“Il-futur tal-futbol Malti qiegħed f’idejn nies bla idea” - Schembri

Malta u l-futbol. Relazzjoni mimlija mħabba bla kundizzjoni, u dedikazzjoni. Però hemm dilemma li jgħaddi kemm jgħaddi żmien, donnha iktar qiegħda ssib ruħha fiċ-ċentru tal-kritika u l-kontroversja.

Kienu ħafna dawk li f’dawn l-aħħar xhur esprimew id-diżappunt tagħhom fuq il-livell u l-operat tal-futbol Malti. Dan wara episodji varji li tefgħu l-futbol Malti f’dell ikrah, fosthom: il-każ taż-żewġ plejers tal-U21 li ġew sospiżi għal għomorhom mill-UEFA minħabba tixħim flimkien mat-tkeċċija tal-kowċ tat-tim nazzjonali, Tom Saintfiet, wara biss sitt xhur u li għal dan il-perjodu tħallset is-somma ta’ €75,000. Kien hemm ukoll sensiela ta’ riżultati diżappuntanti li kiseb it-tim Nazzjonali Malti, bl-aħħar waħda tkun it-telfa ta’ 3-1 kontra t-tim nazzjonali tal-Gżejjer Faroe.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-gazzetta ILLUM intervistat lil Andre Schembri, plejer Malti li ilu għal dawn l-aħħar 11-il sena jilgħab fl-ogħla livelli barra minn xtutna, ma’ diversi timijiet professjonali fosthom: Ferencvárosi fl-Ungerija, Boavista fil-Portugall u Amonia Nicosia, Apollon Limassol f’Ċipru. Dan apparti li hu plejer strumentali fit-tim Nazzjonali Malti.

“Il-livell tal-futbol Malti baqa’ staġnat.”

Mistoqsi minn din il-gazzetta x’jaħseb fuq is-sitwazzjoni preżenti tal-operat u l-livell tal-futbol f’Malta, Schembri ma qagħadx idur mal-lewża. “L-ewwel nett jien ma nagħtix tort lill-plejers Maltin, dawn jagħmlu ħilithom kollha, imorru għal ġurnata xogħol u wara jiġu għat-taħriġ. Hemm il-limiti, ma tistax tippretendi iktar. Ir-realtà hi li sakemm it-tim nazzjonali Malti ma jkunx kompost minn tal-inqas 11-il plejer li jilgħab barra f’livell professjonali, it-tim se jibqa' fejn hu. Jiġifieri, se nibqgħu nitilfu jew forsi nġibu xi riżultat ’l hemm u ’l hawn però xejn kbir,” sostna Schembri.

Skjett, kompla jgħid li, “filwaqt li l-livell tal-futbol ta’ pajjiżi simili ta’ Malta maż-żmien tjieb, il-livell f’Malta baqa’ staġnat.”

Illum għandna dressing room suret in-nies, it-taħriġ qiegħed ikun aħjar u mhux qisu dak tat-tim tal-għalqa

“L-MFA trid tevolvi,” saħaq Schembri, “baqa’ wisq membri fiha li għandhom mentalità ta’ 40 sena ilu, u li għandhom f’idhom il-futur tal-futbol Malti. Dawn il-membri tal-kunsill huma voluntiera, li għandi rispett kbir lejhom, għax fl-aħħar mill-aħħar dawn joħorġu flus minn buthom, imma sfortuntament ma jifhmux fil-futbol,” saħaq Schembri.

Kompla jispjega wkoll kif, “dawn huma nies li jkollhom ix-xogħol tagħhom, imbagħad wara jmorru sagħtejn jaraw il-kbar u jsegwu n-nurseries. F’idejn dawn in-nies qiegħed il-futur tal-futbol Malti, mhux f’idejn nies li għandhom esperjenza kalċistika, li lagħbu barra jew għandhom il-kredenzjali. Dawn jagħżlu l-kowċ tat-tim Nazzjonali, imma r-realtà hi li mhumiex kompetenti. L-eżekuttiv fiex jifhem fil-kowċis? Dik deċiżjoni li suppost jagħmel id-direttur tekniku. La l-eżekuttiv u lanqas l-president m’għandhom ikunu responsabbli mill-għażla tal-kowċ,” irrimarka Schembri.

“Illum hemm ħafna għajnuna, differenti ħafna minn meta tlaqt jiena.”

Saħaq li jeħtieġ li jkun hemm numru sostanzjali ta’ plejers jilagħbu barra biex verament naraw differenza fil-livell tal-futbol Malti. Però l-MFA qed tagħmel sforz biżżejjed biex dawn il-plejers jkollhom dawn l-opportunitajiet?

Fuq din Schembri kien pront biex jisħaq li “illum hemm ħafna għajnuna, hemm differenza kbira minn meta tlaqt jiena.” Hu spjega li, “illum l-MFA bid-difetti kollha tagħha qiegħda tgħin plejers imorru barra, bil-kolloborazzjoni li waqqfu ma’ Frosinone fl-Italja. Jien fi żmieni meta ta’ 17-il sena kelli opportunità nitlaq ma’ Sevilla fi Spanja ma sibtx għajnuna, anzi sibt minn għalaqli l-bieb minflok. Kieku tlaqt ta’ 17-il sena qiegħed nilgħab f’livell ħafna aħjar mhux tlaqt ta’ 21 sena, li għalija huwa tard wisq,” sostna Schembri.

Imma r-realtà hi li mhumiex kompetenti. L-eżekuttiv fiex jifhem fil-kowċis

Staqsejt lill Schembri għaliex jaħseb li ta’ 21 sena huwa tard wisq biex titlaq tibda l-esperjenza tiegħek ma’ tim barra minn xtutna. “Trid titlaq żgħir kemm jista' jkun, għaliex meta tibda tikber, tibda titla’ Paceville u tilgħab fil-Premier tibda tħossok ‘king’ imbagħad tmur barra u ma ssib xejn, il-ħajja li ngħixu Malta ma tgħinx. Jien niftakar fit-tieni sena l-Ġermanja kelli 22 sena, kont ngħix f’kamra waħdi ġewwa lukanda f’bosk, għamilt sena. Trid verament tkun determinat biex tibqa’ għaddej.”

Minkejja dan, Schembri hu tal-fehma li hu inutli, naqbdu u nibagħtu plejers barra minn xtutna jekk dawn ma jkunux ippreparati għas-sitwazzjoni li se jiffaċċjaw. “Tifel ma tistax taqbad u titfgħu barra, trid tippreparah, xi ħaġa li dħalt fiha fid-dettall fil-ktieb tiegħi. Hemm bżonn ta’ akkademja li tipprepara lill-plejers għall-ħajja waħedhom,” spjega Schembri.

“L-affarijiet mixjin għall-aħjar.”

Minkejja kollox, mal-ILLUM, Schembri sostna li f’dawn l-aħħar xhur l-affarijiet bdew mixjin għall-aħjar, “f’dawn l-aħħar xhur, in-Nazzjonal għamel qabża mhux biss mill-att ta’ futbol imma anke l-preparazzjoni ta’ qabel, il-logħob u l-għażla fl-istaff tekniku. Illum għandna dressing room suret in-nies, it-taħriġ qiegħed ikun aħjar u mhux qisu dak tat-tim tal-għalqa. L-MFA qiegħda tieħu ħsieb ukoll titjiriet charter għal-logħob, mhux bħalma ġara wara l-logħba mal-Ingliżi dak il-ġiri kollu, kellna nqumu fl-4:00am sabiex naqbdu titjira oħra u nippreparaw għal-logħba kontra l-Iskozja, mingħajr ebda ħin għall-irkupru,” spjega Schembri.

“Il-ħolma tiegħek li tkun qed tilgħab f’dawn il-kompetizzjonijiet.”

Apparti li huwa l-ewwel plejer Malti li ppubblika awtobijografija u l-ewwel wieħed li skurja gowl fil-stadju tal-gruppi tal-UEFA Europa League, għat-tieni sena konsekuttiva Schembri se jkun qed jerġa' jilgħab fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League mat-tim Ċiprijott, Apollon Limassol.

Mistoqsi minn din il-gazzetta x’jaħseb li huma ċansijiet tagħhom għall-progress, Schembri qal li għalkemm hi diffiċli minħabba l-fatt li reġgħu għandhom grupp iebes, “fil-futbol kollox possibbli.”

“L-Europa League hija waħda mill-isbaħ kompetizzjonijiet u prestiġjużi li teżisti fid-dinja u meta tkun żgħir il-ħolma tiegħek tkun li tilgħab f’dawn il-kompetizzjonijiet. Apparti minn hekk, naħseb li hi xi ħaġa sabiħa li l-poplu Malti jkollu plejer li jieħu sehem fiha,” temm jgħid Schembri.

More in Socjali