Analiżi | It-tempesta li qajjem il-Prepostu Karkariż ... x’turina?

Il-paniġierku tal-festa ta’ Sant’Elena, din il-ġimgħa spiċċa f’nofs kontroversja taħraq fuq il-midja soċjali. Imma dan x'juri?

Ritratt li juri l-Prepostu nhar il-festa ta' Sant' Elena. Ritratt ta' Ronald Falzon
Ritratt li juri l-Prepostu nhar il-festa ta' Sant' Elena. Ritratt ta' Ronald Falzon

‘Min ma jridx lil Alla f’ħajtu, anke l-ħolqien irid ibiddel li titwieled bħala raġel u mara u allura min ma jaqbilx ma’ dan it-tagħlim jitwarrab, anzi jekk hemm bżonn noqtluhom ... din l-aġenda progressiva, imma li teqred lill-bniedem.”

“Min il-kuxjenza tiegħu mhix f’postha, iwarrab lil min jgħid il-verità biex ikompli jgħassad fil-ħama ta’ dnubietu.”

Dan kien kliem il-Prepostu Pawlu Vella fil-paniġierku nhar jum il-festa ta’ Santa Liena f’Birkirkara bħal-lum ġimgħa, kliem li qajjem għagħa kbir fuq il-midja soċjali u kundanni minn bosta bnadi.

Imma x’ġara? Jaqaw m’aħniex progressivi daqs kemm naħsbu? U s-sentimenti tal-Prepostu huma s-sentimenti ta’ ħafna mill-membri tal-pubbliku? U persuni LGBTIQ, jekk jafu li mhumiex milqugħin jew inkella li mhumiex milqugħin jekk f’relazzjoni, għaliex jibqgħu jmorru l-knejjes?

Il-karta u t-triq, huma żewġ realtajiet differenti

Nibdew bl-ewwel punt. Fl-aħħar snin pajjiżna ra bidla mill-qiegħ fil-liġijiet, bidla rapida, li seħħet b’effiċjenza u mingħajr oppożizzjoni ta’ xejn.

Meta l-bidliet iseħħu tant malajr, minn Gvern li għandu qawwa kbira ta’ voti warajh u b’oppożizzjoni li xi ftit jew wisq segwiet wara li qalgħet baraxx kritika għax astjeniet fuq il-Liġi tal-Unjoni Ċivili, ġeneralment tkun issottovalutata l-oppożizzjoni għal dik il-bidla.

Minkejja li l-partiti kważi kollha, għajr tal-estrem lemini u l-midja kollha ċċelebrat u qablet mal-bidliet storiċi, f’pajjiżna xorta hawn grupp ta’ nies (kemm hu żgħir jew kbir ma nafux) li fil-kwiet ta’ darhom għadhom qed jirreżistu dawn il-bidliet u għadhom iqisuhom bħala affront għat-twemmin u l-moralità tagħhom.

Żgur, mhux forsi, illi fost dawn hemm numru ta’ kleriċi. Il-Knisja sofriet minn telfiet morali kbar fl-aħħar snin f’setturi illi kienet tħoss li huma monopolju tagħha.

Sa ftit żmien ilu konna nħarsu bl-ikrah lejn xi ħadd li jiżżewweġ biċ-ċivil u mhux bil-Knisja. Illum iċ-ċifri juru kif wieħed minn kull erba’ żwiġijiet ta’ koppji Maltin qed isiru biċ-ċivil.

Fl-2011, il-maġġoranza ta’ dawk li vvutaw f’referendum għażlu li f’Malta jidħol id-divorzju. Dan seħħ minkejja l-ikkampanjar u anke theddid ta’ dnub minn dak li llum huwa l-Arċisqof.

Din kienet bla dubju l-akbar daqqa li qalgħet il-Knisja hekk kif tilfet eżami kruċjali fis-settur tal-familja, minkejja li mir-riżorsi mhix nieqsa.

Fl-2014 imbagħad, ġara dak li lanqas qatt ma kienet timmaġina l-Knisja Kattolika f’pajjiżna u speċjalment it-tmexxija tagħha. Kienet introdotta l-Unjoni Ċivili flimkien mad-dritt li koppja LGBTIQ tapplika biex tadotta wild. Minn dak iż-żmien daħlu diversi liġijiet, fosthom tal-ġeneru, kif ukoll daħal il-kunċett ta’ żwieġ ugwali.

Ħafna, jew numru mill-membri tal-Kleru, iħossu illi flimkien mal-poter fuq livell parrokkjali li tilfu mal-medda taż-żmien, issa tilfu wkoll ħafna mill-vuċi li l-Knisja kellha fuq kwistjonijiet li kienet tħoss illi hija awtorità fuqhom.

Jista’ jkun li dan ħoloq element ta’ frustrazzjoni fil-Knisja, li qed toħroġ f’okkażjonijiet partikolari. Il-frustrazzjoni hija ta’ Knisja illi filli kienet potenza lokali, irrispettata minn poplu ġeneralment fqir, bla edukazzjoni u bi ftit għodda għall-avvanz soċjali u ekonomiku, għal Knisja li tilfet ħafna mis-saħħa u r-rilevanza tagħha. 

Huwa bir-rinfurzar tat-tagħlim esklussiv fuq dawk li għadhom jattendu, li forsi l-Knisja tista’ żżomm il-ftit saħħa li għad fadlilha.

Kollox ma’ kollox, wieħed ma jistax jieħu l-impressjoni, anke jekk il-pajjiż għamel passi enormi fit-tolleranza, li dak li hemm fuq il-karta huwa eżatt dak li jiġri fit-triq.

Il-paniġierku huwa biss biċċa żgħira minn sentiment ħafna iktar fond, ta’ nies omofobiċi u esklussivi li jħossu illi l-inugwaljanza għandha tkun istituzzjonalizzata mill-ġdid. Nies li qed jappoġġjaw bi sħiħ, imma fil-kwiet, l-aġenda Konservattiva (Il-Prespostu tkellem ħafna fuq l-aġenda Liberali, anke hu għandu aġenda!) li ġeneralment tfittex l-uniformità soċjali, morali u li trażżan minoranzi diversi, speċjalment dawk sesswali. L-aġenda Konservattiva hija dik li tagħti ħafna iktar saħħa lill-Knisja fl-aġenda soċjo-politika tal-pajjiż.

Għad hawn mhux biss qassisin li jaħsbuha bħall-Prepostu, imma persuni mferrxin madwar il-pajiiż kollu; fil-Knisja, fil-Parlament, fil-Qrati, fuq livell lokali, fil-midja u f’diversi setturi oħrajn.

Mhux ta’ b’xejn li jingħad illi d-drittijiet m’għandhomx jittieħdu bħala ovvji u m’hemm ebda ċertezza assoluta, li l-bidliet fil-qasam tad-drittijiet Ċivili qegħdin għal dejjem.

Għaliex jibqgħu jmorru ...?

Ir-reazzjoni, u wieħed jifhimha hija illi ladarba membri tal-Knisja u t-tagħlim tagħhom iqisu bħala dnub l-att sesswali bejn persuni tal-istess sess, għaliex numru konsiderevoli ta’ persuni LGBTIQ jibqgħu jieħdu sehem f’attivitajiet lokali  reliġjużi?

F’pajjiżna, il-Knisja, minkejja li kif għidna tilfet ħafna mis-saħħa tal-konvinzjoni, xorta għadha fil-qalba tal-ħajja Maltija. Il-festi, pereżempju, jew il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira jew inkella dik tal-Irxoxt, għadhom avvenimenti li fihom jieħdu sehem eluf ta’ nies, li huma mistennija u li huma parti mit-tessut soċjali Malti. Ma jfissirx li kull min jipparteċipa jew ikun preżenti f’waħda minn dal-ħemel ta’ attivitajiet huwa Kattoliku eżemplari. Ifisser iżda li lil hinn mill-ispiritwalità, l-attivitajiet tal-Knisja qegħdin dejjem isiru kulturalment, aktar parti mill-identità Maltija.

U allura ma tistax taqbad u tneħħi dan is-sens ta’ identità minn persuna, sempliċiment għaliex fis-sodda torqod ma’ persuna tal-istess sess. Persuna LGBTIQ li qed tgħin fl-armar, pereżempju, jew li tħit il-pavaljuni jew id-damask għall-festa jew li qed tagħmel il-fjuri jew li qed taħdem in-nar, li hija membru ta’ għaqda mużikali, li tippreżenta programmi dwar il-festa jew inkella li sempliċiment tkun ir-raħal/il-belt biex tgawdi l-festa, tqis dan kollu bħala parti mill-identità tagħha. Huwa impossibbli li tneħħi minn persuna din l-attività li hija parti intrinsika minnha.

Il-linja bejn dak li huwa spiritwali u reliġjuż u dak li huwa biss stil, kultura u użanza mhijiex dejjem ċara, imma hemm qiegħda. Persuna tista’ tħossha ’l bogħod minn dommi tal-Knisja, imma tħossha qrib il-komunità li nħolqot madwar il-Knisja. Tista’ tħoss li ma taqbilx mal-Arċisqof, imma xorta tħossha komda tipparteċipa f’attivitajiet tal-Knisja li jmexxi.

Ħafna jistgħu jarawha bħala kontradizzjoni, imma mhijiex, neċessarjament. Jista’ jkun li hija bilanċ milħuq mill-persuna bejn is-sesswalità tiegħu u t-twemmin jew inkella l-identità tiegħu.

Dan huwa ppruvat bil-fatti b’diversi għaqdiet li hawn madwar id-dinja ta’ persuni LGBTIQ li jagħżlu illi jibqgħu jipprattikaw it-twemmin tagħhom f’armonija. F’Malta għandna l-għaqda Drachma li qed tagħmel dan ix-xogħol. 

More in Socjali