Intervista | Żewġ Żgħażagħ, ħafna siġar u ftit tgergir

L-ambjent sar l-inkwiet ta’ ħafna. Claude u Jamie ma qagħdux b’idejhom fuq żaqqhom

Claude Ebejer u Jamie Barbara
Claude Ebejer u Jamie Barbara

Fl-aħħar ġimgħat sar ħafna tgergir u protesti u diskors, ħafna minnu ġġustifikat, dwar l-ambjent u tqaċċit tas-siġar. Imma ħafna drabi bosta jistaqsu; imma inti x’qed tagħmel għall-ambjent? Kif qed tikkontribwixxi, lil hinn mill-paroli u kitba fuq Facebook biex l-ambjent ikun protett?

Fuq għolja fix-Xemxija, li minnha ġġib veduti mill-isbaħ tal-baħar u tal-Wied tal-Pwales, kif ukoll ta’ din il-lokalità żgħira taħt id-dell ta’ ħarruba kbira, l-ILLUM tiltaqa’ ma’ żewġ żgħażagħ li qed iqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom jaħdmu biex jagħmlu differenza.

Claude Ebejer u Jamie Barbara jiltaqgħu ma’ din il-gazzetta mimlijin enerġija biex jispjegaw aħjar x’inhi l-inizjattiva bl-isem ‘saġġar’ u x’jaħsbu dwar il-kontroversji riċenti.

Taħt id-dell ta’ din il-ħarruba enormi, magħrufa bħala l-ħarruba x-xwejħa, Ebejer jispjega kif illum aktar minn qatt qabel hemm il-potenzjal li dawk illi għandhom il-wirt naturali għal qalbhom jingħaqdu u jaħdmu b’interess wieħed.

“Aħna bħala ACT nemmnu li kulħadd għandu potenzjal jitgħallem u allura qed noħolqu soluzzjonijiet sostenibbli għal problemi diversi, soċjali, ambjentali u aktar.”

Filwaqt li Barbara jieħu naqra nifs wara li tela’ l-għolja u wara li saq sax-Xemxija bir-rota, fis-sħana li issa bdiet tagħmel tagħha sew barra taħt il-ħarruba, Ebejer jispjega kif l-għaqda mhix governattiva (NGO) li jaħdmu fiha tagħti prijorità lill-ambjent, “għax l-ambjent huwa parti minna; lis-saħħa għax kulħadd tad-demm u l-laħam; lill-arti għax kulħadd huwa l-istess u differenti fl-istess ħin, u lill-qasam soċjo-ekonomiku biex inrawmu l-kapaċità li noħolqu l-abbundanza.”

Huwa jgħid li l-NGO temmen li jeħtieġ inkunu proattivi. “Minflok ingergru biss, nemmnu li għandna rwol biex infasslu s-soluzzjonijiet u nimplimentawhom.”

Inizjattiva mal-privat ... mal-aġenti tal-proprjetà

U l-inizjattiva ‘Saġġar’ fejn tidħol eżatt?

Ebejer jispjega kif huma jevalwaw politika u policies ġodda li jkunu se jiddaħħlu, l-ewwel u qabel kollox.

“Saġġar qed nagħmluha flimkien ma’ sid ta’ aġenzija tal-propjetà, Quickelts Zanzi Homes. Prattikament dan qal illi jixtieq li jħawwel miljun siġra...”

Ninterrompi billi nirrimarka li mhux normali li jkollok negozjant f’settur li qed ikun mogħti t-tort għall-qerda tal-ambjent, li jidħol f’inizjattiva bħal din.

Filwaqt li jaqblu, Ebejer u Barbara jaċċertaw li huma jaħdmu ma’ kull min hu lest li jaħdem magħhom.

Ejjew nużaw ir-riżorsi bl-aħjar mod. Nippromovu l-prodott Malti bħala wieħed ta’ kwalità u esklussiv fil-gastronomija wkoll

“Vera mhux daqstant tisma’ b’negozjanti li jinvestu fl-ambjent, imma dan ġie bl-idea u aħna qed naħdmu flimkien, skont il-viżjoni tagħna jiġifieri li l-ambjent Malti nistgħu nirriabilitawh. Biss irridu nagħmlu kunsiderazzjonijiet ekoloġiċi, fosthom kif l-art hija fframmentata.  

Inġibu flimkien lis-sidien tal-art f’Malta (l-aktar il-Gvern), dan apparti li nittamaw li jsir kuntatt ma’ iktar negozjanti u sidien li jogħġobhom jinvestu fl-ambjent.”

Imma nistaqsih: x’qed tagħmlu tanġibbli?

“L-ewwel sena kienet iddedikata għall-ippjanar. Inti ma taqbadx u tħawwel u daqshekk. Trid tagħmel l-affarijiet bi ħsieb, b’inizjattivi li huma mmexxijin mill-interess tal-komunità. Aħna nikkordinaw proġetti li se jmexxu l-komunitajiet stess.”

Ebejer jispjega kif l-inizjattiva hija maqsuma fi tnejn; saġġar u kattar

Nużaw iż-żerriegħa ta’ Malta, mhux ta’ barra

Saġġar maqsum fi tnejn – saġġar u kattar.

“Kattar billi nxerrdu ż-żerriegħa li nsibu f’Malta stess. Mhux nimpurtaw is-siġar u l-arbuxelli, imma nużaw dawk Maltin li huma marbutin mal-klima  u l-ħamrija ta’ Malta. Hija din il-flora li rridu nippromovu,” jisħqu Claude u Jamie.

Huwa qal illi meta nippromovu l-flora ta’ Malta l-benefiċċji jiġu waħedhom. “Inkunu qed noħolqu element ta’ reżiljenza, innaqqsu t-tniġġis fl-arja u tniġġis fil-ħoss u nippromovu l-ġenetika ta’ Malta.”

Il-gazzetta tistaqsi; x’tagħmlu biż-żerriegħa? Fejn tiżirgħuha?

Barbara jispjega kif huma diġà ħawlu xi siġar fuq art privata biex jaraw kemm se jirnexxilhom fl-għan tagħhom, qabel jibdew passi għall-afforestazzjoni.

Barbara jkompli jispjega kif, skont kif jidhru wkoll fir-ritratti ta’ Facebook tal-inizjattiva, jużaw kartuni tal-ħalib biex iħawlu għax dawn fondi, inaqqsu mill-ispazju użat u għar-riċiklar.

“Se nkunu qed naħdmu f’nurseries u fi djar tal-anzjani fejn jistgħu jitkabbru. Se nqassmu kaxxi tal-frott bi 12 jew 15-il kartuna illi fihom ikun hemm iż-żerriegħa li min irid jista’ jkattar.”

“In-nies se jesperjenzaw din il-kreazzjoni u se jħossuhom marbutin magħhom. Imbagħad inħawluhom f’wieħed mill-proġetti li qed nagħmlu.”

Għal mument intlifna nitkellmu fuq esperiment li fallieli meta ppruvajt inkabbar siġra tal-ħawħ. Spjegaw li qatt m’għandek tieħu ż-żerriegħa tal-frotta t-tajba. Mela jekk trid tkabbar iċ-ċitru, tkabbar il-bakkaljaw u wara li tikber tlaqqamha bil-frotta l-ħelwa li tixtieq tkabbar, jekk trid il-ħawħ, ħawwel il-lewż u laqqam...

Inkomplu għaddejjin bl-intervista...

Kartellun użat waqt il-protesta kontra l-proġett Central Link
Kartellun użat waqt il-protesta kontra l-proġett Central Link

Hawn apatija, iva u frustrazzjoni ...

Nirrimarkaw kif ma jidhrix li hemm xi interess partikolari miż-żgħażagħ biex jieħdu ħsieb l-ambjent jew jindukraw is-siġar.

“Hawn apatija iva,” jibda jammetti Ebejer, għalkemm jgħid li minħabba protesta riċenti kien hemm ftit ta’ żieda fl-interess.

“L-akbar problema hija l-frammentazzjoni. Aħna poplu żgħir u hemm element ta’ kompetizzjoni. Din il-frammentazzjoni timmanifesta ruħha prattikament kullimkien, bħal fil-festi u anke fl-ambjent. Qed naraw NGOs ifaqqsu”

Ninterrompih mill-ġdid u nistaqsih jekk jaħsibx li din hija xi ħaġa ħażina. Ebejer jinsisti li mhix ħażina, sakemm NGOs differenti qed jirrappreżentaw attiviżmu fuq aspetti differenti, mhux l-istess.

L-ambjent jimmanifesta ruħu fil-baħar, infrastruttura u ħafna iktar mhux biss tħawwil ta’ siġar. Li nibża’ huwa meta għandek ħafna NGOs li qed jirrappreżentaw l-istess ħaġa,” jgħid Ebejer.

‘Hawn idea li tgerger u ma tagħmel xejn ... hemm bżonn soluzzjonijiet’

“Hawn l-idea li f’pajjiżna tgerger u ma tagħmel xejn, toqgħod tistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqek,” jgħid Ebejer. “Iva trid twaqqaf inġustizzji, bħal pompi tal-petrol, imma mbagħad hemm bżonn moviment li se joħloq viżjoni tanġibbli li jispira lin-nies, soluzzjonijiet li se jispiraw lin-nies,” jgħidu Barbara u Ebejer.

Jammettu li “iva hawn apatija kullimkien u hawn ħafna li ma jħossuhomx motivati. Hawn frustrazzjoni fuq problemi preċedenti li ħloqna aħna stess.”

Ebejer jirrimarka kif qabel “konna ngergru li mhumiex isiru t-toroq, issa qed ingergru għax qed isiru. Ejja nippromovu s-soluzzjonijiet. Dan l-aħħar sibna għajnuna. Nemmnu li jekk naħdmu ma’ min huwa interessat nilħqu aktar nies,” temm fuq dan il-punt Ebejer.

L-akbar problema hija l-frammentazzjoni. Aħna poplu żgħir u hemm element ta’ kompetizzjoni. Din il-frammentazzjoni timmanifesta ruħha prattikament kullimkien, bħal fil-festi u anke fl-ambjent. Qed naraw NGOs ifaqqsu

Barbara jirrimarka wkoll dwar in-nuqqas ta’ għarfien ta’ kemm f’demokrazija nistgħu fil-fatt inbiddlu l-affarijiet.

‘Il-poplu qatt m’għex f’foresti ...’

Ebejer jgħid illi l-akbar problema ilha ġejja mijiet jekk mhux eluf ta’ snin, mhux xi ħaġa ta’ din il-ġenerazzjoni jew ta’ qabilha. “Il-poplu qatt m’għex f’foresti, bin-nanna tirrakkontalu dwar is-siġar, jew proża u poeżija dwar is-siġar. Jekk immur fit-triq taħseb li se nsib lil xi ħadd li jaf x’jisimhom is-siġar?” staqsew.

Nirrimarka illi hemm l-iskejjel, imma huma jirrispondu b’mistoqsija oħra: “fejn hi l-prattika?”

Jamie jammetti li anke qabel, hu ma kienx jaf dwar is-siġar. “Imbagħad bdejt inkabbar tal-larinġ u minn hemmhekk ma waqaftx. Jekk ma tafx lejn xiex qed tħares ma tistax tapprezza.”

Biex isaħħaħ l-argument tiegħu, Ebejer jgħid li għall-Maltin meta jaħseb f’natura, jaħseb f’għelieqi mhux f’foresti.

‘Fil-Miżieb ħloqna ekosistema dgħajfa’

Induru fuq il-Miżieb għat ftit, post li sofra minn nirien kbar din is-sena stess u li huwa biss ftit ’il bogħod minn fejn kienet qed issir l-intervista.

“Il-Miżieb huwa monopjatazzjoni, jiġifieri huwa post li qabel kien xagħri u li mbagħad kien mibdul biex sar masġar.”

“Fis-60ijiet u s-70ijiet kien hemm rieda li jsiru dawn l-imsaġar. Imma minflok ippromovejna x-xagħri, kien hemm ħsieb agrikolu. Litteralment faqgħuh bil-ġelatina u mlewh biż-żebbuġ minflok siġar li jgħinu x-xagħri jsir bosk,” jgħid Claude Ebejer.

Hu jammetti li huwa tajjeb li saru u llum lkoll nistgħu ngawdu l-ammont ta’ siġar li ġew imħawla hawn, “imma ħloqna ekosistema dgħajfa,” jilmenta.

Filwaqt li jfaħħar lill-FKNK talli qed jagħmlu minn kollox biex jieħdu ħsieb il-post, jinnota li diversi siġar fil-Miżieb ġew maħkumin minn fungus kif ukoll kienu maħkumin minn nirien f’żona fejn kien hemm eucalyptus, żnuber, acacia u xi żebbuġ.

U fejn se jitħawlu s-siġar?

U finalment, fejn se jitħawlu dawn is-siġar? “L-ewwel nett irridu nirriabilitaw żoni protetti kif ukoll dawk merfugħa għat-tħawwil,” jibda jgħid Claude.

Imbagħad kemm hu, kif ukoll Jamie, jispjegaw kif hemm il-bżonn li jsir t-tħawwil f’żoni urbani, fuq bjut, fost oħrajn. 

“Qed naħdmu kemm nistgħu biex ikollna kunċett ta’ agri forestazzjoni, li permezz tiegħu nħawlu siġar tal-frott għall-bdiewa filwaqt li ngħinuhom fit-taħriġ meħtieġ, fosthom dwar kif isalvaw il-ħamrija.”

Nippromovu l-prodott Malti bħala wieħed ta’ kwalità

Finalment, hekk kif qed tagħlaq l-intervista, Ebejer u Barbara jħeġġu biex tkun issalvagwardjata l-biedja u imbuttat il-prodott lokali.

Il-biedja qed tiffaċċja żewġ sfidi, jispjegaw. L-ewwel nett “l-importazzjoni sfrenata ta’ prodotti barranin. Il-prezz tad-dulliegħ pereżempju naqas bil-kbir hekk kif kien importat dulliegħ mill-Maghreb dis-sena.

“Ejjew nużaw ir-riżorsi bl-aħjar mod. Nippromovu l-prodott Malti bħala wieħed ta’ kwalità u esklussiv fil-gastronomija wkoll.”

Kien hawn li Ebejer ppropona li ssir alleanza bejn ristoranti ma’ dawk li jipproduċu, biex dawn tal-ewwel iservu l-prodott Malti.

“Irid ikollna viżjoni pragmatika,” itemmu jaqblu flimkien Claude Ebejer u Jamie Barbara.    

More in Socjali