Battibekki bejn Sant u Casa dwar riżoluzzjoni tal-UE fuq is-saltna tad-dritt u l-abort f’Malta

F’sessjoni riċenti tal-Parlament Ewropew, l-MEP Nazzjonalista David Casa sab ruħu fiċ-ċentru tal-attenzjoni wara l-vot tiegħu dwar riżoluzzjoni li tikkonċerna l-istat tas-saltna tad-dritt f’Malta. 

B’reazzjoni għall-vot riċenti dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, l-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant akkuża lill-membri tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew li ppruvaw iħeġġu lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jintroduċu l-abort f’Malta. Ir-riżoluzzjoni appellat lill-Gvern Malti biex “finalment jiddaħħal id-dritt għal abort sigur u legali fil-liġi nazzjonali.” Ir-riżoluzzjoni tressqet fil-plenarja mill-MEP David Casa. 

Sant, li ma setax jattendi s-sessjoni plenarja ta’ Strasburgu, qal li segwa mill-qrib il-proċeduri u esprima s-sorpriża tiegħu dwar il-kontenut tar-riżoluzzjoni. 

Sant qal, “Bqajt skantat insib li r-riżoluzzjoni tgħid hekk fost oħrajn: 

“(Il-Parlament Ewropew) Jesiġi mill-Gvern Malti biex sa fl-aħħar iniedi d-dritt għal abort sigur u legali fil-liġi nazzjonali, kif il-Gvern kien ħabbar qabel, ħaġa iżda li ma twettqet skont l-ebda proċess leġiżlattiv, għax minflok, bil-maqlub, ġiet approvata liġi restrittiva dwar l-abort.” 

Ir-riżoluzzjoni ffukat fuq is-saltna tad-dritt f’Malta: sitt snin wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u għalhekk il-ħtieġa li jiġu protetti l-ġurnalisti. Iżda l-istess riżoluzzjoni ħeġġet lill-Gvern Malti biex jadotta d-drittijiet tal-abort, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa li d-deċiżjoni ssir mill-poplu Malti stess permezz ta’ proċess demokratiku. 

Il-kritika ta’ Sant ma kinitx biss lejn David Casa, iżda wkoll lejn il-President tal-Parlament tal-UE Roberta Metsola, li għalkemm ma pparteċipatx fil-vot, meta ħadet il-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew kienet iddikjarat li “l-abort għandu jsir dritt kostituzzjonali Ewropew”.  

Madankollu, l-Ewroparlamentari David Casa, permezz ta’ post fuq Facebook, iċċara li ttieħdet votazzjoni dwar il-klawsola speċifika relatata mal-abort. Casa wera biċ-ċar li huwa, flimkien mal-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba, kienu l-uniċi żewġ MEPs Maltin li opponew il-klawsola tal-abort.  

Casa qal li din turi l-pożizzjoni tiegħu rigward l-abort, hekk kif saħaq li dejjem  kienet konsistenti u oppona li jidħol l-abort f’Malta u qal li l-poplu Malti biss jista’ jdaħħal l-abort f’pajjiżna. 

Ir-riżoluzzjoni ġiet approvata b’437 vot, 14 ivvutaw kontra, u 66 astjenew. Żewġ Membri Parlamentari Ewropej biss mill-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi vvutaw kontra r-riżoluzzjoni – l-MEP's Laburisti Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar. Cutajar ma vvutatx fuq l-emendi għall-klawsoli individwali, inkluż dik fuq l-abort. Cyrus Engerer ħalla l-plenarja mingħajr ma tefa’ vot. 

Il-vot ta’ Casa u l-kjarifika sussegwenti tiegħu fuq il-midja soċjali ġabu fuq quddiem il-kwistjoni sensittiva tad-drittijiet tal-abort f’Malta, u qanqlu diskussjonijiet dwar l-irwol tal-MEPs fit-tiswir ta’ politika bħal din fl-Unjoni Ewropea u l-pożizzjoni tal-politiċi individwali dwar din il-kwistjoni tant sensittiva. 

More in Politika