‘Grazzi ma ta’ dak kollu li għamilt miegħi’

L-istorja ta' Yann, storja ta' kuraġġ, determinazzjoni u pożittività

Il-familja Spiteri: storja ta' pożittività
Il-familja Spiteri: storja ta' pożittività

“Grazzi ma ta’ kulma għamilt miegħi,” qal Yann Spiteri emozzjonat. “Grazzi talli għamiltli kuraġġ u ma qtajtx qalbek.” Dawn kienu l-kliem li Yann Spiteri kellu għal ommu wara li bħala familja kienu għaddew minn esperjenza kiefra ta’ mard. Kliem li ħalla lil kull min kien hemm fil-kamra bla kliem.

Minkejja dan kollu, l-ispirtu pożittiv u l-ottimiżmu tagħhom huwa xi ħaġa kbira, u ta’ min jammira.

F’April li għadda, Yann ta’ 11-il sena ħass uġigħ kbir f’rasu, u wara bosta testijiet irriżulta li kellu tumur f’rasu, li kien jeħtieġ diversi operazzjonijiet hawn Malta, u wara jmur l-Ingilterra u l-Ġermanja għall-kura speċjalizzata. Għalkemm Caroline, l-omm tħoss li binha għadu ma ħariġx minnha kompletament, u minkejja din il-burraxka, meta ltaqgħet ma’ din il-familja, il-gazzetta ILLUM rat familja titbissem u tfittex l-element pożittiv f’dak kollu li tgħaddi minnu.

Illum il-ġurnata, Yann jgħid kif sar japprezza l-iktar affarijiet komuni li qabel ma kienx jagġti kashom. “Jien napprezza li nista’ nqum u nista’ noħroġ barra, u mmur l-iskola. Kulħadd jgħid uff l-iskola, imma meta ma tkunx tista’ tmur, iktar tkun trid tattendi. Jien issa napprezza li nista’ mmur l-iskola u li nista’ noħroġ barra.”                                     

‘Napprezza li nista’ nqum u noħroġ barra’

L-Għid il-Kbir u s-simboli li jduru miegħu, bħall-bajda u t-tiġdid tal-ħajja fir-rebbiegħa, huma lkoll simboli ta’ ħajja ġdida, u tista’ tgħid li hekk huwa dan l-Għid għall-familja Spiteri, li sas-sena l-oħra lanqas biss kienu jistgħu jimmaġinaw minn xiex kellhom jgħaddu fis-sena li kienet ġejja.

F’April tas-sena li għaddiet, Yann kien beda jħoss uġigħ kbir f’rasu li beda jsir iktar frekwenti, iktar ma jgħaddi ż-żmien. Meta kienet tieħdu għand it-tabib, ommu Caroline kienet dejjem tisma’ l-istess ħaġa, jiġifieri li l-uġigħ kien ġej minħabba s-synuses. Iżda dan baqa’ jippersisti u wara iktar testijiet, irriżulta li Yann kellu tumur f’moħħu. Dan kien xokk kbir għall-familja, l-aktar għal Caroline li kellha tirċievi aħbar bħal din waħedha minħabba li r-raġel tagħha kien imsiefer fuq xogħol. It-tumur partikolari li kellu Yann kien qed iġiegħel ċertu likwidu li jkun fil-moħħ li jieqaf jiċċirkola, u għalhekk kien qed joħloq pressjoni fuq il-moħħ, li kien qed iwassal għal dak l-uġigħ ta’ ras. “Ġieli tant kien ikun gravi li nibda nħossni nara doppju għaliex tkun qed issir wisq pressjoni fuq għajnejja,” spjega Yann.

Minħabba f’hekk, lil Yann kellu jsirlu pajp biex jitbattal dan il-likwidu, u ta’ 11-il sena, beda jirċievi l-kimoterapija li spiss kienet tkissru u tħallih għajjien ħafna.

Yann fiż-żmien it-terapija fl-Ingilterra, residenti f'Puttinu House
Yann fiż-żmien it-terapija fl-Ingilterra, residenti f'Puttinu House

Wara dan, il-familja Spiteri kellha titla’ għal sitt ġimgħat l-Ingilterra sabiex Yann jiġi operat biex jitneħħielu t-tumur. Din l-operazzjoni, tispjega Caroline, kienet waħda diffiċi għaliex damet iktar minn seba’ sigħat għaddejja u fiha, daħlu 12ċm ġo rasu biex qerdu t-tumur. Iżda dan ma kienx biżżejjed għaliex kellhom ukoll jitilgħu l-Ġermanja sabiex Yann ikun jista’ jieħu trattament ta’ radjoterapija partikolari li jiġi offrut biss fil-Ġermanja u fl-Istati Uniti, li huwa inqas aggressiv u jattakka biss iċ-ċelloli ħżiena mingħajr ma jimpatta ċelloli oħra. Fil-Ġermanja kellhom idumu sitt ġimgħat fejn Yann kien imur għas-sessjonijiet tat-terapija kuljum.

‘Tant kemm għenuna, ma tistax ma tgħinhomx lura’

Il-familja kellha biss kliem ta’ tifħir għal Puttinu Cares li tant kienet ta’ għajnuna f’dan iż-żmien diffiċli u fil-fatt, Caroline issemmi kif impressjonaha l-fatt li “jiġu jfittxuk huma u mhux int tmur tfittex l-għajnuna, u jgħinuk mingħajr ma jistaqsu l-ebda domanda. Għalija, Puttinu jfisser serħan tal-moħħ.”

L-għajnuna ta’ Puttinu setgħu jarawha iktar biċ-ċar minħabba l-fatt li kellhom imorru wkoll il-Ġermanja għall-kura, li hemmhekk, Puttinu m’għandux mezzi biex jgħin. Hemm raw kemm hi verament iktar iebsa li kieku kellhom jaffaċjaw din il-muntanja mingħajr l-għajnuna ta’ Puttinu Cares fejn kif spjegat Caroline, appartament qrib l-isptar kien jiswiehom minimament €125 kuljum meta kienu l-Ġermanja, u dan meta kellhom iqattgħu sitt ġimgħat għall-kura.

Dan deher bid-differenza għall-għajnuna li rċevew fl-Ingilterra, fejn sabu kollox lest fejn kellu x’jaqsam l-akkomodazzjoni, mgħammra b’kollox biex iħossuhom kemm jista’ jkun komdi f’dan il-perjodu diffiċli. Hawnhekk, Yann jirringrazzja lil Puttinu u jgħid kif tal-inqas, “li morna l-Ingilterra u sibna kollox lest, għalija kien serħan il-moħħ li l-mamà ma jkollhiex xi ħaġa oħra fuq xiex tinkwieta. Biżżejjed kellha l-inkwiet tiegħi!”

Yann jitkellem fuq Puttinu b’ċerta gratitudni u jħosshom daqslikieku huma ‘t-tieni familja tiegħu.’ “Qabel konna nagħtu fil-maratona ta’ Puttinu biex tkun għent, imma meta tkun fiha verament tara kemm jagħmlu ġid dawn in-nies, u mhux biss jgħinuk bil-flus, imma jtellgħulek il-moral biex ma taqtax qalbek,” kompla jgħid Yann.

Entità oħra li kienet kruċjali fil-fejqan ta’ Yann kien il-bank tad-demm u d-donaturi kollha li jsostnuh. Waqt it-trattamenti tiegħu, Yann ġie bżonn ammont sostanzjali ta’ demm u ta’ ‘platelets’, li jinstabu fid-demm, u b’ringrazzjament, it-tfajjel jisħaq li, “kieku ma kienx għal dan nies, għadni ma fieqtx. Bis-saħħa tagħhom, li jagħtu d-demm u l-platelets, stajt infieq iktar malajr.”

Is-sigriet kien li tfittex il-pożittiv’

Għalkemm hi iebsa ħafna, Caroline tistqarr li biex irnexxielha tgħaddi minn dan iż-żmien diffiċli, hi kienet iżżomm quddiem għajnejha li f’kull ħaġa li tiġri, tipprova ssib xi ħaġa pożittiva, “fost dal-ikrah kollu, trid tipprova tfittex u tgħid, kieku ma ġarax hekk, ma kinetx tiġri dik ix-xi ħaġa oħra.”

Hawnhekk, qabeż Yann li qal li pereżempju meta ma setax joħroġ mid-dar għaliex minħabba l-kimoterapija, ix-xemx kienet tagħmillu d-deni, il-pożittiv li kien jara hu li spiss kienu jiġu ħbieb tiegħu d-dar biex jagħmlulu kumpanija.

Yann flimkien ma' ħuħ iż-żgħir Nyle
Yann flimkien ma' ħuħ iż-żgħir Nyle

L-ispirtu kombattenti tal-familja jidher ukoll biċ-ċar fil-fatt li minkejja din l-esperjenza morra, kemm Yann kif ukoll ħuh ta’ tmien snin Nyle irnexxielhom ikomplu fix-xogħol tal-iskola tagħhom anke jekk waqfu mill-attendenza fl-iskola għal xhur sħaħ, billi ma kinux Malta. Dan bil-għajnuna ta’ bosta ħbieb li kienu jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħaddulhom ix-xogħol u l-materjal li kienu jkunu qed jaħdmu fuqu. Bl-għajnuna ta’ ommhom, li kif setgħet, għamlitha ta’ għalliema biex uliedha ma jitilfux mill-iskola, it-tnejn li huma komplew bl-iskola ma’ sħabhom hekk kif ġew lura, u għamlu l-eżamijiet, fejn irnexxielhom imorru tajjeb. Dan kollu wera kif din il-familja, minkejja d-diffikultajiet, kienet qed tagħmel mill-aħjar li tista’ biex turi li l-ħajja kellha tibqa’ għaddejja.

Il-familja kollha ppruvat tagħmel l-almu tagħha biex il-ħajja tkun kemm jista’ jkun faċli u b’inqas tbatija. Hawnhekk, qabeż kburi ċ-ċkejken Nyle, ħu Yann ta’ 8 snin jgħid li wara l-operazzjoni li kellu l-Ingilterra, kien irnexxielu jagħmlu ferħan lil Yann billi qagħad juri xi filmati tad-daħq. Caroline tirrakonta wkoll li rnexxilhom jgħaddu minn dan kollu bl-għajnuna tat-tant ħbieb u familjari li għamlu li setgħu biex jgħinuha tkompli tkun ta’ sostenn għal uliedha, u anke permezz tat-talb li kien jagħmel parti kbira mill-ħajja tagħhom. “Fil-mumenti fejn kont inkun verament iddisprata, kont nitefa’ xi mkien għal kwiet waħdi u nitlob,” temmet tgħid Caroline. 

More in Socjali