(L-Istorja sħiħa tal-Escort Girls ) Bejn €450 u €3,000 għal jum sħiħ ta’ servizz

Għalkemm illegali wieħed jista jikkuntattjahom faċilment fuq il-mobile li ssibu fuq l-Internet

 

Is-servizz ta’ skorta min-nisa, l-biċċa l-kbira tagħhom barranin, hu wieħed dinamiku f’Malta, Fil-fatt, minn tiftixa ħafifa online, jirriżulta li hawn mijiet ta’ nisa li qed jaħdmu ta’ skorti f’pajjiżna.

Tradizzjonalment, l-eskorti kienu jakkumpanjaw lil raġel jew mara, skont il-każ, għal xi okkażjoni partikolari jew biex jaqtgħu ftit mis-solitudni ta’ nies li, per eżempju, jkunu ’l bogħod minn djarhom. F’dak il-każ, kien ikun mifhum li ma kienx se jkun hemm sess involut. Madankollu f’dan il-każ, is-sess huwa ċertament parti integrali tas-servizz li qed joffru dawn l-eskorti.

Hemm diversi siti li qed jirreklamaw dan is-servizz ta’ escorts. Wara tiftixa sempliċi, wieħed jista’ jsib mijiet ta’ nisa li qed joperaw f’diversi partijiet ta’ Malta, fosthom fuq is-sit ‘Happy Escorts’. L-eskorti li kkuntattjat l-ILLUM qed joperaw f’Tas-Sliema. Fil-fatt f’Tas-Sliema hemm it-tieni l-akbar numru ta’ nisa rreġistrati fuq is-sit bi 324 mara, bl-aktar post popolari jkun San Ġiljan, b’384 mara joffru dan is-servizz. Iżda dawn, mhumiex limitati għal din iż-żona tal-pajjiż, imma jinsabu f’diversi bliet u rħula Maltin inkluż Ħ'Attard, Birkirkara, il-Fgura, il-Ħamrun, il-Gżira, il-Mosta, l-Imsida, in-Naxxar, Raħal Ġdid, Ħal Qormi, ir-Rabat, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Santa Venera, is-Siġġiewi, Ħal-Tarxien, il-Belt Valletta, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, iż-Żejtun, iż-Żurrieq u r-Rabat, Għawdex. Għal kull waħda minn dawn l-eskorti, is-sit joffri ritratti tagħhom f’diversi pożi u anke mingħajr ilbies, kif ukoll il-preferenzi sesswali tagħhom u dawk l-attivitajiet sesswali li lesti jipparteċipaw fihom.

Il-prezzijiet għas-servizzi tagħhom ivarja ferm u jiddependi ħafna fuq is-servizzi mitluba mill-klijent. Filwaqt li għal siegħa ta’ servizzi, il-prezz ivarja bejn €100 u €800, għal jum sħiħ dan jaf ivarja minn €450 sa anke €3,000.

Xi wħud minn dawn l-eskorti jaħdmu privatament, waqt li oħrajn huma rappreżentati minn aġenziji tal-eskorti. Fil-fatt, hemm numru ta’ aġenziji li qed joperaw dan it-tip ta’ servizz f’Malta. Fost dawn hemm Real Escorts VIP Girls, Full Service Real Girls in Malta u Malta Escorts Agency li t-tlieta li huma jgħidu li huma bbażati f’San Ġiljan.

L-ebda waħda minn dawn l-aġenziji ma tirriżulta fir-reġistru tal-kumpaniji u meta din il-gazzetta kkuntatjat lill-uffiċċju tar-reġistru tal-kumpaniji, kien ikkonfermat li l-ebda waħda minn dawn il-kumpaniji mhija fil-fatt reġistrata f’pajjiżna.Hemm mijiet ta’ nisa, il-biċċa l-kbira tagħhom barranin li jaħdmu ta’ eskorti f’Malta. Il-klijenti tagħhom qed iħallsu bejn €100 u €800 fis-siegħa għas-servizzi tagħhom li huma ta’ natura sesswali. ILLUM ikkuntattjat lil xi wħud minn dawn l-eskorti rriklamati fuq siti varji fuq u kkonfermat li dawn qed joffru s-servizzi tagħhom f’Malta. Dawn joffru kull tip ta’ sess li wieħed jista’ jimmaġina li jinkludi wkoll sess fi gruppi u kif ukoll sess gay.

Il-Ministeru tal-Ġustizzja kkonferma li, “s’issa m’hemm l-ebda liġi li b’mod speċifiku tirregola l-hekk imsejħa ‘escort services’.” Fl-istess waqt, kelliema għall-Ministeru li tkellmu mal-ILLUM qalu li jekk dawn is-servizzi jinvolvu attivitajiet bħal “qligħ minn fuq il-prostituzzjoni, l-abbuż tal-minuri, it-traffikar ta’ persuni u reati kriminali oħra, min iwettaqhom ikun espost għal dak li jipprovdu l-liġijiet kriminali applikabbli.”

 

 

 

More in Socjali