Ftehim fis-settur tat-turiżmu mar-Repubblika tal-Korea

Borg jgħid li Malta għandha tħares lil hinn mis-suq tradizzjonali, u permezz ta’ dan il-ftehim se tkun qed tinħoloq ekosistema li tiffaċilita l-kooperazzjoni turistika

Il-Ministru Ian Borg qal li is-settur tat-turiżmu huwa pedina essenzjali mill-ekonomija ta' Malta, kif ukoll huwa ta’ importanza  għar-Repubblika tal-Korea. Waqt żjara uffiċjali tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg f'Seoul, fir-Repubblika tal-Korea, iffirma ftehim ta' kooperazzjoni mal-Ministru għall-Kultura, Sport u Turiżmu Yu Inchon.

Dan il-ftehim ser jiffaċilita l-kooperazzjoni turistika bejn il-żewġ pajjiżi u jwassal għal aktar skambji turistiċi, kif ukoll għal skambju ta' statistiċi u pubbliċità u tiġi mħeġġa il-parteċipazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi f’fieri importanti.  

Borg jgħid li huwa importanti li Malta tkompli tkabbar il-potenzjal tagħha fil-qasam tat-turiżmu billi tiftaħ għal suq ġdid u tħares lil hinn mis-suq tradizzjonali. Borg jemmen li dan il-ftehim se jwassal għal titjib. Borg sostna li it-turist Korean huwa wieħed ta' kwalità, u huwa essenzjali li Malta tkompli tinvesti biex is-settur ekonomiku jkompli jimraħ. 

Borg kellu wkoll laqgħa mal-Ministru għall-Ġustizzja u r-Rappreżentant Speċjali tal-President tal-Repubblika tal-Korea Han Dong Hoon wara li kien f’Malta ftit tal-ġimgħat ilu. Laqgħa oħra kienet mal-Ministru għall-Oċeani Cho Seung Hwan li kien akkumpanjat minn numru ta’ sidien tal-kumpaniji tal-vapuri u l-merkanzija. Hawnhekk kienu diskussi l-isfidi u l-opportunitajiet f’dan is-settur li huwa tant essenzjali għaż-żewġ pajjiżi u anke l-kooperazzjoni li tista’ ssir.

More in Politika