Titnieda l-inizjattiva Bring Your Own Container

180 negozju jingħaqdu fl-inizjattiva ta’ Circular Economy Malta

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u Circular Economy Malta nedew l-inizjattiva Bring Your Own Container (BOYC), biex iħeġġu lill-konsumaturi jagħżlu kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw meta jixtru firxa wiesgħa ta’ prodotti, minn prodotti tax-xorb u ikel għal deterġenti u kożmetiċi.

Wara li sar outreach fl-aħħar ġimgħat, aktar minn 180 ħanut diġà ngħaqdu ma’ din l-inizjattiva fejn se joffru roħs, offerti esklussivi, prodotti b’xejn u inċentivi oħra meta l-klijenti jużaw il-kontenituri tagħhom meta jixtru minn dawn il-ħwienet. Circular Economy Malta se tkun qed iżżur numru ta’ stabbilimenti reġistrati fejn se tippreżenta rigali lill-klijenti li jagħmlu użu minn kontenituri li jerġgħu jintużaw għax-xiri tagħhom.

Il-Ministru Dalli nediet din l-inizjattiva waqt li ltaqgħet ma’ uħud mill-ħwienet li qed jipparteċipaw flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Circular Economy Jason Vella.

Il-Ministru spjegat li din l-inizjattiva hija pass ieħor importanti ’l quddiem fl-implimentazzjoni tal-viżjoni tal-ekonomija ċirkolari ta’ Malta. “Qed inħeġġu lin-nies biex ifittxu b’mod attiv dawk in-negozji li joffru għażliet sostenibbli u mingħajr skart, bħal bring-your-own-container u inċentivi simili oħra. It-tnaqqis tal-iskart li jintuża darba biss huwa opportunità għan-negozji biex inaqqsu l-ispejjeż u jżidu s-sostenibbiltà ambjentali fl-operat tagħhom, li jikkontribwixxu għall-isforzi tagħhom tal-ESG.”

“L-inizjattiva tal-Bring-Your-Own-Container se tibni fuq inizjattivi oħra importanti tal-Gvern, bħas-separazzjoni mandatorja tal-iskart, l-introduzzjoni tar-reuse centres u l-projbizzjoni ta’ ċertu plastik li jintuża darba biss, biex inkomplu nnaqqsu l-iskart u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent. Qed inħeġġu lill-komunitajiet tagħna biex jadottaw mod ta’ ħajja aktar sostenibbli, fejn l-iskart isir riżorsa importanti f’ekonomija ċirkolari effettiva,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

In-negozji li qed jipparteċipaw fl-inizjattiva tal-BOYC jinkludu kafetteriji, ristoranti take-awayminimarkets u ħwienet tal-merċa, ħwienet tal-annimali domestiċi, ħwienet tad-deterġenti, u ħafna oħrajn. Circular Economy Malta qed tagħti lill-ħwienet li qed jipparteċipaw marka ta’ rikonoxximent tal-BOYC  biex jesponuha fil-ħanut tagħhom biex tindika l-impenn tagħhom li jnaqqsu l-iskart li jintuża darba biss u jħeġġu  lill-klijenti jġibu l-kontenituri tagħhom stess. In-negozji li qed jipparteċipaw huma elenkati wkoll f’mappa online tal-BOYC fuq il-websajt ta’ Circular Economy Malta, li turi l-postijiet fejn jinsabu dawn il-ħwienet madwar Malta u Għawdex. In-negozji ser jsostnu wkoll prattiċi tal-iġjene.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Circular Economy Malta Jason Vella nnota l-istħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tal-2023 fejn wera li aktar minn 62% tan-nies f’Malta qed jevitaw b’mod attiv l-ippakkjar tal-plastik, u minflok jagħżlu basktijiet u kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw meta jmorru jixtru. “L-inizjattiva tal-BOYC  hija xhieda tal-impenn ambjentali tagħna. B’ħidma flimkien twassal għal futur aktar nadif u ċirkolari għal Malta,” qal is-Sur Vella.

In-negozji interessati li jissieħbu fl-inizjattiva BOYC jistgħu jirreġistraw online fuq www.cemalta.gov.mt. Il-konsumaturi jistgħu jfittxu l-eqreb ħwienet tagħhom li qed jipparteċipaw fuq il-mappa online fuq www.cemalta.gov.mt/bring-your-own-container-map/. Għal aktar informazzjoni, segwi s-socials ta’ Sostenibilità u Circular Economy Malta.

More in Politika