Aġġornata | 'Gays ma jistgħux jagħtu d-demm...'

...jekk imqar kellhom x'jaqsmu ma' raġel darba. Il-gazzetta ILLUM iċċempel lid-Dipartiment tal-Għoti tad-Demm biex tiċċekkja..

Gay u trid tagħti d-demm? Insieha...
Gay u trid tagħti d-demm? Insieha...

Minkejja illi pajjiżna huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea illi fih sar progress fil-qasam tad-drittijiet ċivili, għadha teżisti diskriminazzjoni fl-għoti tad-demm fuq il-bażi li s-settur ta’ persuni omosesswali (irġiel) għadu meqjus bħala wieħed ta’ riskju għoli għal mard li jittieħed sesswalment.

Minn riċerka li għamlet din il-gazzetta permezz ta’ telefonata (ara filmat bit-telefonata iktar l'isfel) nistgħu niżvelaw fiċ-ċert illi d-Dipartiment tal-Għoti tad-Demm f’Malta ma jaċċettax demm ta’ persuni omosesswali b’mod awtomatiku. Fit-telefonata din il-gazzetta għamlet tabiruħha li xtaqet tagħti d-demm. Il-ġurnalist qal biss li jixtieq jagħti d-demm u qal li hu gay, mingħajr ma daħal f’dettalji dwar il-ħajja sesswali tiegħu u jekk allura huwiex qed jieħu sehem f’attività li tgħolli r-riskji ta’ mard sesswali.

Minkejja dan, it-tabiba preżenti dak il-ħin iċċarat mill-ewwel li jekk raġel qatt kellu x’jaqsam sesswalment ma’ raġel ieħor, imqar darba biss f’ħajtu, dan ma jibqax eliġibbli biex jagħti d-demm.

Dan ifisser illi s-sistema f’Malta hija tali li persuna omosesswali hija mill-ewwel eskluża minn dan il-proċess qabel biss tkun ittestjata għal HIV jew kwalunkwe tip ta’ mard ieħor.

Kienet il-Kummissjoni Ewropea stess li lura fl-2011, ironikament permezz tal-eks Kummissarju Malti John Dalli, iddikjarat din il-prattika bħala kuntrarja għad-Direttiva tal-UE, u allura kontra l-liġi. F’risposta lill-Grupp favur Drittijiet ta’ persuni LGBTIQ fi ħdan il-Parlament Ewropew, Dalli qal hekk; “Il-Kumissjoni tfakkar però li f’termini ġenerali d-Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea li timplimenta d-direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill... Stati Membri għandhom jiddefirixxu donaturi li għandhom imġiba sesswali li tpoġġihom f’riskju għoli li jkollhom diversi mard li jkun trażmess bid-demm. Il-Kummissjoni tinnota f’dan ir-rispett illi ‘mġiba sesswali’ mhix identika għal ‘orjentazzjoni sesswali.’

Il-Kummissjoni Ewropea, permezz ta’ John Dalli, kienet fakkret illi kull Stat Membru, inkluż Malta, kellha taderixxi ma’ dawn id-direttivi. Xi ħaġa li jidher ċar li mhux qed nagħmlu s’issa bħala pajjiż.

Din il-kwistjoni reġgħet qamet iktar kmieni din il-ġimgħa meta Jean Pierre Cassar, persuna omosesswali, qal illi minkejja li xtaq jgħin fl-għoti tad-demm wara l-inċident ikrah fiż-Żurrieq u wara li ħarġet talba biex jingħata l-istess demm, dan ma setax jagħmlu. F’messaġġ li ħalla fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook Cassar sostna hekk; “wara l-inċident tal-lum hemm bżonn kbir ta’ demm fl-Isptar Mater Dei. Nixtieq illi kont wieħed minn dawk li taw id-demm, imma minħabba l-orjentazzjoni tiegħi ma nistax. Meta se jsir xi ħaġa dwar dan?” 

Kienu bosta li rreaġixxew għal dak li qal Cassar, fosthom Cyrus Engerer li kien wieħed min-nies li mexxew ’il quddiem bidliet fil-liġijiet biex setgħu daħlu l-Unjoni Ċivili u żwieġ ugwali fost l-oħrajn. Engerer fakkar illi l-Partit Laburista wiegħed bidla f’din il-liġi fl-aħħar elezzjoni.

Fil-fatt il-Programm Elettorali tal-Partit Laburista ‘L-Aqwa Żmien’ jgħid ċar f’paġna 157 li se “titneħħa d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTIQ li bħalissa ma jistgħux jagħtu d-demm.”

Is-sitwazzjoni madwarna

Franza, fost l-oħrajn, irrilassaw sew il-liġijiet tagħhom billi ffokaw aktar fuq atteġġjament sesswali riskjuż milli fuq l-orjentazzjoni sesswali.  Il-Ministru Franċiża responsabbli minn dawn il-bidliet kienet qalet illi diskriminazzjoni ta’ donaturi bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali hija “inaċettabbli” u huwa biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ sigurtà ta’ min se jingħata d-demm li għandu jkun hemm limitazzjoni jew projbizzjoni tal-għoti tad-demm.”

Fil-Kanada wkoll, il-Gvern Liberali ta’ Justin Trudeau qed jaħdem biex ineħħi din id-diskriminazzjoni, fuq il-bażi ta’ wegħda elettorali. Petizzjoni li għaddejja bħalissa tħeġġeġ lill-Gvern biex iwaqqaf din il-prattika. Fil-Kanada din il-prattika mhix daqstant ‘assoluta’ bħal Malta hekk kif raġel ma jkunx jista’ jagħti d-demm biss jekk ikollu kuntatt sesswali fl-aħħar sena.

Fir-Renju Unit, is-sena l-oħra kien hemm tibdiliet fil-liġi biex issa persuna gay tista’ tagħti d-demm jekk ma kellhiex kuntatt ma’ raġel ieħor fl-aħħar tliet xhur.

L-‘Advisory Committee on the Safety of Blood, Tissues and Organs li jagħti pariri lid-Dipartiment tas-Saħħa tar-Renju Unit, irrakomanda il-bidliet wara li kkonkluda illi s-sistemi ġodda ta’ ttestjar huma preċiżi.

Il-Gvern kien spjega kif id-demm kollu li jingħata b’donazzjoni fir-Renju Unit jgħaddi minn testijiet mandatorji għal Hepatitis B u C u HIV fost oħrajn. Xjentisti li tkellmu mal-BBC qalu illi tliet xhur huwa biżżejjed żmien biex infezzjoni tidher fid-demm.  Fil-fatt il-Professur James Neuberger mill-istess kumitat qal illi “teknoloġiji biex il-preżenza ta’ virus tkun identifikata llum tjiebu ħafna, jiġifieri nistgħu nidentifikaw virus fi stadju ħafna iktar kmieni...”

Il-Kummissarju tal-Food and Drug Association tal-Istati Uniti, f’Diċembru tal-2014 kien ħabbar bidliet ukoll. Fi projbizzjoni totali bħal dik ta’ Malta, għal sitwazzjoni fejn persuna gay tista’ tagħti d-demm biss jekk ma tkunx għamlet kuntatt sesswali fl-aħħar sena.

Intant, lura Malta l-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li l-Gvern qed jikkunsidra l-bidliet neċessarji biex ikun jista’ jattwa din il-wegħda elettorali partikolari.

 

 

 

(Ir-ritratti li qed jidhru fit-telefonata huma ta' nies differenti li attendew Gay Pride u allura ħafna minnhom huma vittmi ta' din it-tip ta' diskriminazzjoni li għadha teżisti f'pajjiżna)

More in Socjali