Illum Jum in-Nanniet

Justyne Caruana titkellem dwar il-ħtieġa tan-nanniet fis-soċjetà mgħaġġla tal-lum

Il-fondazzjoni Nanniet Maltin waqt mixja bi thejjija għal Jum in-Nanniet fil-Belt Valletta
Il-fondazzjoni Nanniet Maltin waqt mixja bi thejjija għal Jum in-Nanniet fil-Belt Valletta

Ħafna minnkom li qed jaqraw dan l-artiklu jafu li Ottubru huwa x-xahar iddedikat lill-Anzjani. Din is-sena, għall-ewwel darba f’Malta, qegħdin niċċelebraw Jum in-Nanniet wara mozzjoni fil-Parlamement li ressaq propju dan il-Gvern din is-sena stess biex Jum in-Nanniet f’Malta jiġi ċċelebrat fit-tieni Ħadd t’Ottubru. 

Għalkemm hu fatt li mhux in-nanniet kollha huma anzjani, u kif ukoll li mhux l-anzjani kollha huma nanniet, il-maġġoranza tan-nanniet huma anzjani u allura s-segretarjat tiegħi qed jieħu rwol attiv ħafna f’dan l-ambitu.

Fil-fatt f’għeluq dan l-ewwel anniversarju ta’ Jum in-Nanniet u fl-okkażjoni tat-twaqqif tal-Fondazzjoni tan-Nanniet, din il-ġimgħa pparteċipajt f’mixja mal-Belt Valletta organizzata mill-Fondazzjoni Nanniet Malta li saret bħala parti mill-programm t’attivitajiet li għandhom rabta ma’ dan il-jum. 

L-irwol tan-nannu u n-nanna huwa wieħed ferm importanti u li qiegħed jagħti kontribut siewi u indirett lis-soċjetà tal-lum. Dan meta nafu li n-nanniet ħafna drabi qegħdin jgħinu lit-tfal tagħhom jieħdu ħsieb in-neputijiet meta huma ma jkunux jistgħu jew ikunu jridu jmorru jaħdmu. 

Ħafna drabi n-nanna u n-nannu jkunu omm jew missier għat-tieni darba meta jassistu lit-tfal tagħhom fit-trobbija ta’ wliedhom. F’kull okkażjoni li jkolli tal-Fondazzjoni tan-Nanniet, dejjem inġib l-eżempju personali tiegħi għaliex bħala omm li naħdem allaħares ma jkunux ommi u missieri li jeħduli ħsieb uliedi.

In-nanniet bħal kull anzjan jew anzjana oħra għandhom ħafna esperjenza x’joffru lis-soċjetà, speċjalment ukoll lin-neputijiet tagħhom. Dan huwa ukoll xempju tat-tema tal-anzjanità attiva. Ħafna drabi biex jagħmlu dan, in-nanniet ikollhom jagħmlu l-arranġamenti neċessarji biex jieħdu ħsieb lit-tfal, u dan mhux dejjem faċli biex isir, speċjalment meta l-persuni jkunu draw rutina tal-ħajja differenti u jridu jadattaw għal bżonnijiet il-ġodda tal-familja. 

“Bħala omm li naħdem allaħares ma jkunux ommi u missieri li jeħduli ħsieb uliedi”

Ix-xoghol ta’ trobbija tat-tfal huwa wieħed ta’ dedikazzjoni u għalhekk jaf ukoll iġib il-problemi tiegħu bħal stress ta’ ġenitur normali. Kif dejjem nisħaq, hemm bżonn li bħala soċjetà nuru iżjed rispett lejn in-nanniet u l-anzjani tagħna li jagħmlu tant xogħol siewi u volontarju, li kultant forsi ma jidhirx, u li għalih ma jippretendu l-ebda ħlas. Ir-rispett fuq kollox irid jintwera meta ommijietna u missirijietna, jew in-nanniet tagħna jaslu f’fażi tal-ħajja li ma jibqgħux indipendenti u jkunu jridu l-għajnuna tagħna. 

Ħafna għandhom il-mentalità żbaljata li meta membru tal-familja jsir anzjan, jista’ jitfa’ l-problemi fuq l-istat. Dan mhux mod ta’ kif inkunu responsabbli u ta’ kif nuru r-rispett u l-imħabba lura ta’ dak kollu li jkunu tawna missierijietna u ommijietna. Mhux qed ngħid li l-istat għandu jabdika mir-responsabbiltajiet tiegħu - anzi għax aħna bħala segretarjat għaddejjin il-ħin kollu biex inżidu u ntejbu s-servizzi għall-anzjani. Iżda sfortunatament għandna wisq anzjani li sfaw abbandunati minn qrabathom.

Nafu kemm iċ-ċirkustanzi tal-ħajja tal-lum saru diffiċli ferm, iżda wieħed m’ għandux jinsa r-responsabbiltajiet tiegħu jew tagħha fil-konfront tal-familjari anzjani għaliex dan mhux biss huwa obbligu morali imma wkoll legali.

Biex nikkonkludi dan il-messaġġ qasir, nixtieq nieħu din l-opportunità biex nawgura lin-nanniet kollha l-jum it-tajjeb iddedikat għalihom, b’mod speċjali wkoll lil missieri u lil ommi. Nawgura wkoll lil dawk il-persuni kollha li qegħdin bil-ħerqa jistennew il-mument biex isiru nanniet huma ukoll. Awguri minn qalbi.

Justyne Caruana hi s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva.

More in Socjali