Aġġornat | Karozza tisplodi fl-Imsida. Is-sewwieq, Romeo Bone jitlef saqajh it-tnejn

Fil-qalba tal-Imsida, splodiet karozza, li fiha s-sewwieq tilef saqajh it-tnejn. Persuni oħra li kienu f'karozzi viċin ta' dik li splodiet weġġgħu ukoll.

Il-karozza li ħadet in-nar iktar kmieni llum fl-Imsida, u Romeo Bone (inset) li weġġa serjament fl-isplużjoni | ritratt: Chris Mangion
Il-karozza li ħadet in-nar iktar kmieni llum fl-Imsida, u Romeo Bone (inset) li weġġa serjament fl-isplużjoni | ritratt: Chris Mangion

Għall-ħabta tal-10:40 ta' dalgħodu, splodiet karozza tat-tip Renault ħdejn il-monument tal-ħaddiema, fi Triq Marina, l-Imsida.

Is-sewwieq tal-karozza, Romeo Bone, ta' 40 sena mill-Furjana, li huwa magħrufa mal-Pulizija, tilef saqajh it-tnejn fl-isplużoni. Huwa nħareġ minn xi nies li kienu fuq il-post, mill-karozza tiegħu li ħadet in-nar wara l-isplużjoni. Aktar tard, mal-wasla tal-amublanza, huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei fit-taqsima tal-kura intensiva.

Romeo Bone, inħareġ mill-karozza taqbad minn xi nies li kienu fil-viċin
Romeo Bone, inħareġ mill-karozza taqbad minn xi nies li kienu fil-viċin

Min hu Romeo Bone?
Is-sena li għaddiet, Romen Bone inħeles minn akkużi li fi Frar tal-2007, kien wettaq serqa ta' ġojjelli mill-"Luxe Pavilion Diamonds International" f'Portomaso, San Ġiljan għal valur ta' madwar €233,000. Huwa kellu wkoll każ pendenti ieħor fil-Qorti dwar, dwar fastidji, bl-intent ta' qtil, fil-konfront ta' uffiċjal tal-Pulizija, li kien ix-xhud prinċipali f'każ ieħor fil-Qorti.

Ritratt: tvm.com.mt
Ritratt: tvm.com.mt

Żewġ persuni oħra, li kienu jinsabu fil-karozza ta' wara dik li splodiet, indarbu wkoll. Tliet persuni oħra, li kienu fil-viċinanzi ta’ fejn seħħet l-isplużjoni, ittieħdu wkoll l-isptar sabiex jingħataw il-kura meħtieġa minħabba x-xokk li ġarrbu.

Din kienet it-tieni karozza li splodiet din is-sena, li filwaqt li mhux uffiċjalment ikkonfermat, kollox jipponta lejn karozza bomba oħra. L-ewwel każ ta' karozza bomba ta' din is-sena seħħ fid-29 ta' Jannar li għadda fil-Marsa, fejn Victor Calleja ta' 61 sena mill-Ħamrun, magħruf bħala ċ-Chippy tilef ħajtu.

Dak li fadal mill-karozza li ħadet in-nar fl-Imsida  | ritratt: Chris Mangion
Dak li fadal mill-karozza li ħadet in-nar fl-Imsida | ritratt: Chris Mangion

L-isplużjoni tal-llum instemgħet minn distanzi madwar l-Imsida inkluż l-Università.

Sakemm il-Pulizija u l-Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili kontrollaw is-sitwazzjoni, it-triq inżammet magħluqa, bil-konsegwenza ta' konġestjoni ta' traffiku kbira mal-madwar.

More in Socjali