Erba’ snin trabbi mingħajr saqaf fuq rasha

“Jien ma nitkarrab ma’ ħadd, għax il-ħajja għallmitni li kulħadd għandu d-diffikultajiet tiegħu”
“Jien ma nitkarrab ma’ ħadd, għax il-ħajja għallmitni li kulħadd għandu d-diffikultajiet tiegħu”

Illum Jum l-Omm, iżda għal *Diane din hi ġurnata bħal oħrajn fil-ġlieda tagħha ta’ kuljum li titma u tlibbes żewġ itfal mill-benefiċċji soċjali – l-uniku introjtu li għandha.

Il-fatt li m’għandhiex saqaf fuq rasha tagħmilha diffiċli għaliha biex tagħti ħajja kemm jista’ jkun normali lil uliedha. Illum il-ġurnata, hi ilha erba’ snin li applikat għall-akkomodazzjoni soċjali mal-awtorità għad-djar, iżda s’issa għadha ma rċeviet l-ebda aħbar.

Tirrakkontali kif il-ġimgħa tqassamha f’żewġt idjar, waħda ta’ kuġinuha u l-oħra ta’ ħabiba tagħha li romlot u ddeċidiet li tgħinha kif tista’. Fil-bidu kienet megħjuna b’xi mod minn ħutha, iżda bil-familji tagħhom ukoll x’jieħdu ħsieb, ftit setgħu joffru saqaf għal żmien twil u indefinit. 

“Jien ma nitkarrab ma’ ħadd, għax il-ħajja għallmitni li kulħadd għandu d-diffikultajiet tiegħu. Wara snin f’din is-sitwazzjoni issa ddisprajt, u ċertu ħsibijiet neħħejthom biss għax kont inħalli t-tfal warajja,” tgħidli hi b’għajnejha miksurin. 

Il-mara għandha żewġt itfal, wieħed ta’ 6 snin u ieħor ta’ kważi sentejn. 

Meta applikat l-ewwel darba għall-iskema ta’ housing Diane kienet toqgħod mal-ġenituri tagħha f’bini li parti mis-saqaf kien kundannabbli, u qas biss kellu kamra tal-banju.

Iżda l-ħtieġa biex il-każ tagħha jiġi indirizzat mill-awtoritajiet kibret meta hi tkeċċiet ’il barra biż-żewġt itfal tagħha. 

Tgħid kif l-unika raġġ ta’ tama wasal madwar xahar u nofs ilu meta rċeviet telefonata u qalulha li daqt se jsirilha appuntament mal-awtorità tal-Housing biex jiddiskutu aktar dwar il-każ tagħha.

“Iżda ġimgħa wara nbidlet il-Ministru tal-Familja li saret President. Mhux qed ngħid li m’għandix fiduċja fis-suċċessur tagħha iżda kelli fiduċja f’Marie Louise Coleiro Preca għax dehret li qed tmexxi ’l quddiem l-affarijiet.”

Minn dik it-telefonata ’l hawn, ma rċeviet xejn aktar. Meta pruvat tagħmel kuntatt hi, ir-risposta li rċeviet kienet li qiegħda f’lista u trid tistenna li jsirilha l-appuntament. 

“Kuljum nissieltu mal-ħajja u sfortunatament mhux l-ewwel darba kelli niddejjen biex għallinqas ikolli biex nitma lit-tfal. Nixtrilhom borża chicken nuggets bit-tama li jservuni ftit jiem, għalija ma nħabbilx rasi mqar niekol biċċa ħobż bil-butir.”

Diane tgħidli wkoll li n-nuqqas ta’ post fiss fejn toqgħod li tista’ ssejħilha darha jaffettwalha wkoll il-possibbiltà ta’ mpjieg permanenti. 

“Fejn se nħalli t-tfal sakemm inkun ix-xogħol?” hi waħda mir-raġuni li hi tagħti meta mistoqsija dwar il-possibbiltà li ssib impjieg.

Hi ttemm tgħid li diġà hi sfida għaliha biex tara kif kuljum twassal lit-tfal l-iskola, b’ħafna mid-drabi twassalhom bil-mixi mill-Kalkara sa Ħaż Żabbar

“Li jkolli saqaf fuq rasi almenu tgħini jkolli ħajja normali u lil uliedi ma nkomplix nqalbilhom ħajjithom ta’ taħt fuq,” tappella l-omm. 

*L-isem hu fittizju biex jipproteġi l-identità tal-omm u ta’ wliedha

More in Socjali