Il-Prim Ministru jinawgura proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza 1902

Il-binja, magħrufa bħala d-diskoteka tar-Raffles fit-tmeninijiet, sar restawr fuqha u llum toffri servizzi differenti għall-komunità • Il-binja ta’ grad 1 żammet il-karatteristiċi oriġinali tagħha

Minn childcare centre għal stabbilimenti tal-ikel, gym u anki post fejn isiru laqgħat, din il-binja ta’ grad 1 sar investiment fuqha u żammet il-karatteristiċi oriġinali tagħha. (Ritratt: DOI)
Minn childcare centre għal stabbilimenti tal-ikel, gym u anki post fejn isiru laqgħat, din il-binja ta’ grad 1 sar investiment fuqha u żammet il-karatteristiċi oriġinali tagħha. (Ritratt: DOI)

Fl-inawgurazzjoni ta’ proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza 1902 f’Pembroke, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li f’riġenerazzjoni jrid jara l-kwalità u żvilupp li jirrispetta l-karatteristiċi Maltin.

Fisser kif il-proġett inawgurat, li ta l-ħajja lil post li kien abbandunat wara ħsarat estensivi fil-passat, iħaddan il-prinċipji marbuta mal-ambjent u l-kwalità.

B’investiment privat ta’ €5 miljun, din il-binja magħrufa bħala d-diskoteka tar-Raffles fit-tmeninijiet, sar restawr fuqha u llum toffri servizzi differenti għall-komunità. Minn childcare centre għal stabbilimenti tal-ikel, gym u anki post fejn isiru laqgħat, din il-binja ta’ grad 1 sar investiment fuqha u żammet il-karatteristiċi oriġinali tagħha.

F’indirizz li għamel, Robert Abela sostna li dan l-investiment huwa xhieda tad-direzzjoni li qed jagħti l-Gvern favur żvilupp sostenibbli.

“Dawn l-ispazji rridu nippjanawhom bi ħsieb u nagħmluhom sbieħ fejn il-familja jixirqilha tqatta’ ħin ta’ kwalità minn ħajjitha fl-isbaħ ambjent possibbli”, sostna l-Prim Ministru.

Żied jgħid li l-iżvilupp ma jistax ikun fuq binarju għalih jew fuq in-naħa opposta tal-ambjent iżda iż-żewġ aspetti jridu jiġu flimkien biex noħorġu l-aqwa riżultat possibbli.

Innota kif dan l-investiment privat huwa att ukoll ta’ fiduċja fil-pajjiż u filwaqt li l-Gvern irid jibqa’ jinċentiva l-investiment bl-għajnuna u bl-istabbiltà li joffri, irid ukoll jiffaċilita bit-tnaqqis fil-burokrazija.

“Investiment għaqli u sostenibbli jġib il-ġid għal kulħadd”, qal Abela, li nnota kif is-suċċess f’pajjiżna hu riżultat tal-bżulija tal-investitur u l-ħaddiem.

More in Politika