L-ekwipaġġ ta' Alan Kurdi jistenna biex jgħaddi 44 immigrant lill-Forzi Armati ta' Malta

Fost il-persuni salvati hemm tlett itfal, inkluż tarbija

 

Ritratt | Mill-Arkivji
Ritratt | Mill-Arkivji

L-ekwipaġġ abbord il-basiment Alan Kurdi salva 44 persuna, fosthom tlett itfal u mistennija jgħaddu lil dawn l-immigranti lill-Forzi Armati ta’ Malta.

Fi stqarrija, l-NGO Sea-Eye spjegat kif wara li fl-aħħar jiem għaddiet 65 persuna lill-awtoritajiet Maltin, il-bastiment baħħar lejn iż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ fil-Libja fejn minn fuq ir-radju semgħu sajjieda u anke ajruplan tat-tiftix ‘Colibri,’ jinfurmaw liċ-ċentru Malti għas-salvataġġ marittimu li kien hemm persuni li kellhom bżonn l-għajnuna.

Jidher li l-ekwipaġġ ta’ Alan Kurdi offra l-għajnuna tiegħu lill-awtoritajiet Maltin.

Fi stqarrija, l-NGO spjegat kif vapur tal-merkanzija, fuq talba tal-awtoritajiet Maltin offra l-ewwel għajnuna sakemm l-immigranti tniżżlu abbord il-bastiment Alan Kurdi, wara li kien l-ekwipaġġ li offra li jassisti.

It-tfal, salvati għandhom 15-il xahar, tliet snin u ħames snin. L-immigranti ġejjin mis-Sirja, il-Libja, il-Pakistan, il-Bangladexx u l-Guinea.

Bħalissa, l-ekwipaġġ qiegħed jistenna lill-Forzi Armati ta’ Malta biex l-immigranti jkunu jistgħu jiddaħħlu f’port.

More in Socjali