Sena rekord għar-reġistru tal-Avjazzjoni

Ir-reġistru issa jlaħħaq il-213 ajruplan

Ir-reġistru tal-Avjazzjoni fi ħdan Transport Malta rreġistra 61 ajruplan fl-2015.  Din hija l-iktar sena li fiha ġew irreġistrati ajruplani f’Malta.  Inħarġu 6 ċertifikati lil operaturi ġodda, kif ukoll kien hemm żieda fin-numru ta’ liċenzji maħruġa għall-piloti u inġiniera.

B’reġistru li jlaħħaq 213-il ajruplan u 28 operatur, ir-reġistru tal-Avjazzjoni f’Malta qed ikompli jistabbilixxi ruħu. B’mod sinifikanti, ir-reġistru jinkludi numru sostanzjali ta’ ajruplani kummerċjali kif ukoll business jets.  

Fost oħrajn, ġew reġistrati żewġ Airbus A340 u Sukhoi Superjet 100, fejn din hi l-ewwel darba li ġie reġistrat dan il-mudell tal-kumpanija Sukhoi fl-Unjoni Ewropea.

Is-suċċess tar-reġistru tal-Avjazzjoni Malti huwa sostnut b’inċentivi fiskali li jinkludu rati ta’ taxxa vantaġġjużi u rebates fuq il-profitt. Dan hu kkumplimentat minn effiċjenza u flessibilità fl-operat u staff speċċjalizzat u tekniku u li huwa ukoll dejjem disponibbli. Dan kollu kien possibli permezz ta’ diversi miżuri li ttieħdu tul din l-aħħar sena mmirati sabiex itejbu l-livell ta’ servizz offrut mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili, li jinkludu investiment qawwi fir-riżorsi umani u rilokazzjoni ġewwa uffiċini ġodda u aktar adekwati ġewwa Ħal Luqa.  

Dawn l-inizjattivi jiżguraw li dan id-Direttorat għandu l-esperjenza u r-riżorsi neċessarji sabiex jasssiguraw l-ogħla livell ta’ servizz u standards tant essenzjali f’din l-industrija.

More in Socjali