Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

O lejl ta' skiet, mhux tant fil-Milied! - mużika l-lejl kollu tħalli lil residenti Beltin imqajmin

Il-Kunsillier Laburista tal-Belt Ray Azzopardi jitlob għal azzjoni immedjata...

Albert Gauci Cunningham / 5 ta' Diċembru 2018 10:38
O lejl ta' skiet! Mhux tant fil-Milied...
Il-Kanzunetti tal-Milied. Min ma jħobbhomx matul dan iż-żmien, hekk kif beda riesaq il-jum tal-Milied? U fejn aktar jekk mhux Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta? S'hemm kollox sew.

Residenti rrabjati ferm iżda għamlu kuntatt mas-sit illum.com.mt u sostnew illi fl-aħħar żewġt'iljieli ma tħallewx jorqdu fil-paċi hekk kif il-mużika baqgħet tindaqq il-lejl kollu tul din it-triq prinċipali tal-kapitali. 

"Tal-mistħija. Aħna nieħdu pjaċir li jkun hawn il-mużika li tferraħ u tqajjem tant atmosfera, imma mhux il-lejl kollu. Lanqas stajt norqod dal-lejl," sostniet il-mara li tgħix fl-istess triq. Hi qalet illi mhumiex biss ir-residenti, imma anke t-turisti f'lukandi li hemm fil-viċinanzi li għamlu ilmenti. Ir-residenta Beltija sostniet illi r-residenti ltqagħu mal-komunità tan-negozji ta' Triq ir-Repubblika li wegħdu illi kollox se jmur lura għan-normal, imma dan il-lejl il-mużika baqgħet għaddejja wkoll. 

Intant il-Kunsillier Laburista tal-Belt Valletta Ray Azzopardi wkoll tkellem dwar din is-sitwazzjoni u sostna li hija tal-mistħija li tħalliet il-mużika għaddejja l-lejl kollu minkejja li l-Komunità tan-Negozji ta' Triq ir-Repubblika sostniet illi l-ħsarat fis-sistema kienu irranġati

"Ma nafx x'rispett irid ikollok lejn ir-residenti tagħna meta mingħalik tgħaddi in-nies biż-żmien," sostna Azzopardi.

Hu talab lis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista u liċ-Chairman tal-Valletta 2018 Jason Micallef biex jieħdu azzjoni immedjata. 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook