3,280 vettura biss tal-elettriku fit-toroq Maltin

Figuri ppublikati illum mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li fit-toroq Maltin hawn biss 3,280 vettura li jaħdmu bl-elettriku

Figuri ppublikati illum mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li fit-toroq Maltin hawn biss 3,280 vettura li jaħdmu bl-elettriku. Minn dawn    1,422 huma elettriċi filwaqt li 1,807 huma vetturi tat-tip hybrid.

Skont il-figuri, sal-aħħar ta’ Ġunju ta' din is-sena, 234,822 vettura jew 59.9% jaħdmu bil-petrol filwaqt li 152,266 jew 38.9% jaħdmu bid-diesel. Vetturi elettriċi u hybrid ammontaw għal 0.8%, b'total ta’ 3.280 vettura

Ta’ minn isemmi li fil-passat il-Gvern kemm il darba aċċena għal bżonn li f’pajjiżna jiżdiedu l-karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Fil-fatt, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar illi se jkun hemm data preċiża sa meta jistgħu jibqgħu jinbiegħu karozzi ġodda li jaħdmu bil-petrol jew diesel. Dan ma jfissirx però, li l-karozzi eżistenti li jaħdmu bil-fjuwil se jkollhom jiġu skrappjata, iżda li ma jibqgħux jinbiegħu ġodda f'Malta.

45 vettura ġdida kuljum fit-toroq Maltin
Sal-istess perjodu msemmi aktar kmieni f’dawn l-artiklu, f’Malta kien hawn 391,914 vetturi bil-liċenzja mħallsa, 3.3% aktar mis-sena ta’ qabel.  Minn dan it-total, 77.6% kienu karozzi tal-passiġġieri, 13.6% kienu vetturi kummerċjali filwaqt li 7.6% kienu muturi. Ta’ minn jinnota wkoll li l-ammont ta’ vetturi liċenzjati żdiedet b’rata medja ta’ 45 vettura kuljum.

More in Socjali