ma’ mara qabel iż-żwieġ, xi ħaġa li fil-fatt hija regola segwita, anke f’pajjiż inqas konservattiv. 

“Ikun hemm minnhom li minflok imorru mal-irġiel. Imbagħad malli jiżżewġu jerġgħu jsiru eterosesswali u mbagħad x’kumbinazzjoni, wara li kellhom x’jaqsmu mal-irġiel, ikunu huma stess li jitfgħuna l-ħabs u jagħmlulna ħajjitna miżerja,” sostna b’daħka sarkastika però viżibbilment irrabjat ukoll. 

Imbagħad tibda tinduna kemm verament dan kollu jmur oltrè minn sempliċiment kultura jew reliġjon, it’s all about the money! “Jekk għandek il-poter, qiegħed hemm fuq, imma jekk m’għandekx qiegħed hemm isfel,” jgħid iż-żagħżugħ. 

Tgħodd għal kullimkien din. L-istess storja tal-kbira u l-privileġġjat li jgħaffeġ fuq iż-żgħir u dak li m’għandux leħen. 

‘Il-Franċiżi kienu daħħlu l-liġi li kkriminalizzat l-omosesswalità ...’ 

Natutralment ma stajnex ma nistaqsuhx dwar ir-reliġjon Musulmana. Ħafna nies f’pajjiżi tal-Punent jemmnu, u sa ċertu punt hekk hu, li f’pajjiżi Musulmani ħafna persuni LGBTIQ ibatu minħabba r-reliġjon. 

Din is-sitwazzjoni li għadek kif iddiskrvejt, hija frott ir-reliġjon jew il-politika jew it-tnejn? 

Chakib jgħid li huma t-tnejn u jfakkar illi l-liġi li tikkriminalizza l-omosesswalità ddaħħlet mill-Franċiżi, meta dawn okkupaw lit-Tuneżija ħafna snin ilu, bħalm’għamlu fil-Marokk u l-Alġerija. “Jiġifieri mhix intrinsikament marbuta mar-reliġjon, le,” jgħid Chakib, li jgħid illi dik li qed isejħilha oppressjoni ġejja minn diversi influwenzi, fosthom il-kultura, l-edukazzjoni u pajjiżi Għarab oħrajn.                                                                      

‘Qatt me kelli problemi f’Malta ... ħlief li għadni bla karti’

Resqin lejn it-tmiem. Issa qiegħed Malta. Kif laqgħuh il-Maltin? Sab bsaten minn ċerti nies, forsi għax Għarbi? 

“Qatt ma kelli problemi,” jibda jgħid, “kelli edukazzjoni simili għal dik Ewropea. B’mod ġenerali l-esperjenza f’Malta hija waħda pożittiva, sibt appoġġ min-nies.” jgħid Chakib.

Madanakollu, ilu Malta sentejn, kemm hu kif ukoll l-għarus tiegħu Dali għandhom tant x’joffru f’attiviżmu soċjali, arti, korjografija u anke stil, iżda minkejja dan Chakib u Dali għadhom bla karti. Prattikament bla dar u bla ċittadinanza vera. 

Fil-fatt Chakib ilu sentejn f’pajjiżna u għadu qed jistenna l-protezzjoni internazzjonali. Hu qiegħed Malta b’mod legali u għandu permess biex ikun Malta, iżda għadu jitqies bħala persuna li qed tfittex ażil. 

Dan ifisser illi Chakib huwa limitat li jkollu xogħol wieħed biss u li ma jkun jista’ jaħdem għal rasu pereżempju. 

“Imma kollox problema, tiftaħ kont tal-bank, biex iġġib il-liċenzja tas-sewqan, biex tmur l-università, kollox huwa diffiċli għax m’għandix il-karti u ħafna persuni li jħaddmu, pereżempju, m’għandhomx l-għarfien meħtieġ dwar il-proċess. Ġieli ma jkunux jafu li jistgħu jimpjegawni u li meta qed jagħmlu hekk qed jiksru l-liġi, li mhux il-każ,” sostna Chakib. 

‘Take it or leave it ...’

Nagħlqu l-intervista billi nistaqsuh mistoqsija ċara u diretta. Ikun hemm min jgħidlek illi kieku ħbejt is-sesswalità tiegħek jew inkella kont inqas ovvju, ma kontx tgħaddi minn din il-passjoni, u ma kienx ikollok titlaq mill-pajjiż. Għaliex m’għamiltx hekk? 

“Jiena ma nistax nippretendi li jiena eterosesswali, ma nistax ... li tkun gay hija ġo fik, ma nistax nippretendi li jiena xi ħadd ieħor. Jiena Chakib, mhux se nagħmel kompromessi, dan jien ... take it or leave it!”

More in Socjali