Il-kontroll ta’ ħajtek (u x’jidher minnha fuq FB) huwa f’idejk

Il-Fundatur ta’ Facebook iffaċċja baraxx mistoqsijiet dwar parti minn ħajtek li llum lanqas timmaġina d-dinja mingħajrha. Imma x’qal?

Immaġinak tmur fi pjazza mimlija nies; ftit minnhom ħbieb, oħrajn li għandek konoxxenza tagħhom u oħrajn li qatt ma kellimthom u ma taf xejn jew ftit li xejn dwarhom, taqbad megaphone u tibda tgħid fejn mort ilbieraħ, lil min tħobb, li daqs il-festa tar-raħal tiegħek m’hemm imkien, li int Laburist jew Nazzjonalist, li qed tħossok vera faqa’, li qed tħossok waħdek jew inkella li  lbieraħ kilt dundjan bil-patata u t-tadam f’ġenb il-platt mal-għarus u li kieku tista’ tagħti ħajtek għalih.

Kieku tagħmilha, jgħadduk ta’ miġnun jew ta’ bniedem bi skorfina nieqsa. Imma fil-fatt qed nagħmluha, jew ħafna minnha qed jagħmluha u qed jagħmluha kuljum. Għaliex kumdità kemm tagħtina kumdità l-‘keyboard’ il-fatt hu li dak li qed niktbu u dak li qed intellgħu, jekk humiex ritratti, kummenti, opinjonijiet, filmati u oħrajn qed ikunu mxandrin ma’ dawk kollha li huma ħbieb (li soċjalment ħafna minnhom fil-fatt mhuma ħbieb xejn imma xi ħadd li jaf bik jew taf bih) kif ukoll mad-dinja.

Huwa hawnhekk u f’dan il-kuntest li wieħed jista’ jibda jifhem aħjar x’ġara eżatt u x’inhi r-raġuni eżatta għall-fatt li nqala’ kjass internazzjonali u għalfejn il-fundatur tal-Facebook Mark Zuckerberg kellu jiffaċċja sensiela ta’ mistoqsijiet ma jaqtgħu xejn mill-membri tas-Senat Amerikan.

Imma dak li ngħid qed imur għand nies li ma rridx?

L-istorja hija hekk; Cambridge Analytica kienet imqabbda mit-tim tal-kampanja elettorali ta’ Donald Trump u kellha aċċess għal madwar 50 miljun persuna li għandha kont fuq Facebook.

B’hekk il-kampanja ta’ Trump setgħet tkun taf aħjar dwar dan il-grupp enormi ta’ nies bħal; fejn iħobbu jmorru, fuq xiex għamlu ‘like’ u aktar. Dan biex b’hekk ir-riklamar politiku seta’ jkun aktar partikolari għal grupp ta’ nies u allura aktar effettiv.

Jidħol fix-xena Aleksander Kogan li kien lest illi jħaddem din it-teknika għal Cambridge Analytica. Huwa pprovda 50 miljun profil Amerikan minn fuq Facebook. Facebook qalet illi ma ttieħdux passwords għalkemm il-lokazzjoni tal-persuni kienet mogħtija lil Cambridge Analytica.

Imma x’ġara ħażin b’daqshekk?

Imma jkun hemm min jistaqsi; b’daqshekk x’sar ħażin? Billi juża l-informazzjoni biex jagħmel kampanja elettorali? Mhux ovvja li l-partiti, anke hawn Malta, se jkollhom bżonn informazzjoni speċifika biex jagħmlu l-kampanja? Mhux diġà qed issir din meta politiku jiġi d-dar tiegħek?

Fil-fatt mhuwiex l-istess u l-problema hija li minn dawn il-50 miljun ħadd ma kien konxju tal-fatt li l-informazzjoni li qed jitfa’ f’kitba u viżwal se jintużaw biex isir riklamar politiku.

U għal Zuckerberg din xi ħaġa tajba?

Le. Jew għallinqas hekk qal. Zuckerberg ammetta li fil-fatt hawnhekk kien sar ksur tal-privatezza ta’ dawk il-miljuni ta’ Amerikani.

Nhar it-Tlieta huwa deher quddiem is-Senat jgħid hekk: “m’għamilniex biżżejjed fuq aħbarijiet foloz, fuq indħil minn barra u fuq espressjoni ta’ mibgħeda. Ma ħarisniex biżżejjed lejn l-istampa l-kbira u dak kien żball u jiddispjaċini.”

...u kemm-il darba ddispjaċieh?

F’din il-griljatura li qala’ Zuckrberg wieħed mis-Senaturi fakkru illi din mhux l-ewwel darba li qed jagħmel apoloġija u b’tabella warajh fakkru f’istanzi fejn diġà għamel apoloġiji fuq kif informazzjoni tal-utenti qed tasal għand persuni, għaqdiet jew anke partiti politiċi.

“This was a big mistake on our part. I’m sorry for it”, fl-2006 – “I’m not proud of the wat we handled the sitiuation and we know we could do better,” fl-2007 u “I’m the first to admit that we’ve made a bunch of mistakes,” fl-2011.

U kif wieġeb Zuckerberg?

Zuckerberg ma kienx difensiv u ammetta li bħala kumpanija ma kinux qed jaraw l-istampa l-kbira. Jagħmilha ċara wkoll fil-bidu tas-sessjoni illi Facebook huwa “idealistiku u ottimist, dejjem rajna t-tajjeb. In-nies illum għandhom l-għodda importanti biex jibnu komunitajiet u jżommu kuntatt mal-qraba. Iktar minn 70 miljun jużaw facebook biex jespandu, apparti ġbir ta’ flus...(u jsemmi l-ġbir ta' fondi għal vittmi ta’ Hurricane Harvey).”

Zuckerberg ma setax jirrispondi mistoqsija ta’ senatur ieħor li staqsa jekk Facebook jiġborx ukoll informazzjoni mill-apparat li tkun qed tuża, minn fejn tkun qed tuża Facebook iżda meta Facebook ikun mitfi

Imma kif Facebook m’għamel xejn?

Zuckerberg, f’parti inqas kredibbli mix-‘xhieda’ tiegħu, qal fis-sessjoni illi malli saru jafu, neħħew l-app li uża Kogan u ordnaw lil Cambridge Analytica biex jieqfu jużaw l-informazzjoni li ġiet f’idejhom. Hu ammetta li fil-fatt ma ġarax hekk.

Mistoqsi imma jekk komplewx jiġru warajhom biex ikunu ċerti li din l-informazzjoni ma baqgħetx tintuża , huwa wieġeb li għalihom sa dak il-ħin kien ‘case closed’.

Jew ma kienx qed jgħid il-verità jew inkella vera ‘naive’.

Se jibqa’ b’xejn...

Zuckerberg serraħ ras il-madwar 2 biljun persuna li jagħmlu użu minn Facebook illi din il-paġna se tibqa’ b’xejn jew għallinqas kliemu eżatt kien: “dejjem se jkun hemm servizz ta’ Facebook li jkun b’xejn...”

Mistoqsi mis-Senatur li kien qed jistaqsi dak il-ħin, Zuckerberg qal illi d-dħul ta’ Facebook jibqa’ marbut mar-riklamar.

Kif jaslu għandek ir-riklami fuq Facebook?

Zuckerberg jiċċara illi Facebook qatt ma jagħti informazzjoni dwar il-membri lil kumpaniji tar-riklamar. Fil-grilling jiċċara bl-aktar mod inekwivoku kif jaħdem ir-riklamar li tkun qed tara int.

Mela immaġina li inti tgħid, jew turi ritratti jew inkella tagħmel ‘likes’ fuq ritratti ta’ platti tal-għaġin. Mela issa Facebook jaf li inti tħobb tiekol l-għaġin. Kumpanija li tbigħ/timporta l-għaġin tmur fuq facebook u tgħidilhom li trid tirriklama l-prodott fuq Facebook.

Il-Facebook ikun jaf li inti flimkien ma’ mijiet, eluf jew miljuni l-oħrajn iħobbu l-għaġin u jitfa’ dak ir-riklam biex tarah int u dawk il-miljuni. Imma Facebook, qal Zuckerberg, qatt ma jagħti l-informazzjoni lil parti terzi.

Zuckerberg ifakkar kif huwa int li għandek il-kontroll totali fuq dak li jidher, għax huwa int li tikkontrolla x’titfa’ fuq Facebook.

Zuckerberg jiġġustifika dan il-proċess billi jgħid illi għal ħafna l-problema mhix ir-riklam perse, imma kemm dak ir-riklam ikun verament rilevanti għal min qed jarah.

Imma kif jiġbor l-informazzjoni?

‘Jiena nispera li qatt ma jkun hemm sorpriżi fil-mod kif niġbru l-informazzjoni,” jgħid Zuckerberg fit-tieni siegħa ta’ din is-sessjoni.

Huwa qal illi Facebook tieħu l-informazzjoni permezz ta’ żewġ modi differenti: 1) Skont il-kontenut li l-membri ta’ Facebook ikunu qegħdin jitfgħu fuq Facebook, u 2) informazzjoni speċifika ta’ liema riklami tkun qed tagħfas u tidħol fihom.

Interessanti kif Zuckerberg ma setax jirrispondi mistoqsija ta’ senatur ieħor li staqsa jekk Facebook jiġborx ukoll informazzjoni mill-apparat li tkun qed tuża, minn fejn tkun qed tuża Facebook iżda meta Facebook ikun mitfi. Dan ifisser li Zuckerberg ma setax iwieġeb jekk Facebook ikunx qed jara x’siti qed tidħol fihom meta ma tkunx fuq facebook imma tkun qed tuża l-istess laptop/kompjuter.

Il-paġna ta’ Facebook hija tiegħi... imma vera?

Hawn ħafna li jgħidu illi l-paġna ta’ Facebook hija tagħhom u allura jagħmlu u jitfgħu li jridu, imma fil-verità hija tiegħek jew le?

Mistoqsi Zuckerberg kien ċar, “We own all content on Facebook”, jiġifieri l-kontenut li titfa’ fuq Facebook avolja jikkonċerna lilek mhux tiegħek, sakemm tibqa’ membru ta’ Facebook.

Libertà. Imma mhux li toffendi...

Parti mis-sessjoni, kif mistenni għax il-Facebook huwa forma ta’ midja, daret fuq il-libertà tal-espressjoni.

Zuckerberg kien mistoqsi jekk il-Facebook hux verament newtrali jew inkella jekk tapplikax ċensura għal opinjonijiet li magħhom ma taqbilx.

Huwa għamilha ċara li l-unika ċensura ta’ Facebook huwa f’każ ta’ espressjoni ta’ mibgħeda, razziżmu u terroriżmu.

“Nifhem li qed noperaw minn Silicon Valley fejn jaħdmu iktar nies li huma xellugin, imma aħna qatt ma nistqasu l-orjentazzjoni politika u lanqas inħaddmu nies skont l-affiljazzjoni politika tagħhom...

Zuckerberg kien ċar, “We own all content on Facebook”, jiġifieri l-kontenut li titfa’ fuq Facebook avolja juri lilek mhux tiegħek, sakemm tibqa’ membru ta’ Facebook

Zuckerberg qal ukoll iżda illi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ espressjoni ta’ mibgħeda, teżisti diffikultà minħabba l-lingwa għax wieħed jeħtieġ jevalwa x’jikkostitwixxi mibgħeda u le, f’dik il-lingwa u kultura.

Qed jagħmel xi ħaġa biex dan kollu ma jerġax jiġri?

Iva. Zuckerberg meta mistoqsi dwar indħil politiku permezz ta’ Facebook qal illi l-kumpanija li tagħha fundatur se tkompli ssaħħaħ l-Intelliġenza Artifiċjali biex taċċerta li ċerta propoganda jew messaġġi ta’ mibgħeda jkunu ċċensurati qabel biss ma jkunu ppubblikati.

Realtà intrinsika fis-soċjetà tal-lum

Kuntrarjament għal prodotti li ġew qablu, bħall-MSN u l-MiRC, il-Facebook mhux biss ħalla effett imma sar parti intrinsika u kardinali mill-mod kif nikkomuminkaw, ma’ min nikkomumikaw, x’riklami naraw, ma’ min nassoċjaw ruħna u kif nagħtu l-opinjoni tagħna.

Fil-verità minkejja r-riskji ovvji li jistgħu jesponu dak li suppost iżżomm privat, il-Facebook wassal għal demokratizzazzjoni tas-soċjetà hekk kif tat aċċess permezz ta’ vuċi lil dawk illi mingħajr facebook ma jinstemgħu qatt.

More in Socjali