L-infurzar fl-aċċessibilità għal persuni b'diżabilità issa f'liġi

Scicluna sostna li dan l-avvanz fil-liġi, “ħa jsaħħaħ idejn il-Kummissjoni biex tassigura li persuni b’diżabilità jgawdu d-dritt tal-aċċess"

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, flimkien mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna, ħabbru li l-Istandards għad-diżinn fl-Ambjent Mibni issa saru liġi permezz tal-Avviż Legali 98 tal-2019.

“Dan l-Avviż Legali juri kemm dan il-Gvern huwa kommess illi jħares id-dritt bażiku tal-persuni b’diżabilità, li jgħixu b’mod sħiħ fl-ambjent mibni mingħajr l-ebda xkiel”, stqarr Agius Decelis.

Huwa żied jgħid li dan il-pass kien ilu mistenni kemm mill-persuni b’diżabilità kif ukoll mill-familjari tagħhom, wara li aktar minn 15-il sena ilu nħarġu l-ewwel sett ta’ linji gwida fil-qasam.

Dawn il-linji gwida ġew stabbiliti bħala standards nazzjonali fl-2015, u issa saru regolamenti bħala parti mil-Liġijiet ta’ Malta.

Dan qed iseħħ ftit ġimgħat wara illi mal-gazzetta ILLUM Oliver Scicluna qal illi l-aċċessibilità tonqos qiegħda u mhux tiżdied, speċjalment minħabba ż-żieda fis-siti ta' kostruzzjoni madwar il-pajjiż. 

Scicluna sostna li dan l-avvanz fil-liġi, “ħa jsaħħaħ idejn il-Kummissjoni biex tassigura li persuni b’diżabilità jgawdu d-dritt tal-aċċess fl-ambjent mibni”. Huwa spjega li l-Kummissjoni qed tħares ‘il quddiem sabiex ikollha wkoll taqsima tal-infurzar.

Scicluna temm jappella sabiex jitwettqu proġetti bi ħsieb biex persuni b’diżabilità, li huma ċittadini daqs kull ċittadin ieħor, ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà.

More in Socjali