‘Il-Ħabs jgħallmek tkun għażżien’

“Jibki għax jaf li għamel ħafna ħsara lil dawk in-nies l-iktar li jħobb u li għandu r-ritratti tagħhom imwaħħlin mal-ħajt”

George Busuttil, chairman ta’ ‘Mid-Dlam għad-Dawl’
George Busuttil, chairman ta’ ‘Mid-Dlam għad-Dawl’

“Ma jistax ikollok persuna li għal erba’ snin toqgħod tixrob il-kafè u tpejjep, u ma tagħmel xejn, għax jekk issiblu impjieg lil dan l-eks priġunier, ma tkunx taf iżżommu, għax tkun drat ma tagħmel xejn.”

Dan kien kliem iċ-chairman tal-NGO ‘Mid-Dlam għad-Dawl’, George Busuttil meta l-ILLUM iltaqgħet miegħu biex tara l-ħidma li ssir minn din l-għaqda mal-priġunieri, u x’jeħtieġ li jsir għall-futur.

George tkellem dwar kif għandha tkun imqassma l-ġurnata tal-priġunieri fil-ħabs biex tindara s-sistema li teżisti fis-soċjetà, ’il barra mill-ħabs. “Jekk qiegħed il-ħabs b’sentenza, ma tistax toqgħod ma tagħmel xejn. Jew titgħallem, jew taħdem, imma l-ġurnata jeħtieġ li tkun mimlija, għaliex huwa inutli li nsibu xogħol lill-eks priġunier jekk ma ngħallmuhx kif jista’ jżommu, u għalhekk, il-ġurnata fil-ħabs għandha tkun imqassma b’tali mod li tkun tixbaħ il-ħajja ta’ barra.”

L-Għaqda ‘Mid-Dlam għad-Dawl’ ilha mwaqqfa għal dawn l-aħħar 20 sena u l-għan tagħha huwa li joffri assistenza u għajnuna lill-priġunieri, eks priġunieri u l-familji tagħhom. Lil Busuttil nistaqsih x’inhi din l-għajnuna li joffru, u għal dan, ma jistax jagħtini tweġiba ċara għaliex, “l-għajnuna hi tant varjata. L-għajnuna li noffru fil-ħabs hi primarjament sapport morali u ħbiberija. Imbagħad ikun hemm min ikollu bżonn xi avukat, jew anke jkollu bżonn jikkuntattja lill-familjari barra minn Malta għax il-priġunier ma jkunx Malti. L-għajnuna qatt mhi l-istess, min għandu bżonn għajnuna mal-familja tiegħu, u min jiġi bżonn par peduni.”

 

Fejn joqogħdu tkun l-ikbar problema

Il-problemi għall-ħabsin fil-ħabs, jeżistu, kif jispjega Busuttil, iżda l-problemi ’l barra mill-ħabs ġeneralment jaqgħu fuq l-iktar kwistjonijiet bażiċi, bl-akkomodazzjoni tkun l-ikbar inkwiet. Iċ-chairman ta’ ‘Mid-Dlam għad-Dawl’ jispjega kif, “meta joħorġu mill-ħabs, l-akbar problema tal-prigunieri hi li ma jkollhomx fejn imorru joqogħdu.” Busuttil qal ukoll kif l-NGO għandha blokka ċkejkna ta’ appartamenti sabiex tkun tista’ tgħin lil dawk il-priġunieri li joħorġu mill-ħabs mingħajr ebda post fejn jgħixu, sabiex tevita li dawn ikollhom jispiċċaw joqogħdu fit-toroq. “Il-problema hi li nistgħu nakkomodaw tliet eks priġunieri biss. Per eżempju illum ċempluli tnejn biex ngħinhom isibu akkomodazzjoni. Wieħed minnhom jinsab barra diġà, u l-ieħor ħiereġ tliet ġimgħat oħra,” kompla jirrakonta George Busuttil.

 

Joħorġu mill-ħabs ta’ fuqhom senduqhom

Meta joħroġ mill-bieb ta’ barra l-ħabs fis-sebgħa ta’ filgħaxija tal-ġurnata li tispiċċa s-sentenza, l-eks piġunier ma jibqax segwit mill-istituzzjoni u jingħata xi għajnuna sakemm jerġa’ jsib saqajh fis-soċjetà. Dan jagħmluh biss l-organizazzjoniet bħal ‘mid-Dlam għad-Dawl’, li jippruvaw joffru sapport lill-dawn l-eks priġunieri fejn ikun hemm bżonn.

“Is-sistema tagħna ma toffri l-ebda tip ta’ għajnuna lill-priġunier wara li jkun ħareġ mill-ħabs u għalhekk, jekk għandek il-flus se toħroġ u għandek il-flus, imma jekk m’għandekx, tibqa’ b’xejn. Imbagħad, hemmhekk nippruvaw nidħlu nagħtu l-għajnuna aħna.”

George jitkellem b’ċertu passjoni dwar każijiet diffiċli ta’ priġunieri li jispiċċaw joħorġu mill-ħabs u ma jafux x’se jsir minnhom. “Tara każi pjetużi,” jispjega Busuttil, “ta’ priġunier li joħroġ mill-ħabs u m’għandu assolutament xejn, la familja, la fejn joqgħod, la xi ħaġa fil-but, u mhux dejjem tkun tista’ ssibilhom post fejn jitfgħu rashom mal-lejl.” U allura d-domanda tqum waħedha ta’ xi jsir minnhom dawn il-persuni li ma jkollhomx post biex iqattgħu l-lejl fih? Għal dan, George qal li dawn in-nies, “jintefgħu fit-triq u forsi jmorru jfittxu xi ħbieb li kellhom qabel, li xi drabi kienu l-istess nies li minħabba fihom spiċċaw fil-ħabs.”

 

L-inkwiet tal-familji ta’ ‘issa x’se jiġri?’

Il-familji ta’ dawn il-priġunieri prattikament ikunu mifxula u bżonn l-għajnuna, daqs jew iktar mill-priġunier innifsu. George jitkellem dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni li jkollhom, bl-iktar mistoqsija li jkollhom tkun, ‘imma issa x’se jiġri?’ “Rigward il-familji tal-priġunieri, għad hemm lakuna kbira ta’ informazzjoni,” spjega Busuttil. Minħabba f’hekk, l-għaqda, bl-għajnuna ta’ fondi li ħadet mill-Istrina, qed tħejji studju tal-problemi tal-familji tal-priġunieri b’enfasi speċjali fuq it-tfal, biex jintefa’ iktar dawl fuq x’inhuma l-bżonnijiet pressanti ta’ dawn il-familji, kif jistgħu jsibu l-għajnuna.

 

‘L-integrazzjoni fil-ħabs hi ħafna aħjar milli fis-soċjetà’

Il-priġunieri fil-ħabs mhumiex kollha kemm huma Maltin, altru minn hekk. George isemmi li hemm madwar 50 nazzjonalità fil-ħabs Malti, li bla dubju jirrifletti n-numru ta’ nazzjonalitajiet li nsibu fis-soċjetà. Spiss nisimgħu appelli għall-integrazzjoni ta’ dawn in-nies mal-komunità , jew saħansitra kontra din l-istess integrazzjoni. Iżda din il-kwistjoni hi preżenti fil-ħabs ukoll fost il-priġunieri. George Busuttil jgħidli li din mhix problema fil-ħabs, hekk kif, “l-integrazzjoni fil-ħabs hi ferm aħjar minn dik fis-soċjetà,” anzi hemm ikunu komunità waħda fejn jintegraw, jikkomunikaw ma’ xulxin u kulħadd jagħmel milli jista’ biex jgħin. “Ħafna barranin jaslu l-ħabs litteralment b’ta’ fuqhom senduqhom fejn lanqas ħwejjeġ ma jkollhom. Fil-fatt, jekk tasal il-ħabs u m’għandekx ħwejjeġ, il-ħabs ma jipprovdulux ħwejjeġ u allura irid jara minn fejn jista’ jiddobba jew jissellef xi ħaġa x’jilbes.”

 

‘Jaħlef li ma jerġax imma jaf li mhix faċli’

George Busuttil temm jgħid li l-preżenza tagħhom fil-ħabs diġà hi xi ħaġa ta’ kuraġġ li tgħin lil dawn il-priġunieri jgħaddu minn dan iż-żmien diffiċli. George jitkellem fuq il-qoxra li l-priġunier ikollu jibni meta jkun mal-priġunieri l-oħra iżda, “meta jkun magħna, jaf li jista’ jiftaħ qalbu u jibki, kif ħafna minnhom jagħmlu.” George kompla jitkellem dwar id-diffikultajiet li jara fejn, “Ikun hemm kull priġunier fih m’għola hawn li taħsbu se jieklok jekk tidħol ħdejh, u jibki għax jaf li għamel ħafna ħsara lil dawk in-nies l-iktar li jħobb li għandu r-ritratti tagħhom imwaħħlin mal-ħajt. Dak il-ħin jaħlef li ma jerġax, imma jaf li meta se joħroġ minn hemm, mhux se tkun xi ħaġa faċli.”

 

More in Socjali