KOKAINA: Destinazzjoni marċ tal-festa

Parti mill-15 Kg kokaina maqbudin f’Mercedes kienet se tinbiegħ matul il-festa t’Għajnsielem iċċelebrata l-ġimgħa li għaddiet

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu mal-ILLUM qalu li parti sostanzjali mill-15kg ta’ droga maqbudin fil-Mercedes tal-Għawdxi Joseph Rodney Grima, kienu destinati lejn il-famużi parties kbar li jiġu organizzati f’Għajnsielem matul din il-ġimgħa tal-festa. Grima nnifsu, iben il-kuntrattur Għawdxi magħruf bħala ‘l-Ġiegu’, huwa mill-istess lokalità.

Minkejja li l-ammont kbir maqbud ifisser li parti mill-kokaina kienet se tinbiegħ lit-traffikanti wkoll, is-sorsi tagħna spjegaw kif iż-żmien li fih kienet dieħla l-kokaina, “kien maħdum bizzilla biex jaqdi d-domanda li jkun hemm għal din id-droga rikreattiva u li qed issir popolari sew matul il-marċi.”

Filwaqt li aċċertawna li dan il-fenomenu mhux marbut ma’ Għajnsielem biss imma huwa realtà fil-festi kollha, is-sorsi tal-ILLUM qrib il-Korp sostnew li dik t’Għajnsielem hija l-aktar festa li fiha jkun ikkunsmat xorb u jsiru parties f’Għawdex, bil-konsegwenza li tiżdied id-domanda għall-kokaina.

Fil-fatt, l-ILLUM hija infurmata wkoll li wara l-qabda, din is-sena l-provvista tal-kokaina fil-marċ  tal-Ġimgħa kienet iktar skarsa, hekk kif kien hemm prekawzjonijiet partikolari.

Joseph Rodney Grima akkużat li importa 15 kilo kokaina... parti sostanzjali minnha destinata għal Għajnsielem
Joseph Rodney Grima akkużat li importa 15 kilo kokaina... parti sostanzjali minnha destinata għal Għajnsielem

Joseph Rodney Grima ta’ 23 sena, ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €50,000 wara li kien akkużat li importa u kellu fil-pussess tiegħu 15kg kokaina.

L-Avukat Ġenerali mistenni jappella mid-deċiżjoni li ta l-Maġistrat Antonio Micallef Trigona

‘Mhux Għajnsielem biss, imma kważi kullimkien’

L-istess sorsi saħqu bosta drabi iżda li, “jekk irridu nkunu onesti, ikun ta’ xejn li nħarsu lejn dan il-każ f’iżolament, għax fil-fatt bħall-marċ ta’ Balzunetta, hemm ħafna iktar f’Malta.”

Dan jikkonfermah kliem l-Ispettur Dennis Theuma li jmexxi l-iskwadra kontra d-Droga f’kummenti li kien ta lil din il-gazzetta nhar il-Ħadd 9 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra. Dakinhar huwa kien qal hekk: ‘Illum il-ġurnata il-festa m’għadhiex marbuta mar-reliġjon, issa l-persuni li jmorru l-marċ tal-festa jkun moħħhom biex jixorbu, jieħdu pjaċir u f’xi każi jieħdu d-droga.’

L-Ispettur Theuma kien qal lil din il-gazzetta kif kienu bosta d-drabi li nstabu ‘pakketti ta’ kokaina u ecstasy f’każini fejn ikun għaddej xi party tal-festa.’

More in Socjali