Il-White Paper dwar il-kirjiet tipproponi perjodu minimu kuntrattawali

Kif żvelat ilbieraħ il-gazzetta ILLUM il-Gvern dalgħodu ressaq il-White Paper dwar il-kirjiet privati...

Kif kien żvelat ilbieraħ milil-gazzetta ILLUM, dalgħodu tressqet il-White Paper li titratta il-kirjiet privati. Din il-White Paper se titratta diversi temi, fost l-aktar importanti l-proposta biex kirja jkollha durata minima, jiġifieri li kirja residenzjali ma tkunx iqsar minn perjodu partikolari. Il-White Paper ma ssemmix perjodu partikolari tad-durata u allura din mistennija tkun deċiża wara l-proċess ta' konsultazzjoni li se jibda issa

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-qasam tal-Housing Roderick Galdes qal illi l-Gvern huwa konxju mill-biża' tas-sidien u fakkar li l-Gvern irid li dawn jibqgħu jagħmlu profitt. Galdes qal illi kuntratti li jkunu aktar fit-tul iwasslu għal aktar serħan il-moħħ u mhux sitwazzjonijiet fejn familji jeħtieġ ibiddlu d-dar kull ftit xhur. 

Galdes fakkar illi l-White Paper hija biss parti minn proġett aktar wiesgħa ta' housing, apparti diversi miżuri li se jitħabbru fil-baġit, fosthom mekkaniżmu ġdid ta' benefiċċju għal dawk li jgħixu fil-kera. 

Kurt Scerri, avukat riċerkatur fil-qasam tal-housing u li kellu sehem ewlieni fil-kitba ta' din il-White Paper, emfasizza diversi drabi l-bżonn ta' stabilità għall-inkwilini filwaqt li fakkar li kirjiet għal żmien qasir m'għadhomx għażla. Fakkar ukoll li hemm żieda fid-domanda għall-kirjiet residenzjali minħabba diversi raġunijiet, fost oħrajn persuni li jibqgħu single u aktar barranin ta' kwalità. 

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fakkar illi minn 170,000 persuna li tinsab f'dar huma 30,000 li jgħixu f'kirja filwaqt li 132,000 huma sidien ta' darhom u minnhom 100,000 qed iħallsu lura s-self li tahom il-bank fuq dik id-dar. Scicluna fakkar illi l-iffullar naqas, minn 4.3% għal 2.6%.

Il-Ministru għall-Familja ui Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal illi "Inżommux jew inqattgħux din il-White Paper, il-fatt huwa li dan hu l-ewwel pass." Huwa qal ukoll li l-Gvern ħares lejn diversi pajjiżi Ewropej oħrajn u l-miżuri li ħadu f'dan il-qasam, ħamsa kbar u tnejn żgħar. 

Il-White Paper qed tipproponi li...

  1. B'hekk din il-White Paper qed tipproponi perjodu minimu kuntrattwali, jew tul obbligatorju tal-kirja għas-sid. L-inkwilin iżda jista' jwaqqaf il-kirja bil-patt u l-kundizzjoni li javża lis-sid qabel. Wara li jiskadi ż-żmien is-sid mhux obbligat iġedded il-kirja lil dak l-inkwilin, imma jrid javża minnn qabel lill-inkwilin li mhux se jġeddidlu. 
  2. Il-White Paper qed tipproponi wkoll li d-depożitu jrid ikun iddikjarat fil-kuntratt u dan minħabba diversi abbużi li qed isiru b'depożitu ma jingħatax lura lill-inkwilini mingħajr raġuni valida. 
  3. Il-Gvern permezz ta' Private Public Partnership (PPP) jeħtieġ jibda jipprovdi għal kirjiet bil-valur ta' bejn €400 u €700, li allura jkunu aktar affordabbli.
  4. U finalment il-White Paper ma tipproponix kontrolli fuq kemm kirja tkun, imma tipproponi li fil-perjodu kuntrattwali l-kirja tista' togħla biss skont l-indiċi tal-prezzijiet tal-proprjetà u biss sa massimu kull sena.

More in Socjali