Proposta lingwa barranija obbligatorja … iżda l-għalliema x’jaħsbu? L-ILLUM tistaqsi

Il-proposta tgħid illi biex student jidħol l-Università ta’ Malta se jkollu bżonn lingwa barranija oħra barra l-Malti u l-Ingliż… Iżda l-għalliema x’jaħsbu fuqha? Din idea tajba jew sejrin żmerċ? 

 

 Ir-riforma tal-Matsec qed tipproponi lingwa barranija obbligatorja
Ir-riforma tal-Matsec qed tipproponi lingwa barranija obbligatorja

Din il-ġimgħa l-bord tal-Matrikola vara r-riforma fiċ-ċertifikat tal-Matrikola, ċertifikat li jingħata lil dawk l-istudenti li jispiċċaw l-istudji post-sekondarji. Fost l-emendi proposti (ara l-kaxxa) qed jiġi propost li biex student jidħol fl-Università ta’ Malta bilfors irid ikollu lingwa oħra barranija f’livell intermedju jew avvanzat. Fid-dawl ta’ din il-proposta kemxejn kontroversajli l-ILLUM tkellmet ma’ diversi għalliema u staqsiethom għall-opinjoni tagħhom dwar dak li qed jkun propost.

‘Tagħmel sens għaliex l-istudenti tal-lingwi qed jonqsu’

Wieħed mill-għalliema li tkellem mal-ILLUM qal li jaħseb li b’din il-proposta l-għalliema kollha, iżda speċjalment dawk tal-lingwi se jkollhom ‘garanzija’ illi s-suġġetti tagħhom mhux se jisfaxxaw fix-xejn. 

“F’dawn l-aħħar snin l-istudenti li għażlu li jkomplu l-istudji tagħhom fuq il-lingwi komplew jonqsu b’mod drastiku. Apparti li ħakma tajba f’lingwa barranija hija ta’ vantaġġ. Anke meta tħares lejn ir-riżultati tal-Bench mark l-istudenti marru l-aħjar fl-Ingliż u l-agħar fil-Malti,” temm jgħid l-għalliem.

‘Jew nejja jew maħruqa… naqbel li jkun obbligatorju iżda bħala O’level’

Għalliem ieħor li tkellem ma’ din il-gazzetta saħaq li l-għażla ta’ lingwa barranija fis-sekondarja ma kinitx tingħata l-importanza meħtieġa. “Tant hu hekk li fl-iskejjel tal-knisja tista' twaqqa’ l-lingwa fil-Form 3 u tagħżel suġġett ieħor. Apparti minn hekk ħafna studenti jispiċċaw lanqas jagħtu l-O’level tal-lingwa wara ħames snin u hija ħasra kbira.”

Żied jgħid li hu personalment jemmen li hemm bżonn li l-lingwi barranin ma jibqgħux jitqiesu bħala suġġett żejjed li bih u mingħajru xorta. “Fl-opinjoni tiegħi l-proposta għandha tkun li għandek bżonn l-O’level ta’ lingwa barranija biex tidħol Sixth Form ħalli b’hekk, f'dawk il-ħames snin l-istudenti jpoġġu moħħhom hemm u jieħdu s-suġġett bis-serjetà. Imma ma naqbilx li għandha tkun meħtieġa biex tidħol l-Università.”

Żied jgħid li,  “filli konna f’sitwazzjoni illi jew ma tgħaddix mill-O’level ma jimpurtax u f’daqqa waħda tridu f’livell avvanzat jew intermedju, jew nejja jew maħruqa. Jekk il-Gvern  irid jinforza l-importanza ta’ lingwi barranin missu beda milli jġiegħel l-iskejjel tal-Knisja u tal-privat joffru l-għażliet tal-lingwi kollha għax il-maġġoranza tagħhom joffru biss it-Taljan u l-Franċiż.”

‘Hawn ħafna oqsma differenti li jirrikjedu li persuna tkun taf lingwa barranija’

Għalliem ieħor li tkellem ma’ din il-gazzetta qal li  jinsab indeċiż dwar din il-proposta. “Qiegħed nipprova npoġġi lili nnifsi fil-pożizzjoni tal-istudent jew tal-istudenta. Mill-aspett ta’ għalliem u l-fatt li studjajt il-lingwa naħseb li kien ta’ vantaġġ kbir għalija. Apparti li llum il-ġurnata bħala għalliem ta’ din il-lingwa kelli ħafna opportunitajiet sbieħ u importanti wara li studjajt lingwa barranija.” 

L-għalliem kompla jgħid kif apparti l-istudju lingwistiku l-kurrikulu jwasslek biex tiskopri aktar dwar aspetti ġodda fil-kultura tal-pajjiż. “Sirt naf aktar dwar is-soċjetà tal-pajjiż ta’ din il-lingwa partikolari u għamilt ħafna ħbieb ukoll minn dan il-pajjiż. Il-fatt li tkun taf lingwa barranija tgħinek ukoll biex tikkomunika ma’ nies ta’ dak il-pajjiż bla problemi ta’ xejn.” 

Apparti hekk illum il-ġurnata meta titgħallem lingwa jinfetħu ħafna bibien b’opportunitajiet differenti.

“Hawn ħafna kumpaniji ta’ oqsma differenti li jirrikjedu li persuna tkun taf lingwa oħra minbarra l-Malti u l-Ingliż. Fil-klassi dejjem infakkar lill-istudenti tiegħi fuq dan il-fatt għaliex kull student jew studenta għandha l-ħolma tagħha jew tiegħu fuq x’jixtiequ jagħmlu fil-futur anke meta xi kultant ma jkunux jafu eżatt x’jixtiequ peress li jkunu ta’ età żgħira. Li tkun taf ħafna lingwi huwa dejjem ta’ vantaġġ. Meta titgħallem lingwa ġdida titgħallem ukoll kif taħseb b’mod differenti u ħafna perspettivi jinbidlu wkoll,” temm jgħid dan l-għalliem.

‘Tagħmel sens… sirna ngħixu f’dinja globalizzata’

Fl-aħħar nett għalliem ieħor li tkellem ma’ din il-gazzetta kien tal-opinjoni li din il-proposta hi waħda validissima. “Aħna qed ngħixu ġo dinja globalizzata, id-dinja saret raħal wieħed. Il-figuri li ġew ippubblikati din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jixhed dan kollu hekk kif il-popolazzjoni ta’ Malta qiegħda dejjem tikber u n-numru ta’ barranin dejjem jiżdied,” saħaq l-għalliem. Huwa żied jgħid illi, “jagħmel ħafna sens li studenti jkollhom għarfien ta’ lingwa barranija f’livell avvanzat jew intermedju. Madanakollu huwa sostna li, “qabel l-introduzzjoni ta’ lingwa oħra għandu jiġi introdott l-aspetti kulturali li jġibu magħhom il-lingwi.”

X’qed jipproponi l-bord tal-Matrikola?

  • Lingwa oħra barranija obbligatorja għall-istudenti ta’ wara sekondarja.
  • Tibdil kbir fis-suġġett tas-Systems of Knowledge. Aktar aspetti kulturali u assessjar b’eżami b’mod informali matul is-sena kollha.
  • Is-suġġett tas-Systems of Knowledge jibda jiġi mgħallem bil-Malti u bl-Ingliż
  • Il-proġett tas-Systems of Knowledge li kien issir fit-tieni sena se jitneħħa
  • Inċentivi akkademiċi għal dawk l-istudenti li jagħmlu attivitajiet extra kurrikulari billi jekk jagħmlu 80 siegħa mifruxa fuq sentejn, jingħataw tliet punti fiċ-ċertifikat tal-MATSEC.
  • Jonqos suġġett fil-livell intermedju għal dawk l-istudenti li jibbrillaw fl-isports u jingħataw massimu ta’ għaxar punti fiċ-ċertifikat tal-MATSEC.

 

 

 

More in Socjali