Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-edukaturi jixirqilhom pagi u kundizzjonijiet aħjar

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jmexxi delegazzjoni f’laqgħa mal-MUT

Ritratt: Partit Nazzjonalista
Ritratt: Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista insista li jemmen li l-edukaturi jixirqilhom pagi u kundizzjonijiet aħjar.

"Dan għax hu essenzjali li jsir l-investiment meħtieġ biex naraw li ħadd minn ulied dan il-pajjiż ma jibqa’ lura," il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal meta mexxa delegazzjoni tal-Partit f’laqgħa mat-tmexxija tal-Union tal-Għalliema (MUT) bħala parti mill-attivitajiet ta’ Jum il-Ħaddiem.

Fl-uffiċċji tal-union, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista intlaqa’ mill-President tal-MUT Marco Bonnici u tkellem mal-istaff preżenti.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq fuq l-importanza ta’ dan is-settur għal pajjiżna, hekk kif hi biss l-Edukazzjoni li tista’ tassigura li jkollna poplu għaqli u mħarreġ.

Grech qal li l-Partit immexxi minnu jara li jitjiebu b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi fuq il-livelli kollha, bl-għan li jkunu inċentivati aktar professjonisti biex jidħlu għal dan l-impenn kruċjali.

Dan isir b’titjib sostanzjali fis-salarji, miżuri li jtejbu l-bilanċ bejn il-familja u l-professjoni, kif ukoll inċentivi li jappoġġjaw it-taħriġ professjonali kontinwu.

Barra minhekk, qal li jara li tingħata l-ispinta meħtieġa biex jinħoloq ambjent li fih ikun assigurat li l-edukaturi jitħallew jedukaw u mhux jinħlew jagħmlu xogħol burokratiku anċillari li jista’ jsir minn persuni oħrajn.

Grech qal ukoll li jrid ukoll li jiddaħħal qafas li bih jistgħu jkunu ingaġġati aktar LSEs, b’kundizzjonijiet aħjar, filwaqt li jingħataw aktar taħriġ speċjalizzat biex ikunu jistgħu jagħtu appoġġ aktar iffukat lill-istudenti tagħhom.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MUT faħħar il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-qasam, fost l-oħrajn b’kuntatt kontinwu mal-union, li wassal għal relazzjonijiet tajbin bejn iż-żewġ naħat. Irringrazzja wkoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-appoġġ li l-Partit ta lill-edukaturi fil-protesti riċenti li għamlu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri, mill-Kelliem għad-Delizzji u t-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja Charles Azzopardi u mill-Kelliem għas-Settur Marrittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo, kif ukoll mill-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Miriana Calleja Testaferrata De Noto.

More in Politika