‘F’każ ta’ kriżi pajjiżna għandu biss 24 siegħa ta’ ilma’

Malta tibqa’ riesqa bil-mod il-mod lejn kriżi bla preċedent ta’ nuqqas ta’ ilma

Ħafna ġenituri jħobbu jfakkru lil uliedhom biex iżommu xi ħaġa tal-flus fil-ġenb għal meta jinqala’ l-bżonn, ‘save for a rainy day’ kif tgħid l-espressjoni bl-Ingliż. Sfortunatament iżda, ma jidhirx li din l-idea għaqlija ta’ ppjanar estendiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ waħda mill-aktar riżorsa importanti għall-ħajja; l-ilma.

L-idrologu Marco Cremona huwa sobriju fi kliemu u jikxef realtà pjuttost makabra li qed tħares f’għajnejna lkoll, “jekk għal xi raġuni, allaħares qatt, l-impjanti tar-Reverse Osmosis jieqfu jaħdmu jew jekk allaħares qatt ikollna attentat ta’ attakk fuqhom dan il-pajjiż ikollu, statistikament jumejn biss ta’ provvista ta’ ilma. Bħalissa,” ikompli jisħaq Cremona mal-ILLUM, “b’din is-sħana u nixfa u b’eluf ta’ turisti f’pajjiżna l-probabbilità hija li lanqas dawk it-48 siegħa m’għandna. Imma qed inħarsu lejn sitwazzjoni li pajjiżna kieku jkollu biss ftit iktar minn ġurnata ta’ ilma, bħala provvista.”

Cremona jfakkar f’żewġ avvenimenti, wieħed li fil-fatt jirrigwarda attentat ta’ attakk fuq pajjiżna mill-eks Dittatur Libjan Muammar Gaddafi u t-tieni sitwazzjoni reali li ġrat fil-gżejjer Maldives, li bħal Malta jsofru minn nuqqas ta’ ilma tal-pjan. Dwar l-attakk ta’ Gaddafi, Cremona jfakkar kif fl-eqqel tar-rivoluzzjoni Libjana, meta l-Gvern Malti mmexxi mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien irrifjuta li jagħti lura żewġ ajruplani maħrubin mil-Libja, l-awtoritajiet tar-reġim ta’ Gaddafi kienu heddew illi jisplodu vapur li kien fih 250,000 barmil ta’ gażolina u li kien maqbud qrib Malta b’sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti. Cremona jfakkar kif fil-fatt l-għan tal-attakk kien li jwaqqaf l-impjanti tar-Reverse Osmosis bil-konsegwenza li l-forniment tal-ilma tal-pjan jieqaf. Dan kien ifisser li Malta kienet tbati minn konsegwenzi koroh ta’ nuqqas gravi ta’ ilma.

Lil hinn minn pajjiżna Cremona jfakkar kif il-gżejjer tal-Maldives, b’nuqqas ta’ ilma bħal pajjiżna, ukoll għaddiet minn kriżi kbira hekk kif fl-2014 kien hemm nar fl-impjant simili tar-Reverse Osmosis bil-konsegwenza li dawn waqfu jaħdmu u l-gżejjer sofrew minn kriżi ta’ nuqqas ta’ ilma. Fil-fatt kellha tkun l-Indja li tidħol għal dawn il-gżejjer billi titrasporta xejn inqas minn 1,000 tunnellata ta’ ilma tajjeb għax-xorb lejn dawn il-gżejjer.

‘Tlifna sena oħra...’

Kien preċiżament dan iż-żmien is-sena l-oħra fil-ħarġa tal-gazzetta ta’ nhar il-Ħadd 14 ta’ Awwissu 2016 illi l-eks Assistent Direttur fid-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent fil-MEPA Alfred Baldacchino kien qal lil din il-gazzetta illi jekk l-affarijiet jibqgħu ma jinbidlux Malta riesqa biex issir deżert, b’qerda tal-agrikoltura. Charles Galdies, eks Kap tal-Uffiċċju Metereoloġiku, kien bassar li din is-sena kien se jkollna xitwa u sena b’temperaturi simili jew ogħla minn tas-sena l-oħra, filwaqt li Marco Cremona stess fil-ħarġa tal-Ħadd 21 ta’ Awwissu 2016 kien wissa dwar ippompjar tal-ilma tal-pjan “bil-goff” u ddeskriva l-istqarrija ta’ Baldacchino dwar deżertifikazzjoni bħala ‘reali mhux sensazzjonali’.

Sena wara r-rapporti fuq din il-gazzetta, fejn ninsabu? “Tlifna sena oħra,” jibda jirrispondi l-Idrologu Cremona li jfakkar kif minkejja l-wegħdiet politiċi li saru, inkluż mill-partit fil-Gvern, baqa’ ma sar xejn biex pajjiżna jkollu pjan serju dwar l-ilma. “Nagħmlu proġetti u nonfqu l-miljuni fuqhom imma m’għandniex pjan. Infaqna €60 miljun biex bnejna mina biex l-ilma tax-xita jmur kollu fil-baħar. Bnejna impjanti tad-drenaġġ biex dan ikun trattat u jkun tajjeb biex issir it-tisqija tal-għelieqi, imma bnejna l-impjanti ’l bogħod wisq miż-żoni fejn hemm il-biedja.”

Cremona, f’eku ta’ dak li qal is-sena l-oħra wkoll f’appelli li milli jidher waqgħu fuq widnejn torox, qal illi l-ilma tal-pjan qed isir dejjem iktar mielaħ, tant li għal xi bdiewa dan lanqas biss baqa’ tajjeb għall-użu.

Mistoqsi minn din il-gazzetta x’se jkunu r-riperkussjonijiet jekk is-sitwazzjoni tibqa’ tali u jibqa’ ma jkunx hemm azzjoni għas-salvazzjoni ta’ din ir-riżorsa, Cremona sostna illi l-ewwel li se tbati hija l-biedja. “Il-biedja tinqered għax tiddependi mill-ilma tal-pjan, m’għandhiex għażla oħra. Mhux bħal-lukandi, pereżempju jew min jimla l-iswimming pools li jimlihom mill-ilma tal-pjan.” Cremona saħaq kif konsegwenza ta’ dan l-għelieqi jisfaw abbandunati u tibda dieħla l-idea ta’ urbanizzazzjoni totali tal-pajjiż.

Fuq l-aspett iktar ekonomiku ta’ din il-kwistjoni Cremona fakkar li inqas kemm l-Korporazzjoni tal-ilma ttella’ ilma mill-pjan, iktar tkun dipendenti fuq l-impjant tar-Reverse Osmosis. Dan ikun ifisser illi l-impjant ikollu jżid il-produzzjoni bi spejjeż ikbar u allura l-produzzjoni tal-ilma tibda tiswa iktar flus.

“Qed ngħixu kontradizzjoni,” temm jgħid Cremona, “hemm problema, nafu li hemm problema imma nibqgħu nibnu xi piċċ kbir tal-waterpolo tal-ilma ħelu għax isbaħ hekk u jġibilna aktar voti u nibqgħu nagħmlu l-waterparks ħdejn il-baħar...”

Intant il-gazzetta Maltatoday f’Lulju li għadda rrapportat kif fl-2016 ittellgħu xejn inqas minn 424,000 metru kubu ta’ ilma, ekwivalenti għal 212-il miljun flixkun tal-ilma. Dan huwa biss kalkolu tal-ilma li jittella’ minn taħt l-art għal skopijiet kummerċjali.

More in Socjali