L-assenteiżmu fl-iskejjel jonqos bi kważi 16%

L-ammont medju ta' ġranet mitlufa ta' skola huma ta' 13 kull student

In-numru ta' tfal assenti fl-iskejjel tul is-sena akkademika 2013/2014 naqas bi 15.9% fuq is-sena akkademika ta' qabel. B'dan in-numru, l-ammont medju ta' ġranet assenti mis-skola kien ta' 13-il jum għal kull student, li huwa tnaqqis ta' 2.4% fuq is-sena ta' qabel.

L-istudenti subien kellhom livelli ta' assenteiżmu ikbar minn dawk bniet, bit-total ta' ġranet assenti għas-subien mill-ewwel sena tal-Primarja sal-aħħar sena tas-sekondarja tkun ta' 312,829, waqt li l-bniet fallew 284,410 darbiet.

L-ammont ta' ġranet li għalihom m'attendewx it-tfal fl-iskejjel tal-istat naqas b' 22.4% meta mqabbel mas-sena ta' qabel. L-inqas rata ta' ġranet assenti amtul is-sena skolastika 2013/2014 ġiet reġistrata fost l-istudenti li kellhom 9 snin, waqt li dawk li kellhom 16-il sena kienu l-iktar li fallew.

L-aktar żona f'Malta li rreġistrat tfal assenti kienet ix-xlokk ta' Malta li jinkludu lokalitajiet bħal Kottonera, il-Belt Valletta, il-Marsa, Raħal Ġdid, Ħal Luqa, Santa Luċija u Ħaż-Żabbar, bl-ammont ta' ġranet assenti bħala medja ta' kull student kienet ta' 20 ġurnata kull student. Fl-istess waqt, Għawdex kellu l-anqas rata ta' assenteiżmu bil-medja tkun ta' ftit inqas minn 10 ġranet kull student.

More in Socjali