Saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol: 'Ħaddiema barranin joffru sfida akbar'

Madanakollu, Melhino Mercieca mill-OHSA jisħaq mal-ILLUM li l-korrimenti u l-inċidenti fatali fuq il-postijiet tax-xogħol qed jonqsu u mhux jiżdiedu

Problemi ta’ komunikazzjoni jistgħu joffru sfidi akbar fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni
Problemi ta’ komunikazzjoni jistgħu joffru sfidi akbar fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni

Ħafna ħaddiema barranin, l-aktar dawk fis-settur tal-kostruzzjoni, qed joffru sfidi akbar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni fuq il-post tax-xogħol. Dan qalu Melhino Mercieca, kelliem tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, meta l-gazzetta ILLUM tkellmet miegħu dwar l-aħħar statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u li turi kif fuq perjodu ta’ ħames snin, 21 ħaddiem tilef ħajtu.

Mercieca saħaq li filwaqt li f’kull settur jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni, insista li ċertu setturi joffru riskji akbar, fosthom is-setturi tal-kostruzzjoni.

Kien hawn li Mercieca spjega kif waħda mill-isfidi li qed jiffaċja dan is-settur huma l-ħaddiema barranin. Fi kliemu, “minħabba problemi ta’ komunikazzjoni, ikun hemm sfidi akbar fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni.”

Minkejja dan, Mercieca nnota kif l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol mhumiex qed jiżdiedu iżda qed jonsqu.

“Bla ma nnaqqsu mis-sensittività tal-effetti negattivi li l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol iġibu magħhom, irid jiġi ppreċiżat li meta wieħed janalizza l-istatistika fuq medda wiesgħa ta’ snin u mhux fuq perjodu żgħir, ir-rata tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol qed tonqos.” 

Fil-fatt, Mercieca, għamel referenza għall-aħħar Rapport Annwali tal-Istess Awtorità u li juri kif l-inċidenti qed jonqsu, tant li kien hemm snin fosthom fl-2003 u l-2004 fejn l-inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol laħqu t-12-il każ.

Għaliex ħafna inċidenti fost kumpaniji żgħar u self employed?

L-ILLUM analizzat din l-istatistika tal-NSO u minnha rriżulta li l-maġġoranza tal-inċidenti fatali li seħħew fl-aħħar snin seħħew f’kumpaniji żgħar li ma jħaddmux aktar minn disa’ persuni jew inkella fost dawk li jaħdmu għal rashom.

Din il-gazzetta staqsiet lil Mercieca dwar x’qiegħed iwassal biex dawn il-kumpaniji żgħar jesperjenzaw diversi inċidenti. Huwa saħaq li huwa fatt magħruf li postijiet tax-xogħol żgħar huma aktar esposti għal riskji ta’ inċidenti u korrimenti fuq il-post tax-xogħol u dan minħabba diversi fatturi, fosthom in-nuqqas ta’ informazzjoni, taħriġ u implimentazzjoni tar-regolamenti.

“Dan ma jridx jiġi interpretat li dawn il-postijiet tax-xogħol huma inqas lesti li jipproteġu l-ħaddiema tagħhom, iżda dan in-nuqqas hu marbut ma’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani kif ukoll nuqqas kbir ta’ kompetenza fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,” insista l-kelliem.

Mercieca insista li dan il-fenomenu mhux limitat għal Malta biss iżda hu esperjenza madwar l-Unjoni Ewropea tant li ġie rifless ukoll fl-istrateġija tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2014-2020.

“Irid jiġi nnutat ukoll li l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema huma mpjegati mal-mikro-intrapriżi u l-intrapriżi ta’ daqs żgħir,” fakkar l-uffiċjal.

Melhino Mercieca
Melhino Mercieca

‘Ir-regolamenti hemm bżonn ikunu ċari’

Iżda allura għandna nserrħu rasna għax dan mhux fenomenu ta’ Malta biss? Assolutament le, ikompli jwieġeb Mercieca.

Insista li l-Awtorità minn dejjem saħqet fuq l-importanza li r-regolamenti jkunu ċari u dan sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-regolamenti b’mod iktar ċar u faċli.

Kompla jisħaq li l-istess Awtorità taħdem b’mod kontinwu biex jiġu żviluppati għodod biex jassitu lill-kumpaniji żgħar u anke lil dawk li jaħdmu waħedhom fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni.

Mistoqsi biex jagħti xi eżempji konkreti, Mercieca semma t-tqassim ta’ gwidi prattiċi li saru b’lingwaġġ sempliċi biex ikun jista’ jifhimhom kulħadd. Dawn il-linji gwida jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtàfuq il-Post tax-Xogħol. 

Iżda apparti minn hekk, Mercieca spjega kif l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol taħdem ukoll b’mod kontinwu mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u fost dawn semma l-ħolqien tal-Online Interactive Risk Assessment.

X’inhi eżatt? Il-kelliem spjega kif waħda mill-isfidi li kumpaniji żgħar u dawk li jaħdmu waħedhom jesperjenzaw hija l-evalwazzjoni tar-riskju.

“Permezz ta’ din l-għodda, min jaħdem għal rasu kif ukoll il-mikro-intrapriżi u l-intrapriżi żgħar, ikunu jistgħu jagħmlu l-evalwazzjoni tar-riskju b’xejn u b’mod iktar faċli,” spjega Mercieca waqt li fakkar fl-għadd ta’ seminars li jiġu organizzati flimkien mal-Aġenzija Ewropea biex jiġu indirizzati diversi suġġetti li jolqtu b’mod dirett li dawn il-kumpaniji żgħar u persuni li jaħdmu waħedhom.

Anke jekk ħafna drabi n-nuqqas ta’ informazzjoni hija l-kaġun ta’ ħafna mill-inċidenti, Mercieca insista li l-maġġoranza tal-inċidenti jseħħu sempliċiment minħabba nuqqas tal-implimentazzjoni tar-regolamenti, partikolarment fejn tidħol l-evalwazzjoni tar-riskju, il-ħatra ta’ persuni kompetenti sabiex jassistu lill min iħaddem (project supervisionfil-każ ta’ kostruzzjoni), l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni u provvedimenti li jikkonċernaw it-taħriġ, superviżjoni u informazzjoni.

Issib imbagħad, ikompli Mercieca, li jkun hemm min juża prattiċi u sistemi ħżiena u li mhumiex konformi mar-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Imma anke l-ħaddiem għandu responsabbilitajiet

Anke jekk tkellimna fit-tul dwar min iħaddem u min jaħdem għal rasu, Mercieca fakkar li r-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ipoġġu wkoll obbligi fuq il-ħaddiema wkoll.

Fil-każ tal-kostruzzjoni, fakkar li hemm obbligi wkoll fuq il-klijent u anke l-project supervisor. 

“Importanti li dawn il-persuni jkunu infurmati fuq l-obbligi tagħhom,” insista Mercieca.

Iżda qed isir biżżejjed infurzar?

Iżda faċli tappella u tirregola. Qed isiru spezzjonijiet biżżejjed? Mercieca jwieġeb fil-pożittiv u saħaq li waħda mir-raġunijiet għat-tnaqqis fir-rata ta’ korrimenti jew imwiet fuq il-post tax-xogħol hija riżultat, fost oħrajn, tal-ispezzjonijiet li jsiru fuq il-postijiet tax-xogħol.

“L-OHSA żiedet in-numru ta’ spezzjonijiet li jsiru fuq il-postijiet tax-xogħol kemm ta’ natura proattiva kif ukoll spezzjonijiet marbuta mal-investigazzjoni ta’ ilmenti jew inċidenti fuq il-post tax-xogħol,” saħaq Mercieva. 

Mistoqsi x’jinkludu l-azzjonijiet legali li tieħu l-Awtorità f’każ ta’ ksur tar-regolamenti, Mercieca saħaq li mhux l-ewwel darba li kien hemm kumpaniji li twaqqfilhom ix-xogħol, ħruġ ta’ multi amministrattivi, kif ukoll azzjoni legali fil-Qrati. 

More in Socjali