Ix-xita kif laqtet il-festi ta' din il-ġimgħa?

Minn spiċċa biex ħassar kollox u fejn lanqas għamlet qatra xita

Ix-xita, kemm jekk qalila u anke ħafifa, tertqet qalb id-dilettanti li f'dawn il-jiem iċċelebraw jew qed jiċċelebraw il-festi titulari tagħhom.

Kienet ilha ġimgħa mbassra u r-rapporti tat-temp qatgħu għax ilbieraħ infetħu bwieb is-sema fost is-sħana u r-riħ isfel li ma qatgħu xejn.

L-agħar li marru kienu d-dilettanti f'San Ġwann, fejn il-purċissjoni waslet biss sal-portiku tal-knisja parrokkjali. Fil-fatt, ittieħdet id-deċiżjoni li l-vara tal-Madonna ta' Lourdes tinħareġ biss fil-bieb u tindaqq l-Ave Maria.

F'San Ġwann il-purċissjoni waslet biss sa fuq iz-zuntier
F'San Ġwann il-purċissjoni waslet biss sa fuq iz-zuntier

Id-Dumnikani Beltin kienu ftit aktar kurraġġużi u ħarġu bil-purċissjoni iżda ma damitx ma bdiet tqattar ix-xita. Qamet ftit kommossjoni meta l-vara ta' San Duminku, għal darbtejn, kella tiddaħħal tistkenn taħt il-loġoġ fit-toroq tal-Belt Valletta. Minkejja dan, il-purċissjoni kompliet xorta waħda u l-vara daħħlet fil-knisja wara l-10:30pm, bl-intoppi ma jnaqqsu xejn mill-entużjażmu tal-partitarji.

Għawdex kien l-aktar li ntlaqat mix-xita filgħodu. Il-Qala lbieraħ kienet qed tiċċelebra l-festa ta' San Ġużepp. Minkejja x-xita qalila ta' filgħodu, it-temp żamm xi ftit u filgħaxija l-Qalin iċċelebraw bil-kbir lil San Ġużepp.

Ħal Lija lbieraħ kienet Lejlet il-Festa. Fil-fatt din hija waħda mill-ftit festi f'Malta li jiġu ċċelebrati fil-ġurnata liturġika tagħhom. Tant hu hekk li l-festa tas-Salvatur qed issir propju llum, meta l-Knisja qed tiċċelebra l-festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej. Waqt it-tranżlazzjoni x-xita kienet niżla bil-qliel, bir-ragħad jingħaqad mal-ħoss tal-kaxxa infernali. Madanakollu, filgħaxija l-ispettaklu tal-logħob tan-nar sar xorta waħda. Wieħed jittama li t-temp iżomm, biex illejla ssir il-purċissjoni b'waħda mill-akbar vari titulari.

It-temp kien ħanin mal-parruċċani ta' Birżebbuġa. Minkejja li l-armar tniżżel kważi kollu, ix-xita żammet u San Pietru ħareġ u daħal b'wiċċ il-ġid.

Il-vara ta' San Duminku tistkenn taħt il-loġoġ fi Triq ir-Repubblika
Il-vara ta' San Duminku tistkenn taħt il-loġoġ fi Triq ir-Repubblika

More in Socjali