Trikki trakki bejn il-Partit Laburista u Cyrus Engerer

Jidher li r-relazzjoni bejn il-Membru tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer u l-Partit Laburista ma tantx hija waħda soda

Il-karriera politika ta’ Cyrus Engerer, id-Deputat Laburista elett fil-Parlament Ewropew, għaddeja minn daqsxejn maltemp hekk kif l-affarijiet ma jidhrux tant sbieħ bejn il-Partit Laburista u d-deputat progressiv.   

Engerer, li ilu jitkellem anke fil-miftuħ fuq il-korruzzjoni u l-affarijiet li kienu qed idejquh, għażel li jitkellem ċar dwar kif jaħsibha. Imma l-aktar mossa li dejqet bil-kbir lill-PL kien is-sehem tiegħu f’seminar dwar is-saltna tad-dritt organizzat mill-grupp Repubblika mmexxi minn Robert Aquilina. Il-grupp Repubblika huwa kritiku aħrax tal-PL u tal-Prim Ministru Robert Abela. 

Ġranet qabel, anke fuq il-programm Xtra, Engerer tkellem fil-mifuħ dwar il-korruzzjoni u b’mod dirett attakka l-Gvern tiegħu stess. L-eks kunsillier Nazzjonalista li kien telaq mill-PN u ssieħeb mal-PL kien il-mimmi ta’ għajnejn l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u kien ikkunsidrat bħala referenza progressiva fil-PL.  

Min hu Cyrus Engerer? 

L-ewwel involviment ta’ Engerer fil-politika Maltija kien relatat mal-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Konvint li s-sħubija kienet se żżid l-opportunitajiet ta’ Malta għat-tkabbir, huwa ngħaqad mal-Moviment IVA Malta fl-Ewropa u għamel kampanja favur is-sħubija ta’ Malta fl-UE waqt ir-referendum ta’ sħubija mal-Unjoni Ewropea fl-2003.    

Fl-istess sena, imqanqal mill-pożizzjoni pożittiva tal-partit dwar is-sħubija fl-UE, Engerer ingħaqad mal-Partit Nazzjonalista. Fl-elezzjonijiet amministrattivi f’Malta tal-2009, Engerer ġie elett fil-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, it-tielet fost għaxar kandidati. Fl-2010 Engerer inħatar viċi sindku ta’ Tas-Sliema.    

Engerer spiss ikkritika l-pożizzjonijiet konservattivi tal-PN, speċjalment fuq kwistjonijiet relatati mad-drittijiet ċivili u l-libertajiet. Waqt l-aħħar Kunsill Ġenerali tal-PN, Engerer ta x’jifhem li l-PN kien maqtugħ mir-realtajiet tas-soċjetà.    

Waqt il-kampanja ta’ referendum għall-introduzzjoni tad-divorzju f’Malta fl-2011, Engerer ingħaqad mal-Moviment Iva Għad-Divorzju. 

Dak iż-żmien, Gonzi vvota kontra d-divorzju. Dan wassal biex Engerer jirriżenja mill-PN fil-15 ta’ Lulju 2011 u jingħaqad mal-PL mmexxi minn Joseph Muscat, li personalment kien għamel kampanja favur l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni tad-divorzju u libertajiet ċivili oħra.   

Fi ħdan il-PL, Engerer mexxa l-ġlieda għad-drittijiet ċivili. L-involviment tiegħu kienu partikolarment prominenti fil-kampanja tal-PL tal-2013 għall-Elezzjonijiet Ġenerali.  

Wara l-ħatra tagħha bħala Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Helena Dalli ħatret lil Engerer bħala Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv għad-drittijiet LGBT, bil-kompitu inizjali jkun li jipprovdi lill-Gvern b’abbozz ta’ liġi dwar l-Unjonijiet Ċivili kif ukoll att dwar l-identità tal-ġeneru.  

Engerer ingħaqad mal-kabinett tas-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE tal-2017 u l-Finanzjament tal-UE, Ian Borg.  

F'Ottubru tal-2014, Engerer inħatar mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat bħala l-"mibgħut speċjali" tiegħu għall-Unjoni Ewropea, Rappreżentant Permanenti uffiċjali ta' Malta għall-UE fejn kien fl-uffiċċju ta' Dar Malta fi Brussell. Huwa żamm ir-rwol sal-2019.  

Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014, huwa kkontesta bħala kandidat tal-PL. Kien f’dan iż-żmien meta nstab ħati mill-Qorti tal-Appell Kriminali wara li l-Qorti qalet li hemm raġunijiet biżżejjed li juru li Engerer kien l-awtur u l-moħħ ta’ tixrid ta’ ritratti fuq l-internet għad-dannu tal-eks sieħeb tiegħu, li hu l-vittma f’dan il-kaz. 

Sussegwentament huwa kien irtira l-kandidatura tiegħu għall-Membru Parlamentari Ewropew, iżda wara r-riżenja ta’ Miriam Dalli f’2020, Engerer kien akkwista 2,200 vot minn Dalli fl-elezzjoni tal-2019 u ġie elett bħala s-sitt MEP ta’ Malta.

Bħala MEP, Engerer kien parteċipant attiv fix-xena politika Ewropea u kkontribwixxa permezz tal-parteċipazzjoni f’diversi kumitati u inizjattivi Parlamentari. Ix-xogħol tiegħu kien jiffoka fuq diversi kwistjonijiet inkluż, d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, u t-tħassib ambjentali.     

Cyrus Engerer huwa partikolarment magħruf għall-promozzjoni tiegħu dwar id-drittijiet LGBTQ+, li fl-aħħar mill-aħħar wasslet għar-rikonoxximent legali taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess fil-pajjiż fl-2017. L-isforzi tiegħu f'dan ir-rigward kienu strumentali biex ttrasforma lil Malta f'pinniera għad-drittijiet LGBTQ+ fl-Ewropa.

More in Politika