Għall-ewwel darba flimkien wara aktar minn 400 sena ta’ storja

Nhar is-Sibt li ġej, għall-ewwel darba fl-istorja, l-erba’ festi tal-Belt Valletta se jingħaqdu f’festa waħda u kbira b’purċissjoni waħda bl-erba' vari titulari

Erba' festi f'waħda...nhar is-Sibt fil-Belt Valletta
Erba' festi f'waħda...nhar is-Sibt fil-Belt Valletta

llum fit-toroq tal-Belt Valletta jista’ jinħass entużjażmu kbir hekk kif il-Beltin qed jippreparaw u jlibbsu lill-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura b’libsa speċjali tal-festa.

Tista’ ma tkunx tħobb il-festi, iżda dak li se jagħmlu l-Beltin illejla u għada ma tistax titilfu, aktar u aktar jekk tħobb l-arti u l-kultura. Filwaqt li l-festi tal-Belt Valletta huma fost l-aktar antiki f’Malta, għall-ewwel darba l-erba’ festi tal-Kapitali se jingħaqdu f’festa waħda u kbira.

Il-qofol ta’ din il-festa, organizzata mill-Fondazzjoni Valletta 2018, se tkun il-purċissjoni li se ssir bl-erba’ vari titulari, jiġifieri tal-Madonna tal-Karmnu, San Duminku, Santu Wistin u San Pawl.

Fil-jiem li għaddew, l-ILLUM niżlet fit-toroq tal-Belt Valletta u tkellmet mal-Beltin, l-aktar dawk li huma direttament involuti fl-erba’ festi.

Fuq fomm kulħadd l-istess kelma: “Kull meta l-Beltin ingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw, dejjem ħarġu ta’ nies.”

Għalkemm dejjem ikun hemm xi ftit tal-pika, bejn partitarji ta’ festa u oħra, l-organizzaturi li tkellimna magħhom kollha saħqu li l-kumitati dejjem ikkollaboraw flimkien, iżda għal din il-Festa l-Kbira, ingħaqdu aktar minn qatt qabel, bil-għan li l-festa li se jiċċelebraw tkun tixraq lill-erba’ patruni tal-kapitali.

Fil-fatt, għall-ewwel darba, it-toroq tal-Belt Valletta huma mżejna bl-armar tal-erba’ festi kollha kemm huma. Għalhekk, il-Belt Valletta se tkun qed ixxid din il-libsa għall-ewwel darba wkoll.

L-erba’ festi żejnu t-toroq rispettivi tagħhom, iżda Triq ir-Reppubblika hija mżejna bil-pavaljuni tal-erba’ festi. F’din it-triq, kull festa armat 3 pavaljuni, mis-sett tagħha.

L-armar se jkun qed jingħaqad mal-logħob tan-nar, il-fustuni, id-daqq tal-baned li se jakkumpanjaw lil kull vara u dak kollu li jagħmel il-festa Maltija dik li hi.

Apparti minn hekk, se tkun okkażjoni speċjali wkoll għall-baned tal-Belt Valletta, is-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali la Valette u s-Socjetà Filarmonika King’s Own li llejla se jingħaqdu f’marċ mat-toroq tal-Belt u anke kunċert fi Pjazza San Ġorġ.

Kien hemm min ma qabilx ma’ din l-inizjattiva u ddeskriviha bħala “logħob bil-knisja” u “logħob bil-vari.” Minkejja dan, din mhux se tkun ċelebrazzjoni kulturali biss iżda matulha se jkun hemm ukoll mument ta’ talb li se jitmexxa mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna.

L-armar fil-festi tal-Belt fl-aqwa tiegħu
L-armar fil-festi tal-Belt fl-aqwa tiegħu

X’inhu l-programm għal dawn il-jiem?

Illejla fis-7:30pm, il-Banda King’s Own u l-Banda la Valette jibdew marċ minn Pjazza Ħelsien sa Pjazza San Ġorġ, biex fid-9:00pm, itellgħu kunċert konġunt.

Għada, is-Sibt 7 ta’ April, il-programm jibda filgħodu fil-11:45am. Le mhux bil-marċ ta’ filgħodu, imma bir-Regatta fil-Port il-Kbir. Din se ssir għada, minħabba li Jum il-Ħelsien, ħabat Sibt il-Għid.

Il-programm ikompli fil-5:00pm, b’quddiesa ċċelebrata fl-erba’ knejjes involuti biex fis-6:00pm, l-erba’ baned mistiedna jilqgħu l-vari titulari waqt il-ħruġ tagħhom mill-knejjes rispettivi.

Għall-ħabta tas-7:00pm l-erba’ vari jiltaqgħu għall-ewwel darba fi Pjazza San Ġorġ. Fis-7:35pm, tibda ċelebrazzjoni u mument ta’ talb immexxi mill-Arċisqof u fit-8:00pm il-vari jimxu f’purċissjoni waħda tul Triq ir-Repubblika sa Pjazza Ħelsien.

Il-Beltin u s-16 ta’ Lulju...

Il-Madonna tal-Karmnu tal-Belt
Il-Madonna tal-Karmnu tal-Belt

Waħda mill-aktar festi antiki fil-Belt Valletta hija dik tal-Madonna tal-Karmnu u tmur lura għall-1657. Għall-kuntrarju tal-festi l-oħra tal-Belt Valletta, din il-knisja ma għandhiex parroċċa marbuta magħha, iżda l-Komunità Karmelitana tmexxi dan is-Santwarju Bażilika li ta’ kull sena jiġbor fih mijiet ta’ devoti minn Malta u Għawdex.

Fil-fatt, meta l-gazzetta ILLUM, żaret dan is-Santwarju, il-Pirjol Patri Alex Scerri O.Carm u anke l-voluntier Joe Cioffi, semmewlna d-devozzjoni bħala waħda mill-karrateristiċi ewlenin ta’ din il-festa. Kollox beda mill-kwadru tal-Madonna tal-Karmnu li kien l-ewwel wieħed f’Malta u Għawdex inkurunat mill-Kapitlu tal-Vatikan, nhar il-15 ta’ Lulju tal-1881. Minn hawn, id-devozzjoni tal-Madonna tal-Karmnu tista’ tgħid li nxterdet madwar Malta u Għawdex.

Il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, issir kull sena fis-16 ta’ Lulju, jiġi meta jiġi, anke jekk fost il-ġimgħa. “Lanqas nimmaġinawna niċċelebraw il-festa f’data oħra,” qalulna. Huma ħafna dawk li jimxu wara l-vara tal-Madonna tal-Karmnu, hekk kif l-ewwel parti tal-purċissjoni tieħu forma ta’ pellegrinaġġ, b’dawk preżenti jitolbu bit-talba tar-Rużarju.

Din il-vara ġiet skolpita fl-injam fl-1781 minn Vincenzo Dimech. L-istatwa tistrieħ fuq pedestall tal-fidda disinn ta’ Abraham Gatt u nħadem fil-Ġermanja mid-ditta Galvoplastih Geislingen Steige.

Għall-Karmelitani Beltin din is-sena hija waħda speċjali hekk kif fl-aħħar xhur kien għaddej ix-xogħol fuq il-paviment il-ġdid tal-irħam u matul din il-ġimgħa qed jiċċelebaw festi speċjali li jilħqu l-qofol tagħhom bil-konsagrazzjoni tal-Knisja.

San Duminku u l-Portu Salvu

San Duminku tal-Belt
San Duminku tal-Belt

Festa oħra antika fil-Belt Valletta hija dik ta’ San Duminku. Għalkemm din hija l-festa titulari tal-akbar parroċċa Beltija, ftit huma dawk li jafu li din il-Bażilika mhijiex iddedikata lil San Duminku, imma l-Madonna taħt it-titlu tal-Portu Salvu.

Fil-fatt kien San Duminku stess li wera x-xewqa li l-knejjes kollha tad-Dumnikani jkunu ddedikati lill-Madonna. Fil-fatt anke fil-Birgu. Minkejja li tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Duminku, il-knisja tad-Dumnikani hija ddedikata lil-Lunzjata.

Kien il-Papa San Piju V, l-istess Papa li għen fil-bini tal-Belt Valletta, li fit-2 ta’ Lulju tal-1571 iddikjara lil din il-Knisja tad-Dumnikani bħala “il-Parroċċa ewlenija u matriċi tal-Belt il-ġdida.”

San Duminku għandu post speċjali fost il-ħafna Beltin li tgħammdu f’din il-parroċċa, anke jekk joqogħdu f’żoni oħra tal-Belt. Fi kliem il-Kappillan ta’ San Duminku, Patri Michael Camilleri O.P, “San Duminku huwa sabiħ minħabba uliedu.” Meta nżilna sa San Duminku sibna lil Anthony Carl Caruana, jarma s-Sepulkru tal-Bażilika. Għalkemm huwa mill-Isla għandu seba’ mitt sena biex jingħaqad mal-Beltin f’din il-festa.

Normalment, il-festa ta’ San Duminku ssir fl-ewwel Ħadd ta’ Awwissu. Il-vara ta’ san Duminku, imnaqqxa fl-injam, hija xogħol ta’ artist Spanjol u saret fl-1678. Din il-vara tinħareġ darbtejn fis-sena, hekk mis-sena li għaddiet reġgħet tqajmet tradizzjoni antika li San Duminku jinħareġ ukoll fil-purċissjoni tal-Madonna tar-Rużarju.

Pawlu tal-Maltin

San Pawl tal-Belt
San Pawl tal-Belt

B’xi mod jew ieħor kulħadd jassoċja ruħu ma’ San Pawl. Kien San Pawl li waslilna l-fidi u kull familja għandha xi ħadd li jismu Pawlu, Paul, Pawla jew Pawlina. Iżda bla dubju ta’ xejn, il-Pawlini Beltin huwa l-aktar magħrufa għall-imħabba tagħhom lejn San Pawl.

Hija festa partikolari, hekk kif hija waħda mill-ftit festi li jiġu ċċelebrati fix-xitwa. Mhux l-ewwel darba li l-maltemp li wassal lil San Pawl Malta jħabbat lid-dilettanti ta’ din il-festa. Iżda l-Pawlini Beltin huma baħrin tal-maltemp. Il-President tal-Għaqda tal-Pawlini, Mario Cassar, meta tkellem mal-ILLUM saħaq: “lanqas nimmaġinawna niċċelebraw il-festa fis-sajf.”

Apparti li hija waħda mill-festi tal-Beltin, hija wkoll festa tal-Maltin hekk kif nhar l-10 ta’ Frar hija waħda mill-Festi Pubbliċi. Dan jagħmel lill-Pawlini Beltin kburin ħafna bil-festa li jiċċelebraw.

Magħrufa ħafna f’din il-festa, hija l-istatwa kapolavur ta’ San Pawl, minquxa fl-injam mill-artisti Melchiore Gafà u anke l-ġirja tradizzjonali fid-dħul tal-vara. Iżda apparti minn hekk, il-Pawlini Beltin huma kburin ukoll b’żewġ relikwi meqjuma fil-Kolleġġjata Pawlina, jipifieri d-driegħ tal-Appostlu u parti mill-kolonna tal-martirju.

Ma setax jonqos, li fit-toroq ta’ din il-parroċċa niltaqgħu ma’ Hector Bruno, wieħed mill-personalitajiet Maltin l-aktar maħbuba u fuq kollox Belti u Pawlin. Hector Bruno wkoll entużjast biex jara lill-qaddis favorit tiegħu jiltaqa’ mat-tliet patruni oħra tal-Belt Valletta. “Aħna nifirħu b’dak kollu li hu Belti,” saħaq Hector.

Santu Wistin għadu jiżżanżan imma...

Il-vara l-ġdida ta' Santu Wistin
Il-vara l-ġdida ta' Santu Wistin

Il-vara ta’ Santu Wistin iżżanżnet f’Ottubru li għadda u donnu ma felħitx tistenna milli tiltaqa’ ma’ sħabha, it-tliet vari l-oħra tal-Belt. Din il-vara tnaqqxet fl-injam is-sena li għaddiet, mill-artisti Alfred u Aaron Camilleri Cauchi. Fil-fatt għadha ma ngħatatx iż-żebgħa u għal din il-purċissjoni se tkun qed toħroġ fl-istat orġinali tagħha, jiġifieri tal-injam.

Il-parroċċa Agostinjana hija pjuttost żagħżugħa, tant li matul din is-sena qed tiċċelebra l-ħamsin sena mit-twaqqif tagħha. Il-festa wkoll hija pjuttost żagħżugħa u għalkemm ingħatat il-ġenb fis-snin li għaddew, fl-aħħar snin reġgħet qed tingħata l-ħajja u tieħu forma ta’ festa aktar tradizzjonali.

L-ILLUM tkellmet mal-Kappillan, Patri Deo Debono OSA, magħruf għall-ħidma u l-entużjażmu tiegħu. Fil-fatt, jekk tinżel il-Belt din il-ġimgħa, żgur se tarah jgħin liż-żgħażagħ itellgħu l-pavaljuni.

Il-President tal-Kumitat tal-festa, Vince Grech Mallia, tkellem magħna dwar l-għaqda li spikkat bejn il-kumitati tal-festi tal-Belt waqt il-preparazzjonijiet għall-Festa l-Kbira. “Il-pika ħafna drabi joħolquha dawk li jiġu għall-festa biss u ma jtukx ċenteżmu donazzjoni,” saħaq Vince.

Minn din is-sena, l-Agostinjani Beltin se jibdew jiċċelebraw il-festa f’Settembru hekk kif f’dawn l-aħħar snin kienet qed tiġi ċċelebrata f’Mejju. Wara l-esperiment tas-sena li għaddiet, li jidher li mar tajjeb, il-purċissjoni se tibda ssir nhar il-festa filgħodu u mhux filgħaxija.

 

More in Socjali