221,088 persuna u 61,328 vettura jaqsmu l-fliegu matul il-ġimgħa ta’ Santa Marija

Għawdex tibqa’ destinazzjoni mfittxija waqt il-btajjel ta’ Santa Marija

Skont ċifri maħruġa mill-kumpanija Gozo Channel, 221,088 persuna u 61,328 vettura qasmu l-fliegu matul il-ġimgħa ta’ Santa Marija.

Il-kumpanija Gozo Channel operat xejn inqas minn 904 vjaġġi bejn il-gżejjer, liema vjaġġi kienu qed jiġu operati mingħajr skeda biex il-kumpanija tlaħħaq mad-domanda ta’ kull min għażel lil Għawdex biex iqatta’ fiha l-btajjel tas-Sajf.

"Għawdex qed issir destinazzjoni turistika għal matul is-sena kollha mhux b’inqas fi żmien il-festi marbuta ma’ Santa Marija. "Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana hekk kif ħabbret li din is-sena Għawdex rat żieda ta’ 5% fil-passiġġiera u 15% fil-vetturi li qasmu l-fliegu mqabbel mas-sena l-oħra.

Għall-Ministeru għal Għawdex, dawn kienu ġranet impenjattivi għaliex apparti l-preparamenti marbuta ma’ influss ta’ nies, tħejjew diversi attivitajiet immirati biex jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. Fost l-attivitajiet kulturali u li għalihom attendiet folla sabiħa kien hemm ukoll il-Wirja tal-Biedja u Snajjà li ta’ kull sena tiġi organizzata mill-Ministeru għal Għawdex taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta u l-Ministru għal Għawdex. 

Apparti l-attivitajiet kulturali, li kienu mifruxa madwar Għawdex kollu, kien hemm żewġ inizjattivi importanti li huma l-Pet Friendly Holiday u l-iskema ta’ biljetti tal-vapur b’xejn għall-vetturi elettriċi. L-ewwel inizjattiva kienet immirata biex ninkoraġġixxu lil min għandu pet biex ukoll jiġi għal btala f’Għawdex fejn ingħataw ukoll servizzi b’xejn lill-annimali.

L-inizjattiva l-oħra kienet tinvolvi l-għoti ta’ biljetti tal-vapur b’xejn għal dawk li għażlu li jiġu Għawdex b’vettura elettrika.

Il-Ministru  Caruana qalet li minkejja l-influss qawwi ta’ nies li ġew lejn Għawdex, l-operat tal-Gozo Channel kien regolari ħafna u l-introduzzjoni tar-raba’ vapur ippermetta li jinġarru iktar nies mis-sena l-oħra iżda b’effiċjenza akbar u b’dewmien negliġibbli tant li ma rajniex queues li konna mdorrijin bihom. Caruana ikkonfermat li r-raba’ vapur issa daħal biex jibqa’ u għalhekk sakemm joħroġ it-tender u jiġi aġġudikat, il-vapur MV Nikolaus ser jibqa’ jopera u jagħti servizz.

Il-Ministru Justyne Caruana kkonkludiet billi qalet li, “Għawdex hija d-destinazzjoni għas-sena kollha u l-Ministeru għal Għawdex huwa determinat li jagħti esperjenza unika lil dawk kollha li jagħżlu lil Għawdex għall-btajjel tagħhom.” 

Joe Muscat, is-CEO tal-Gozo Tourism Association, qal li s-settur turistiku Għawdxi f’dan il-perjodu f’nofs Awwissu reġa’ kien wieħed pożittiv ħafna, b’domanda qawwija għad-diversi servizzi turistici fosthom fl-akkommodazzjoni u fir-ristoranti.

“Din is-sena wkoll il-Festa ta’ Santa Marija ġiet il-Ħamis, allura l-perjodu għal ħafna Maltin ġie estiż għal tmiem il-ġimgħa wkoll, u hekk ser iqattgħu iktar iljieli fostna. Barra minn hekk, bit-titjib fil-konnettività bl-introduzzjoni tar-raba’ vapur, dawn il-viżitaturi kollha waslu Għawdex u ser imorru lura b’inqas stennija u telf ta’ ħin”, qal Muscat.

More in Socjali