Kull stripper 'impurtata' tiswa €20 kuljum

Is-sidien tal-‘gentlemen’s clubs’ jimpurtaw l-istrippers u l-lap dancers mingħand aġenti barranin. Kemm iħallsuhom? Fejn joqogħdu dawn it-tfajliet? L-ILLUM iċċempel wieħed mill-aġenti u tistaqsi...

Il-gazzetta ILLUM tinsab f’pożizzjoni li tiżvela li kull mara li taħdem ‘f’gentlemen’s club’ tiswa lis-sidien tal-istabbilimenti €20 kuljum, jew inkella madwar €280 fl-ewwel ġimagħtejn biss.

Hekk kif id-diskussjoni dwar ‘il-gentlemen’s club’ reġgħet qamet, l-ILLUM għamlet kuntatt ma’ wieħed mid-diversi aġenti li jissupplixxu lill-istabbilimenti Maltin bin-nisa, biex jaħdmu bħala ‘strippers,’ ‘lap dancers’ jew ‘hostesses.’

Kien sid ta’ ‘gentlemen’s club’ f’Malta li kkonferma ma’ din il-gazzetta li n-nisa li jaħdmu miegħu jkunu mibgħuta minn dawn l-aġenti wara li jkun infurmahom li għandu bżonn l-impjegati.

“In-nisa li jiġu jaħdmu miegħi kollha minn jeddhom jiġu,” saħaq dan is-sid. “Jien lanqas nitkellem man-nisa, imma ninnegozja kollox mal-aġent.”

Il-gazzetta ċemplet wieħed mill-aġenti li sabet onlajn u li jirriklama xogħol f’dawn il-clubs Maltin, daqslikieku kienet klijent li se jiftaħ ‘gentlemen’s club,’ u li għandu bżonn informazzjoni dwar kif se jġib in-nisa minn barra.

L-aġent, mir-Renju Unit, spjega li kull mara tiswa lis-sid €20 kuljum għall-ewwel kuntratt li jingħatalha. Fil-każ ta’ dan l-aġent, l-ewwel kuntratt ikun għal ġimagħtejn. Oħrajn, l-ewwel kuntratt ikun għal xahar.

Kompla jispjega li jekk wara ġimagħtejn il-mara tiddeċiedi li tibqa’, il-kuntratt ikun imġedded. Madanakollu, mhux magħruf jekk ladarba l-kuntratt ikun imġedded, ir-rata ta’ €20 kuljum tiżdiedx.

Dan ifisser li stabbiliment li jimpjega erba’ tfajliet, iħallas lill-aġent €80 kuljum jew inkella €1,120 fl-ewwel ġimagħtejn.

Apparti dan, is-sid iħallas ukoll depożitu għand l-aġent għal dawn l-ewwel ħmistax.

It-tfajliet responsabbli għalihom is-sid

U tul dawn il-ġimgħat, min ikun responsabbli għal dawn it-tfajliet? L-aġent insista li ġaladarba s-sid ikun ‘xtara’ s-servizz, huwa s-sid tal-istabbiliment li jkun responsabbli għat-tfajla u mhux l-aġenzija.

Dawn l-aġenziji mhux diffiċli biex issibhom. Sempliċi tfittxija fuq l-internet tagħtik lista ta’ dawk l-aġenziji li jħarrġu u jissuplixxu n-nisa lil diversi ‘gentlemen’s clubs’ imxerrda madwar l-Ewropa u mhux biss.

Din il-gazzetta għamlet riċerka fuq tliet siti ta’ tliet aġenziji li flimkien ma’ oħrajn jirriklamaw dawk l-istabbilimenti Maltin li qed ifittxu nisa biex jaħdmu bħala ‘strippers, ‘lap dancers,’ jew ‘hostesses.’

Din l-informazzjoni tinkludi mhux biss dak li s-sid qed jintrabat li jagħti lin-nisa, imma anke telenka dawk l-affarijiet li n-nisa jridu jaħsbu għalihom huma, anke jekk kif spjegat aktar ’il fuq, is-sid huwa responsabbli għalihom.

‘Jagħtihom akkomodazzjoni iżda jħallsu għaliha’

Fost dawn, anke jekk f’erba’ reklami li rat il-gazzetta ILLUM, is-sidien Maltin għandhom akkomodazzjoni disponibbli ftit passi ’l bogħod mill-istabbiliment, huma n-nisa stess li jkollhom iħallsu l-kirja.

Skont l-informazzjoni disponibbli mill-aġenziji, ir-rati ta’ dawn il-kirjiet ikunu inqas mill-kirjiet kummerċjali. Kirja ta’ appartament, b’kamra tas-sodda waħda u li fiha jistgħu joqogħdu żewġ persuni, tiswa madwar €400 fix-xahar.

Anke jekk skont ċertu aġenti l-akkomodazzjoni hija pprovduta mingħajr ħlas mis-sid, fl-istess sentenza hemm imniżżel li l-kirja tinqata’ awtomatikament mill-paga tat-tfajliet.

Sid minnhom, lanqas il-lożor ma jipprovdi. L-aġent jispjega li jekk it-tfajliet jikru l-akkomodazzjoni li qed jagħmel disponibbli s-sid, iridu jġibu l-lożor tagħhom huma.

Aktar ma tinża’ aktar titħallas...

U n-nisa kemm qed jitħallsu? Mhux l-istabbilimenti kollha jħallsu l-istess. Skont l-aġenziji li aċċessat din il-gazzetta, il-ħlas ivarja bejn il-€35 u s-€60 kull lejl, “jiddependi mill-esperjenza taż-żeffiena.”

Iżda mbagħad, dejjem skont l-informazzjoni disponibbli fuq dawn is-siti, hemm ħlas addizjonali u anke commissions. Pereżempju, ‘lap dance’ għal klijent tiswa €20. Minn dawn iż-żeffiena tieħu €10. Jekk il-klijent ikun irid liż-żeffiena tiżfen u tinża’ kompletament għarwiena, dan iħallas bejn €50 u  u €70. Minn dawn, it-tfajla tieħu n-nofs.

Hemm stabbilimenti oħra fejn iż-żeffiena jieħdu wkoll 50% tat-tips. Dawk imbagħad li jaħdmu bħala ‘hostesses,’ jitħallsu skont kemm il-klijent ikun lest iqatta’ ħin bilqiegħda magħhom ‘biex jgħidu kelma.’ Jekk tfajla tagħmel 30 minuta titkellem mal-klijent, titħallas €50 u jekk tagħmel siegħa, tieħu €100.

L-importanti li t-tfajla ġġiegħel lill-klijent jixrob

Apparti dawn, it-tfajliet jitħallsu wkoll għal kull ‘drink’ li l-klijenti jieħdu magħhom. Għal tazza luminata, it-tfajliet jieħdu bejn €1 u €2, għal tazza xampanja jieħdu €2. Jekk imbagħad bis-saħħa tat-tfajla, il-klijent jixtri flixkun xampanja, din tieħu 20% tal-prezz u għal kwalunkwe flixkun alkoħol ieħor, tieħu 10%.

Sidien għandhom ukoll ftehim ma’ xi ristoranti fiż-żona u anke ħwienet tal-ħwejjeġ biex it-tfajliet igawdu minn skont meta jmorru jieklu jew jixtru.

Dawn it-tfajliet jaħdmu mill-10:00pm sal-5:30am jew mill-11:00pm sas-6:30am u kull waħda taħdem minimu ta’ ħames jew sitt iljieli.

Apparti l-kirja, xi jħallsu t-tfajliet?

L-aġenziji jispjegaw ukoll li huma s-sidien li jieħdu ħsieb li jiġbru u jwasslu liż-żeffiena fl-ajruport iżda għat-titjiriet u l-ħlas marbut magħhom jieħdu ħsieb iż-żeffiena stess.

Minħabba l-fatt li wħud minn dawn iż-żeffiena jkunu ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea u allura ma jistgħux jaħdmu awtomatikament f’Malta, l-aġent jieħu ħsieb ukoll il-permessi kollha tax-xogħol u għal dan, it-tfajliet iħallsu €30 fil-ġimgħa.

Imma trid tkun sexy u għandek ‘tan’

Ma għandniex xi ngħidu. Mhux kulħadd jista’ jaqbad u japplika, jew aħjar minn hekk mhux kulħadd se jintgħażel għal dan ix-xogħol. L-aġenti jagħmluha ċara li ż-żeffiena jrid ikollhom minn 18-il sena ’il fuq iżda aktar minn hekk, importanti li mhux biss ikunu sbieħ, imma sexy wkoll.

Stabbiliment f’Malta li qed ifittex tfajliet permezz ta’ dawn l-aġenti, irid li: “ż-żeffiena tkun attraenti u sexy. Tilbes bikini, lingerie sexy u anke aċċessorji. Manicure, pedicure u anke tan huma neċessarji.”

‘Żfin iva iżda sess le’

Fuq kollox, l-aġenti jagħmluha ċara lil dawn it-tfajliet li japplikaw, li l-flus huma garantiti u li l-kundizzjonjiet tax-xogħol se jkunu tajbin.

Mhux hekk biss, iżda jassigurahom li l-post tax-xogħol huwa sigur u li fl-ebda mument mhu se jkunu sfurzati jagħmlu sess jew attivitajiet sesswali oħra mal-klijenti.

Jassigurawhom li dejjem se jkunu rrispettati.

“Qabel nidħlu f’kuntratt, aħna personalment nosservaw mill-qrib dawn ‘il-clubs’ biex inkunu nafu eżatt kif joperaw u anke niġbru informazzjoni mit-tfajliet li jaħdmu fihom biex inkunu nafu x’inhu jiġri u jekk humiex kuntenti jew le,” jisħaq wieħed mill-aġenti fl-ewwel paġna tas-sit tiegħu.

More in Socjali