'Kulħadd jistħi jitkellem dwar l-IVF...jien kont ibbuljata għax tkellimt'

'Jien filgħodu kont inqum, u l-unika ħaġa li naħseb dwarha kien li ma jistax ikolli tfal'

‘Huwa tal-mistħija li titkellem dwar il-problema tiegħek’

Lura f’Mejju li għadda, Amanda Briffa kienet indirizzat il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista sabiex titkellem dwar l-esperjenza tagħha issa li saret omm permezz tal-IVF. Imma fil-verità, kemm hi diffiċli li titkellem fil-pubbliku dwar problema daqstant personali tal-koppja?

F'intervista mal-gazzetta ILLUM, Amanda u Anton Briffa tkellmu dwar id-diffikultajiet li għaddew minnhom sabiex isiru ġenituri u finalment fil-proċess tal-IVF. Amanda tgħid li mhix faċli titkellem dwar l-esperjenza tiegħek tal-IVF, għaliex fl-aħħar mill-aħħar, huwa falliment. “Hija diffiċli u tal-mistħija wkoll għaliex trid tikxef il-problemi tiegħek, u huwa għalhekk li ħafna nies ma jurux. Imma hija imbarazzanti li tmur tgħid lil xi ħadd li se tagħmel l-IVF.”

'Persuna li għandha ħafna tfal u ma batietx għalihom, ma tistax tifhem lil xi ħadd li jagħti ħajtu biex ikollu tarbija'

Meta mistoqsija dwar jekk taħsibx li għad hawn stigma fuq dawk il-persuni li jkunu għamlu l-IVF, Amanda u Anton jgħidu li l-istigma hemm għadha u m’hemmx edukazzjoni fuqha. “Kulħadd jisħti jitkellem dwarha u ma naħsibx li kien hemm titjib. Jista’ jkun għax forsi kienet kwistjoni politika, imma jiena stess kont ibbuljata għax tkellimt,” sostniet Amanda. Hawnhekk tgħid kif għandu jkun hemm iktar nies li jitkellmu dwar is-sitwazzjoni tagħhom għax “kulħadd irid il-bidla fil-liġi imma ħadd mhu lest li joħroġ għonqu. Bħalissa nħoss li jekk bil-kelma tiegħi tista’ ssir xi bidla għal koppji oħra, għalfejn ma nitkellimx?”

Hawnhekk, Anton jitkellem dwar id-diffikultà meta ma ssibx sostenn minn nies fuq il-post tax-xogħol, għaliex għall-kuntrarju ta’ Amanda, Anton saħaq li kien isib il-problemi sabiex jingħata l-leave tiegħu, “mhix faċli għax ħadd ma jifhmek. Għalihom, la mhux mard, dan mhux mard.”

Amanda tgħid kif dan kollu jkompli jżid mal-istress li diġà jkollha l-koppja, “u allaħares ma sibtx sapport minn tax-xogħol, għax ara kemm tkun ikbar il-problema li kieku fuq moħħi kelli l-biża’ li nista’ nitlef ix-xogħol ukoll.”

Il-koppja Briffa żżid tgħid li hemm bżonn li n-nies ikunu iktar tolleranti, “persuna li għandha ħafna tfal u ma batietx għalihom, ma tistax tifhem lil xi ħadd li jagħti ħajtu biex ikollu tarbija.”

‘Biex taċċetta li tkun tqila, tkun diffiċli’

Meta konna qed niddiskutu t-tqala li wasslet għall-wild ta’ sena u xahrejn tal-koppja Briffa, Amanda rrakkuntat kif hi ma kinetx setgħet temmen li kienet tqila. “Il-fatt li tkun IVF, biex taċċetta li tkun tqila, tkun diffiċli,” tgħid Amanda waqt li tiftakar kif kienet tagħmel ħafna testijiet tat-tqala għaliex ma kinetx trid temmen. “Niftakar anke b’żaqq daqsiex kont ngħidlu li r-raġel, żgur għandhom xi żball, u nistaqsi, imma jiena vera tqila? U llum, meta nħares lejn it-tifel nibda ngħid, imma dan it-tifel, żgur tiegħi? Għax hi xi ħaġa li tant tkun ilek tistenna, li ma tistax temminha,” kompliet tgħid Amanda.

Qabel, tagħmel x’tagħmel, xejn ma kien jikkuntentani. Illum il-ġurnata, inħares lejn it-tifel u għalija tista’ taqa’ d-dinja. U xejn ma jagħmilni iktar kuntenta milli nħares lejn it-tifel

‘Xejn ma kien jimporta ħlief li jien mara li ma jistax ikollha t-tfal’

Amanda titkellem dwar l-infertilità bħala xi ħaġa kiefra li tibqa’ l-unika ħaġa li tħaseb fuqha. “Jekk f’ħajti jien dejjem għamilt il-miri u naħdem biex nilħaqhom, fl-infertilità, ma tista’ tagħmel xejn biex tilħaq il-miri tiegħek. Meta tkun infertili, tkun sempliċiment infertili, m’intix la bint, la mara, xejn... Jien filgħodu kont inqum, u l-unika ħaġa li naħseb dwarha kien li ma jistax ikolli tfal. Ma nqumx u naħseb li jiena fuq ix-xogħol għamilt suċċess, jew li għandi żwieġ feliċi jew li qed nagħmel il-ġid. Xejn ma kien jimporta ħlief li jien mara li ma jistax ikollha t-tfal.”

Illum il-ġurnata, Amanda tgħid li t-tarbija ssalvalek ħajtek meta tkun għaddejja minn dawn il-proċessi. “Qabel, tagħmel x’tagħmel, xejn ma kien jikkuntentani. Illum il-ġurnata, inħares lejn it-tifel u għalija tista’ taqa’ d-dinja. U xejn ma jagħmilni iktar kuntenta milli nħares lejn it-tifel.”

More in Socjali