Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

VOX POP | Il-Malti jmaqdar u jgerger fuq kollox…

L-ILLUM tħares lejn it-tendenza tal-Maltin li jġergru u jmaqdru kollox...speċjalment dak li huwa Malti

Ruben Anthony Xuereb / 3 ta' Mejju 2017 08:20
Min igerger għax ix-xita u min igerger għax ix-xemx, min imaqdar it-toroq kollhom toqob, u min imaqdar xi proġett ġdid li qed isir.

“Maa x’libset dik kemm qiegħda sew”

“Sabiħ eh dak l-attur, ara vera serje Maltin m’għandomx minn fejn jagħżlu...”

Ħadd ma jista’ jiċħad il-fatt li aħna l-Maltin bħala poplu, immaqdru u ngergru fuq kollox. Xejn ma jogħġobna u li nikkritikaw huwa l-isport nazzjonali tagħna li neċċellaw sew fih, aktar minn sports oħra li oħroġ il-għaġeb, immaqdru.

Il-Malti huwa awtokritiku ħafna, speċjalment f’dak li huwa Malti stess. Jekk waqt il-festival għall-Eurovision ta’ Malta nqata’ d-dawl, mela “uff x’pastażata, lanqas festival ma norganizzaw sew,” iżda mbagħad meta waqt iċ-ċerimonja tal-Oscars jiġri l-istess, jew agħar, qisu ma ġara xejn, “u iva d-diretta hux, affarijiet li jiġru, imma kemm huma bravi l-Amerikani hux...”

Iva, l-borma tal-ġar tfuħ aktar minn tad-dar, u aħna l-Maltin neċċellaw biex nesprimu dan mid-dehra. L-ILLUM marret sal-Belt Valletta u staqsiet xi nies jekk jaqblux li l-poplu tagħna jikkritika u jmaqdar, u staqsiethom ukoll minn xiex jaħsbu li ġejja din it-tendenza tal-Maltin.

 

Alex Farrugia mix-Xagħra, Għawdex
Naħseb li t-tendenza li mmqadru kollox hija waħda partikolari tal-poplu tagħna; karatteristika li ngemgmu għal kull ħaġa, u ħafna drabi ma narawx is-sabiħ u t-tajjeb kollu li għandna. Jekk hu vera meta jgħidu li ‘the grass is greener on the other side,’ aħna neċċellaw fiha. Ħafna drabi anke meta nsiefru, naraw u nfaħħru s-sabiħ li naraw u ma narawx it-tajjeb u s-sabiħ li hawn f’pajjiżna.

 

Peter Fenech minn Birkirkara
Il-maġġorparti tal-Maltin hekk jagħmlu, jikkritikaw kollox, l-aqwa li jmaqdru. Huwa veru wkoll li mmaqdru dak li huwa Malti u mhux dak li huwa barrani. Dan narawh f’kollox, fit-futbol eżempju u f’attivitajiet oħra fejn jidħlu l-Maltin. Aħna kapaċi norganizzaw affarijiet kbar bħalma qegħdin nagħmlu bħalissa bil-Presidenza. Aħna kapaċi għal kollox u m’hawx min hu aħjar minna jekk irridu...imma l-aqwa li nmaqdru!

 

Frank Portelli minn Tas-Sliema
Bħala Maltin għandna daqsxejn it-tendenza li ngergru u mmaqdru kollox, imma b’mod ġenerali, pożittivi wkoll fil-mod kif naraw l-affarijiet. Mhux dejjem kollox ħażin. Li nmaqdru aktar dak li hu Malti u mhux il-barrani, jista’ jkun ġej mill-fatt li konna kolonja għal ħafna snin, taħt ħakmiet differenti u bqajna b’dik l-idea li ‘tagħna’ ħażin u ‘tagħhom’ aħjar. Biż-żmien imma naħseb li l-mentalità, speċjalment fost iż-żgħażagħ, qed tinqata’ hekk kif għandhom aktar kunfidenza.

 

Benny minn Naxxar
Tiċċajta jekk immaqdrux kollox aħna! U ngħidu fuq xulxin. Naħseb li aħna l-Maltin minna hekk, immaqdru kollox. Jekk isir monument immaqdruh, jekk isir proġett insibu xi mmaqdru fih, it-tajjeb immaqdruh, il-ħażin immaqdruh...kollox insomma. Aħna l-Mediterranji hekk aħna. Irridu mmaqdru kollox, u nifhmu f’kollox!

 

Grace Barbara minn Ħal Għaxaq
Naħseb, anzi mija fil-mija li għandna vizzju mmaqdru kollox aħna. Ingergru u mmqadru. Veru wkoll li ssib min ma jmaqdarx ukoll, imma l-biċċa l-kbira, jew naqra jew ħafna, kullħadd igerger. Nemmen li r-raġuni għat-tgergir hija meta l-affarijiet ma jkunux qegħdin sew.

 

Therese Grech minn Bormla
Aħna l-Maltin bħala poplu ġejna kkundizzjonati biex inkunu passivi f’kollox, nikkundizzjonaw moħħna fin-negattiv u mmaqdru u ngergru fuq kollox. Mhux ta’ b’xejn li l-Inglizi lilna l-Maltin kienu jgħidulna ‘Maltese gemgem’.

Jien nifhimha li din l-attitudni ġejja mill-fatt li għaddejna minn tmien sekli ta’ ħakma barranija. Dawn il-ħakmiet barranin lilna m’għallmuna xejn u sservew bina biss, ħadu li riedu huma u lilna żammewna lura. Allura naħseb bilfors li meta pajjiż jgħaddi minn dan kollu, tirrassenja ruħek u taċċetta s-sitwazzjoni. Imbagħad jiġri bħal meta l-għasfur joħroġ mill-gaġġa u ma jkunx jaf x’se jaqbad jagħmel. Fil-każ tagħna, immaqdru u ngergru!

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook