Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

‘Għamlulu ħsara kbira.” Is-sajjied li ħadulu l-luzzu jieħu l-każ il-Qorti

Is-sajjied anzjan jieħu l-każ tiegħu l-Qorti wara li ntalab minn Transport Malta biex iħallas ’il fuq minn €2,000 fi spejjeż u wara li ġie mwissi li l-luzzu se jinbiegħ b’irkant jekk jonqos milli jħallas

Yendrick Cioffi / 16 ta' Jannar 2019 14:58
Is-sajjied Martin Caruana
Martin Caruana, is-sajjied anzjan li spiċċa bla luzzu wara li dan kien irmunkat minn fuq skal f’Marsaxlokk, ressaq protest ġudizzjarju kontra Transport Malta, il-Kummissarju tal-Pulizija u anke d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura u qed jitlob li dawn iħallsu d-danni, mhux biss għax qed jisħaq li aġixxew b’mod abbużiv, iżda anke minħabba l-ħsara li ġarrab il-luzzu.

Kienet il-gazzetta ILLUM li fil-11 ta’ Novembru li għadda, irrapportat kif Martin Caruana ma kellux triq oħra ħlief li jieħu passi legali bl-għan li jingħata lura l-luzzu li tteħidlu aktar minn xaharejn ilu.

Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM reġgħet tkellmet mas-sajjied Xlukkajr li b’qalbu maqsuma spjega kif il-luzzu saritlu ħafna ħsara mhux biss waqt it-traġitt minn Marsaxlokk sal-Marsa (fejn qed jinżamm), iżda l-ħsara qed tibqa’ ssirlu kuljum sakemm jibqa’ jinżamm fil-miftuħ fl-istat li jinsab fih.

Iżda dan ma kienx biżżejjed. Fil-21 ta’ Novembru, Martin Caruana rċieva ittra mingħand Transport Malta biex iħallas is-somma ta’ €2,035 biex ikopri l-ispejjeż għall-irmonk u t-trasport tal-luzzu.

Is-sajjied anzjan ingħata ħamest ijiem ċans biex iħallas din is-somma u kien imwissi li Transport Malta kienet se tgħaddi biex tinforza dan il-ħlas, kif ukoll il-ħlas ta’ €15 għal kull jum li l-luzzu jdum miżmum.

Transport Malta wissietu li jekk ma jħallasx, il-luzzu se jinbiegħ bl-irkant biex jinġabar il-ħlas.

X’kien ġara eżatt?

Kollox beda fl-20 ta’ Ottubru li għadda, meta Caruana tella’ l-luzzu fuq wieħed mill-iskalin (rampa li tagħti għall-baħar minn fejn jittellgħu u jitniżżlu d-dgħajjes) f’Marsaxlokk biex ikun jista’ jagħmel fuqu xi xogħlijiet ta’ manutenzjoni.

Caruana kien tella’ l-luzzu bl-għajnuna tal-persuna inkarigata mid-Dipartiment tas-Sajd biex jopera l-winċ li hemm apposta u fl-ebda ħin ma kien infurmat li fi ftit jiem kellhom jibdew xogħlijiet fuq dan l-iskal.

Meta Caruana kien diġà qaxxar kważi l-luzzu kollu, kien intalab biex ineħħih biex jibda xogħol fuq l-iskal. Minkejja li kien spjega lill-awtoritajiet li ma jistax iniżżel il-luzzu fil-baħar, minħabba li kien imqaxxar u ma seta’ jieħdu mkien aktar, anke minħabba l-kobor tiegħu, il-luzzu kien ġie kkonfiskat u ttieħed fi Flagstone Wharf fil-Marsa.

Kumpanija privata tikkonferma li l-luzzu qed issirlu l-ħsara

Iżda f’kummenti mal-ILLUM, is-sajjied anzjan spjega kif kull ġurnata li qed tgħaddi, il-luzzu qiegħda ssirlu ħafna ħsara.

“Kull sajjied jaf li wara li jqaxxar dgħajsa jew luzzu, wara tlett ijiem ikun irid jagħti ż-żejt lill-injam. Jekk ma jagħmilx dan, l-injam jibda jaqsam,” spjega Caruana.

Fil-fatt, il-protest ġudizzjarju jispjega kif Caruana qabbad kumpanija privata biex tħejji rapport dwar il-ħsarat fil-luzzu, liema rapport kien mehmuż ukoll mal-protest u jikkonkludi kif il-luzzu mhux qed jinżamm kif suppost u kif qed issirlu aktar ħsara.

Jispjega kif l-injam imqaxxar miż-żebgħa qiegħed jogħlob, it-twavel qed jitbewqu minn ma’ xulxin u l-imsiemer qed isiru laxki.

Iżda l-ħsara ma saritx biss tul ix-xhur li matulhom il-luzzu ilu kkonfiskat. Fil-fatt, fil-protest ġudizzjarju, Martin Caruana jisħaq li l-luzzu ġarrab “ħsarat konsiderevoli,” waqt li kien qiegħed jiġi rmunkat.

“Il-kuntrattur inkarigat mill-Awtorità biex iġorr il-luzzu ma kienx attrezzat b’apparat adegwat u meħtieġ,” ikompli jgħid ir-rikors. Tant hu hekk, li skont Martin Caruana, il-kuntrattur talbu biex jisilfu l-posti, anke jekk dawn jintużaw biex luzzu, jew dgħajsa, jinżammu stabbli f’pożizzjoni fissa u mhux waqt il-ġarr.

Il-luzzu ta' Caruana ftit qabel ġie rmunkat
‘Ippreferew jagħmlu ħsara flok jistennew ħamest ijiem’

Il-protest ġudizzjarju jgħaddi biex jispjega l-affarijiet kif ġraw u jakkuża lill-awtoritajiet inkwistjoni li aġġixxew b’mod mhux raġonevoli. “Il-fatt li l-liġi tathom ċerti poteri ma jfissirx li huma jistgħu jaġixxu b’mod leġittimu u irraġonevoli u jwettqu abbuż ta’ poter,” ikompli l-protest.

Hawnhekk jgħaddi biex jispjega pass pass dak li kien irrapportat mill-gazzetta ILLUM, fosthom kif is-sajjied kien tella’ l-luzzu bl-għajnuna tal-persuna inkarigata mid-Dipartiment tas-Sajd li fl-ebda ħin ma infurmah li ma setax itella’ l-luzzu minħabba xogħlijiet li kienu se jibdew fuq l-iskal.

Jispjega wkoll kif Martin Caruana spjega kemm lil Transport Malta u anke lill-Pulizija li ma setax iċaqlaq il-luzzu fl-istat li kien fih. Fakkar li fil-ġranet meta seħħ il-każ, iż-żewġ krejns tal-Hard Standing Facility kienu żarmati minħabba manutenzjoni u għalhekk aktar u aktar ma kellux fejn jieħu l-luzzu ta’ 31 pied.

Fil-fatt, il-protest ġudizzjarju jsemmi wkoll kif kieku l-awtoritajiet taw ħamest ijiem ċans lis-sajjied, il-luzzu kien seta’ jitneħħa minn fuq l-iskal hekk kif wieħed mill-krejns tal-Hard Standing Facility tranġa u seta’ jintuża.

“L-intimati ppreferew jikkawżaw dannu lil-luzzu u jagħmlu ħsara lill-esponent milli jistennew ħamest ijiem.”

Il-protest jakkuża lill-awtoritajiet, inkluż lill-Ispettur tal-Pulizija li kien għamel kuntatt ma’ Caruana li fl-ebda ħin ma qalulu meta kienu se jirmonkawlu l-luzzu, anke jekk sa ftit sigħat qabel kien tkellem mal-istess spettur.

Fil-fatt, Martin Caruana kien irrakkonta mal-gazzetta ILLUM li induna li kienu qed jeħdulu l-luzzu għax inzerta niżel Marsaxlokk b’kumbinazzjoni.

Għal mistoqsijiet tal-ILLUM, Transport Malta kienet qalet li meta kellu jibda x-xogħol kienet infurmata li s-sajjied kien laħaq tella’ l-luzzu fuq l-iskal u kellu xogħol ta’ tliet ġimgħat fuqu.

Madanakollu, kelliema kienet saħqet li mill-Għaqda Kooperativa tas-Sajd kienu kkonfermaw li x-xogħlijiet jistgħu jibdew u li kienu se jkellmu lil Caruana, anke jekk is-sajjied saħaq li din l-Għaqda qatt ma għamlet kuntatt miegħu u kienu biss il-Pulizija li fil-31 ta’ Ottubru reġgħu ċemplulu u infurmawh li jekk mhux se jneħħi l-luzzu kienu se jiġbduh.

“Ironikament dan l-aġir seħħ fi żmien meta l-istess Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura kien qiegħed ivara skema ta’ għajnuna biex ikunu rrestawrati d-dgħajjes tradizzjonali li ftit ftit qed jintilfu,” ikompli l-protest.

Kif kien saħaq mal-gazzetta ILLUM, Martin Caruana insista wkoll li l-iskal li fuqu kien ittella’ l-luzzu tiegħu kien issewwa ftit tax-xhur qabel u x-xogħlijiet fuqu kienu minimi u għalhekk, il-kuntrattur seta’ faċilment beda minn skalin oħra li għandhom ħsara kbira tant li lanqas jistgħu jintużaw.

F’email iddatata 30 Ottubru, Perit ta’ Trasport Malta kkonfermat lil Caruana li l-intervent fuq dan l-iskal kien se jkun wieħed minimu u ma kellux isirresurfacing tal-wiċċ tiegħu.

Madanakollu, fl-istess email, il-perit tispjega li “l-kuntrattur għandu bżonn jibda jaħdem fuq l-iskal li jirrikjedi intervent żgħir biex meta jasal jaħdem fuq l-iskalin fejn ix-xogħol huwa aktar kumpless, ikollu s-sistema ta’ kif se jaħdem diġà stabbilita.”

Kif kienu wieġbu l-awtoritajiet?

Fid-dawl ta’ dan kollu, is-sajjied, permezz tal-Avukat tiegħu Tonio Azzopardi, qed jitlob lill-Qorti biex tinvestiga dan il-każ u biex l-awtoritajiet li kontrihom tressaq il-protest, iħallsu d-danni li ġarrab.

Dwar dan il-każ, il-gazzetta ILLUM kienet bagħtet mistoqsijiet lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-sajjieda, Clint Camilleri u anke lid-Dipartiment tas-Sajd.

Id-Dipartiment tas-Sajd insista li hu ma jidħolx fix-xogħlijiet li qed isiru, filwaqt li s-Segretarjat Parlamentari baqa’ ma weġibx.

Yendrick Cioffi ssieħeb mal-kumpanija Mediatoday fl-2018 wara 4 snin ta' ħidma bħala ġurnalist mas-sit newsbook.com.mt. Cioffi jispeċjalizza fi stejjer soċjali , politiċi u kulturali u għal din l-aħħar sena kien responsabbli għat-tfassil ta' diversi supplimenti dwar festi ta' bliet u rħula differenti
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook