Skema ta’ pannelli fotovoltajċi għall-organizzazzjonijiet volontarji

Numru ta‘ għaqdiet volontarji reġistrati se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn installazzjonijiet fotovoltajiċi ta’ 12 jew 24 panella fuq il-propjetà tagħhom

B’investiment ta’ miljun ewro, il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma qed iniedi sejħa li permezz tagħha numru ta‘ għaqdiet volontarji reġistrati se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn installazzjonijiet fotovoltajiċi ta’ 12 jew 24 panella fuq il-propjetà tagħhom bla ebda ħlas.

Inizjattiva ta’ darba li għadha kif ġiet imnedija għall-organizzazzjonijiet volontarji biex ikunu parteċipi fl-għanijiet tal-Gvern li jħarsu lejn enerġija aktar nadifa waqt li jkomplu jiffrankaw iktar spejjeż għall-ġid tagħhom.

 “Huwa ta’ pjaċir tiegħi li bħala l-Ministru responsabbli mill-qasam tal-enerġija f’pajjiżna, permezz ta’ din l-iskema li qegħdin inħabbru dalgħodu nkomplu nuru li tabilħaqq din l-amministrazzjoni temmen f’sorsi alternattivi ta’ kif wieħed jista’ jiġġenera l-enerġija, enerġija aktar nadifa u sostenibbli,” qal il-Ministru Joe Mizzi.

Żied jgħid li, "f'dawn l-aħħar snin mhux biss traħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u n-negozji tagħna, inħoloq suq aktar sigur għall-benefiċċju ta’ pajjiżna, ġie ddiversifikat il-mod li bih niġġeneraw l-enerġija, iżda l-Gvern investa u għen għexieren ta’ familji biex ikunu protagonisti f’investimenti kbar fil-qasam tal-enerġija rinovabbli."

Il-Ministru kompla jisħaq li l-promozzjoni tal-forom tal-enerġija rinovabbli hija wkoll waħda mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni Ewropea. Din hija wkoll il-mira ewlenija fid-direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija rinovabbli, fejn l-Unjoni tistabilixxi miri ambizzjużi kemm għas-sena 2020 u kemm għas-sena 2030.

Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Anthony Gatt spjega li n-numru totali ta’ panelli li se jitqassmu huwa ta’ madwar 2000 panella li bejniethom jilħqu kapaċità ta’ half mega watt peak. Dan ifisser li bejn wieħed u ieħor se jingħataw mal-130 sistema permezz ta‘ proċess kif dawn l-għaqdiet għandhom japplikaw li jwassal għal proċess trasparenti ta’ aġġudikazzjoni. 

L-applikazzjonijiet se jiġu milqugħa għal perjodu ta’ ħmistax, jiġifieri sat-Tnejn 28 t’Ottubru f’nofsinhar. Kull applikazzjoni għandha tiġi sottomessa bl-idejn u magħha tinkludi d-dokumenti u d-dikjarazzjonijiet kollha kif mitluba fl-applikazzjoni li se tigi ppubblikata. 

Għal aktar informazzjoni tista‘ tintbagħat e-mail fuq [email protected] jew iċċempel fuq22955000 jew iżżur l-uffiċini tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma ġewwa l-Millennia building, Marsa.

 

More in Socjali